Lejla waħda, il-Ġimgħa li għaddiet, il-familja Borg kienet miġbura d-dar. Għall-ħabta tat-tmienja, wara li kiel kulħadd, inqala' argument bejn it-tfal. Xi storbju!
Il-mama' kienet taħdem il-ġurnata kollha, waqt li l-papa' kien jasal tard mix-xogħol u Lara u Luke ma ridux jaħslu l-platti jew jiżbarazzaw, l-argument saħan sewwa u kompla fi ġlieda bl-idejn sakemm qam jiġri l-papa' minn fuq is-sufan u fajjar daqqtejn lil Luke. It-tifel waqa' mal-art u ħabat rasu ma' siġġu. Il-mama' bdiet tgħajjat mal-papa' filwaqt li ġabret lit-tifel mill-art, Lara telqet tiġri f'kamritha.
Ir-raġel u l-mara ma waqfux jillitikaw u Luke infexx jibki. Fir-rabja tal-mument is-Sur Borg kisser żewġ platti u martu tfixklet u waqgħet fil-ħġieġ. Luke mar jiġri fuq ommu, u missieri baqa' jsabbat. Kien fadal turtiera pizza li waqgħet mal-art u nqelbu xi fliexken ukoll. Il-kuker kien għadu mixgħul u bdiet taqbad il-biċċa tal-platti! Omm Luka kienet pronta u tfietha u ħarġet tiġri minn hemm ġew.
X'diżastru ħallew warajhom! L-argument ma kellux jikber daqshekk fuq il-ħasil tal-platti. Fi kwarta kienu jlestu kollox! Lara ħarġet minn kamritha u bdiet tnaddaf hi. Għarfet l-iżball!
Aimee Bartoli (Form 1.2)
----------------------------
Nathan kien qiegħed jara t-televixin meta t-telefown daqq. Fil-pront, Nathan qam iwieġbu. Kienet nanntu Luċija. Luċija kellha bżonnu biex joħdilha ħsieb id-dar sakemm hi tmur għall-vista l-isptar. Huwa qalilha "iva" għax ma kellux pjanijiet oħra għal dakinhar.
L-għada meta kien qiegħed jipprepara biex imur għand in-nanna rċieva messaġġ mingħand sħabu li kien jgħid, "Nathan, għandek x'tagħmel illum? Trid immorru sal-Belt naraw film mal-klikka?" Hu weġibhom li se jkun għand in-nanna u li ma jistax imur.
Waqt li Nathan kien qiegħed għand nanntu, ħabbat il-bieb. Xħin fetaħ il-bieb ra ċorma nies. Kienu sħabu li ġew iżommulu kumpanija u donnhom ma ġewx idhom f'idhom, anzi kienu mgħobbijin sa ruħ ommhom! Min kellu l-pakkett tal-krisps, min bil-pizza, min bil-fliexken tal-luminata u ħasbu għall-mużika wkoll. Lanqas laħaq fetaħ il-bieb li ma daħlux kollha ġewwa u rħewlha lejn il-kċina.
Nathan beda jara platti ħerġin mill-armarju, krisps fuq it-tapit, turtieri biex isaħħnu l-pizza, tazzi maħmuġin, titjir ma' kullimkien u biex tgħaxxaq kollox, bdew jissuttaw l-ikel lil xulxin. Kien hemm rebus sħiħ. Il-kċina ta' nanntu kienet qisha l-Belt fl-Assedju l-Kbir!
Nathan stħajjilha vulkan lil nanntu xħin sabuha fil-bieb tal-kċina. Lanqas biss semgħuha dieħla bl-istorbju li kien hemm.
Nathan sar abjad karti xħin sab lil nanntu ma' wiċċu! Mar jimla' l-bramel għax kien jaf li mhux ħa joħroġ qabel ma jnaddaf il-ħmieġ li qalgħu!
Maria Spiteri (Form 1.3)
----------------------------
Nina kienet tifla ta' erbatax-il sena li ma kellhiex ħutha, imma kellha qattusa jisimha Ginger. Ginger kienet qattusa kwieta u obbidjenti. Kienet tmur wara l-bieb tistenna lil Nina tiġi mill-iskola u xħin tasal kienet tmur titfissed magħha. Hekk kif Nina kienet tlesti mill-istudju, hi kienet tmur tilgħab ma' Ginger.
Kienet il-ġurnata meta Nina għalqet żmienha, meta ommha ddeċidiet li tagħmlilha festin żgħir fid-dar tagħhom u tistieden xi ftit kuġini. Għal xi l-erbgħa ta' wara nofsinhar bdew ġejjin xi nies, fosthom Ronnie u Rita, il-kuġini favoriti tagħha. Ma naqasx li Ginger ikun hemm ukoll. Ronnie kien iħobbhom l-annimali u beda jmelles lil Ginger u jtih xi ftit ħobż biż-żejt u ż-żebbuġ. Ma kienx jaf li Ginger kienet allerġika għaż-żebbuġ.
Nina marret tpoġġi ftit ħdejn Ronnie, fejn qagħdu jitkellmu ftit, b'Ginger rieqed fuq ħoġortu. Il-festin spiċċa u kulħadd mar id-dar imma Ginger kienet tidher ma tiflaħx sew. Nina poġġietha fil-qoffina tagħha biex tistrieħ u filgħodu tqum aħjar. Filgħodu marret l-iskola u ħalliet lil Ginger rieqda. Xħin irritornat, Nina ħadet l-akbar qatgħa ta' ħajjitha. Sabet lil Ginger mejta... qalbha ma kinitx qed tħabbat... kienet kiesħa silġ! Hi ċemplet lit-tabiba u din ħaditha fil-klinika tagħha. Wara li eżaminata skopriet li kienet mietet b'kawża tal-ħobż li kien tagħha Ronnie fil-festin.
L-għada filgħodu Ronnie ġie b'kaxxa taż-żraben f'idu. Nina fetħet il-kaxxa u sabet ferħ ta' qattusa. Ronnie qalilha li t-tabiba kienet sabet dan il-ferħ ġo żaqq Ginger. Hi ddeċidiet li żżommu l-ferħ u semmietu Fluffy. Kull meta kienet tħares lejn Fluffy kienet tiftakar fix-xorti ħażina li missitha Ginger, dakinhar ġol-kċina.
Kelsey Abela (Form 1.1)