Thursday, November 13, 2014

Storja Umorisitka.

Meta ntilef in-nannu.

In-nannu xi kultant jinsa xi jkun kiel ftit qabel. Xi kultant jaħsibni xi ħaddieħor u xi kultant jintilef. Dan għaliex in-nannu għandu d-dimensja. Imma temmen li ntilef meta mar il-knisja? 

In-nannu u oħti telqu għall-quddiesa tal-Ħadd. Lil oħti tgħidx kemm domni navżawha biex tieħu ħsieb lin-nannu. Waqt li kienu mixjin lejn il-knisja ta' Tas-Sliema, oħti rat ħanut ġdid tal-ħwejjeġ. Tajjeb li ngħidu li oħti ffissata fuq il-ħwejjeġ u bla dubju ta' xejn daħlet u 'addio' n-nannu.

In-nannu baqa' sejjer iżda mbagħad tfixkel. Xħin oħti ġiet lura, ħadd ma nkuna li n-nannu ma kienx hemm. Poġġejna fuq is-sufan biex naraw l-'X Factor.' Kien waqt il-programm li ġie jkanta wieħed u qal li qed ikanta għal missieru li għallmu jkanta, iżda issa għandu d-dimensja. Dlonk ftakart fin-nannu u ndunajt li ma kienx magħna. 

Tgħidx x'qatgħa ħadt, kienu d-disgħa u nofs ta' billejl, dlam ċappa. Min jaf fejn kien in-nannu? Mort ngħid 'l ommi u 'l missieri filwaqt li oħti ma ntebħet b'xejn u kienet għadha ma tafx x'għajta kienet se taqla'. Il-mamà u l-papà tgħidx kemm damu jgħajtu m'oħti u ħadulha l-mowbajl u l-'credit card.' 

F'daqqa waħda nstema' ħoss kbir, qisu xi ħadd kien qed jisgassalna l-bieb. Jien u l-familja tiegħi morna naraw x'kien u quddiem wiċċna sibna l-kappillan b'wiċċu aħmar nar! 

Qalilna li sab lin-nannu fis-sagristija għid isimna. Qal ukoll li mnalla kien hemm Ċetta ta' faċċata tagħna li qalet lill-kappillan fejn noqogħdu għax inkella kien jibqa' hemm. 

Oħti tgħidx kemm iddispjaċiha u minn dakinhar 'l hawn qatt ma reġgħet daħlet f'dak il-ħanut tal-ħwejjeġ. Kulħadd se jibqa' jiftakarha din il-ġrajja, minbarra n-nannu! 

Elisa Micallef Peplow (Form 2.1)  
----------

Ċajta li għamiltu lill-għalliema tal-Malti.

L-għalliema tal-Malti kienet ħamra nar u mxarrba għasra. Hi u tielgħa t-taraġ, kulħadd beda jħares lejha. Is-Sinjura Mifsud kienet l-għalliema li qatt ma tieħu gost b'xejn, dejjem tagħti x-xogħol tqil li kważi ħadd ma jifhem u din l-isbaħ, li bilkemm tispjega u tippretendi li nkunu nafu kollox!

Insomma, aħna konna fuq il-bejt, klassi sħiħa tidħak u togħxa waqt li l-għalliema waslet fuq il-bejt u ssibna... Stenna naqra, naħseb trid tkun taf kif bdiet din l-istorja hux? Mela ħa nibda nirrakkontalkom. Kien il-Ħamis filgħodu li din iċ-ċajta twieldet, fil-klassi tagħna, li fiha b'kollox qegħdin ħamsa u għoxrin. Iddeċidejna li nagħmlu ċajta lill-għalliema tal-Malti, allura ltqajna kollha kemm aħna fil-brejk u kulħadd ra li jġib l-affarijiet neċessarji; bżieżaq u l-ilma mill-bejt.

Il-Ġimgħa waqt il-brejk, aħna lkoll tlajna fuq il-bejt tal-iskola biex il-pjan brillanti tagħna jfaqqas. Imlejna l-bżieżaq bl-ilma mill-vit li kien hemm, wara li l-bżieżaq kienu mimlijin, rajna fejn hi l-għalliema. Meta kienet eżatt taħtna u rajna li kienet aljenata, tlaqna l-bżieżaq mimlijin bl-ilma dritt għal fuqha. 

Ovvjament tafu l-kumplament tal-istorja imma xorta waħda qlajna detenzjoni, kollha kemm aħna. Imma s'issa, għoxrin sena wara li ġrat dik iċ-ċajta, għadna niftakruha qisha kienet għadha kif ġrat ilbieraħ. Tassew kienet ċajta li ma ninsewha qatt. Meta nħares lura lejn dawk iż-żminijiet, illum nirrealizza kemm dawn l-għalliema kienu t'għajnuna strumentali għalina għaliex tawna bażi soda, kemm fl-edukazzjoni u kif ukoll fil-ħajja. Għalhekk jien nirringrazzja lill-għalliema kollha li għenuni fl-iskola (u iva, anki lis-Sinjura Mifsud!)

Aimee Sciberras (Form 2.2) 
----------

Meta ssakkart barra.

Kien it-Tlieta, l-erbatax ta' Ottubru u konna spiċċajna kmieni mill-iskola, għalhekk kelli nagħmel ftit ħin waħdi d-dar sakemm tasal ommi lura mix-xogħol. Xħin inżilt mill-vann u bdejt infittex iċ-ċavetta tad-dar ġol-basket, ma stajtx insibha u f'daqqa waħda ftakart li kont ħallejt iċ-ċwievet fuq il-mejda ta' ġewwa. 

Bdejt ninkwieta ħafna għax il-ġirien tiegħi huma l-ħwienet u dawn kienu għadhom magħluqin. Kelli ġafna ġuħ dak il-ħin fuqi u ma kellix flus biex imqar immur nixtri żewġ pastizzi. Ftit wara ddeċidejt li mmur għand iz-ziju li kien joqgħod fil-blokka t'appartamenti ta' warajna. Jien u miexja kien hemm ħamiema li ddeċidiet li tħammeġ fuqi. Ħammġitli xagħri, bl-uniformi b'kollox. Fil-pront ħriġt il-'wet wipes' u bdejt nintmesaħ. Wara komplejt il-mixja tiegħi. 

Kif wasalt għand iz-ziju, ħabbatt il-bieb imma ma kien hemm ħadd ħlief il-qtates. Dak il-ħin bdejt ngħid bejnu u bejn ruħi, "Illum ġejja ħażina! Ser ikolli noqgħod xi sagħtejn barra sakemm tasal ommi lura mix-xogħol, xi sagħtejn oħra!" Ftakart li f'dik l-istess blokka joqogħdu z-zija l-oħra tiegħi u z-zija t'ommi, għalhekk ħsibt li mmur nara jekk hemmx xi ħadd minnhom id-dar. L-isfortuna baqgħet tiġri warajja għax ma kien hemm ħadd minnhom id-dar, b'kumbinazzjoni! Komplejt miexja u ftakart li mhux ftit 'il bogħod hemm tax-xagħar li tiġi l-kuġina t'ommi u b'kumbinazzjoni tal-kumbinazzjonijiet kienet għalqet għal dik il-ġurnata. Wara, iddeċidejt li aħjar nibqa' bil-ġuħ u mmur nistenna fuq l-għatba tal-bieb. 

Jiena u miexja lura d-dar infetħu bibieb is-sema u xxarrabt għasra. Dak ma kienx kollox għax ftit wara żlaqt żelqa u ġejt fuq il-patata. Tant bdejt nistħu li ġrejt sad-dar u bqajt nistenna barra mxarrba daqs fellus! 

Kayleigh Portelli (Form 2.3)



Wednesday, November 5, 2014

Dinja tal-Fantasija.

Jiena ħa nirrakkontalkom storja stramba li ġrat lill-ħabiba tiegħi Mari. Din il-ġrajja ħallietni mħawda s'issa! 

Il-ħabiba kienet tħobb taqra fuq il-pjaneti. M'ilux qaltli li kienet għadha kif spiċċat taqra ktieb fuq l-ispazju. Qaltli li teżisti pjanetà speċjali, pjanetà taċ-ċikkulata. Jiena dlonk infqajt nidħak għax jidhirli li ma jistax ikun hemm pjanetà taċ-ċikkulata. Insomma, f'kemm ilni ngħid kien wasal il-lejl, b'maltempata kbira. Mari kienet qiegħda fis-sodda tagħha u bdiet tibża'. Hi xtaqet li jiġu l-aljeni minn dik il-pjanetà u joħduha. Għandikun sew jgħidu li l-ajru għandu għajnu u l-ħajt għandu widintu! Dan għaliex meta qalet hekk, sparixxiet!

Meta waslet, sabet ruħha fuq l-art imma xħin qamet, skopriet li kienet qiegħda fuq dik il-pjanetà li kienet qrat dwarha. Hi kienet se ttir bil-ferħ u ma riditx temmen lil għajnejha. Hi mill-ewwel bdiet tibla kull ma rat quddiemha! Wara li kienet imliet żaqqha mhux ħażin, bdiet tibża' u fid-daqqa u l-ħin rat persuna stramba riesqa lejha. Kif qamet tiġri qisha sajjetta, imma... waqt li kienet qed tiġri din id-darba bdiet titlob biex tmur id-dar u... bumm! Sabet ruħha ġos-sodda. Hi kienet maħsuda u ma kinitx taf jekk kinitx ħolmot jew le. Imma mill-ewwel indunat għax kellha tebgħa taċ-ċikkulata fuq il-flokk. Ajma ħej! Kieku tkun taf ommha kemm tgħajjat magħha, għax taħseb li marret tieħu ċ-ċikkulata bil-moħbi!

L-għada qaltli x'kien ġara u biex nemminha kienet ġabet naqra ċikkulata speċjali. Jien bqajt b'ħalqi miftuħ għax ma stajtx nemmen lil għajnejja! 

Nicole Attard (Form 1.1)
----------

Jum fost l-oħrajn, f'ġurnata tipika tar-rebbiegħa, Toninu kien miexi fl-għalqa ta' missieru, kmieni filgħodu. Kien qed jaħseb bejnu u bejn ruħu kemm għandna ambjent maħmuġ. Toninu kien tifel li jħobb in-natura u l-ambjent. 

Kif kien miexi, iddeċieda li jieħu siegħa mistrieħ taħt siġra tal-ħarrub. F'radda ta' salib marret għajnu bih u sab ruħu f'dinja oħra. Madwaru ra nies fl-għelieqi jaqilgħu l-uċuħ tar-raba' u jiżirgħu l-ħaxix. Ra tfal jilagħbu. Beda miexi lejhom u kif kien miexi, ħass il-pulmun jifetaħlu. Kif wasal ħdejhom staqsa lil tifel minnhom fejn kien qiegħed. It-tifel l-ieħor qallu li kien qiegħed fid-dinja tar-rebbiegħa. Qallu li f'din id-dinja jkun hemm il-fjuri s-sena kollha, siġar ħodor u għasafar għax ir-rebbiegħa s-sena kollha. Qallu li min jiekol il-laħam jew joqtol l-annimali jidħol il-ħabs. 

It-tifel l-ieħor li kien jismu Ġanni qallu li din id-dinja kienet ħafna iżjed differenti mill-oħra u li kellha regoli differenti. Dak il-ħin għaddiet karozza u Toninu baqa' skantat għax il-karozza la għamlet irwejjaħ ta' petrol, la duħħan u lanqas storbju. Hawn skopra li l-karozzi kollha jaħdmu bl-ilma u għalhekk l-arja dejjem nadifa! Min ma riedx juża l-karozzi, kien juża r-rota u b'hekk jagħmel ftit eżerċizzju fiżiku kif mitlub mir-regoli ta' dik id-dinja. Toninu ħassu fis-seba' sema għax għalih din kienet dinja tal-ħolm, tal-ġenn, fejn kollox huwa sabiħ u nadif kif iħobb hu. Anki n-nies kbar fl-età kienu jidhru żgħar għax b'saħħithom. 

Toninu beda jixtieq li kien joqgħod f'din id-dinja imma kif għalaq għajnejh għal sekonda reġa' sab ruħu fl-għalqa ta' missieru. Toninu nduna li x-xorti mhix ta' kulħadd l-istess għax min mejjet għal qatra u min mejjet fis-sakra. 

Nicole Sciberras Bray (Form 1.2)
----------

"Ser iddumu tiġġieldu?" qalet in-nanna. "Morru aqbdu xi ktieb mill-kamra ta' fuq." Jien u Beppe, żewġ kuġini, konna għand in-nanna. Kienet ġurnata kiesħa fil-bidu ta' Jannar, fil-vaganzi tal-Milied. Hekk kif tlajna fuq fl-istudju tan-nannu, ħarisna lejn xulxin b'diżappunt għax konna nafu li din kienet ser tkun ġurnata twila. 

Bdejna noħorġu l-kotba wieħed wieħed mill-ogħla xkaffa tal-kamra, bit-tama li nsibu xi ktieb interessanti. Lanqas f'mitt sena ma konna noħolmu bl-avventura li kienet qed tistenniena! Fuq wara tal-ixkaffa rajna naqra dawl u kif ħarisna iktar fil-viċin, skoprejna li kienet daħla għal post li kien jagħti għal fetħa kbira!

Aħna għaddejna kif stajna minn ġod-daħla u sibna ruħna f'post futuristiku fejn il-karozzi kienu jtiru bla ħoss ta' xejn. Ma kien hemm l-ebda tpespis ta' għasafar u s-sema kellu lewn ħamrani skur li ma tantx kien rilassanti meta tħares lejh. In-nies kienu mixjin b'għamad quddiem għajnejhom donnhom jitkellmu waħedhom u b'ebda sens ta' armonija fuq l-uċuħ tat-tfal li kienu mehdijin jgħafsu buttuni fuq speċi ta' arloġġi kbar, imdawrin ma' jdejhom. Indunajna li morna tliet sekli 'l quddiem u konna fis-sena 2314! Aħna għamilna xi sagħtejn biex nosservaw lin-nies u l-ambjent ta' dak iż-żmien. Aħna malajr iddeċidejna li mmorru lura minn fejn ġejna għax id-dinja tagħna, bis-sabiħ u l-ikrah tagħha, kienet ferm aħjar minn din id-dinja futuristika!

Kif wasalna d-dar, ħadna nifs 'il ġewwa u poġġejna l-kotba f'posthom lura fuq l-ixkaffa fejn kienu. Jien u Beppe qbilna li ma ngħidu lil ħadd fuq din is-sejba tagħha, imma fil-fond ta' qalbna tgħallimna li m'hemm xejn isbaħ mir-relazzjoni ta' bejn l-umani u mhux mat-teknoloġija ġdida li ttellef mill-ħbiberiji. 

Hannah Polidano (Form 1.3)