Triq Fredrick Borg,
Iklin, IKL 1443
Il-15 ta' Frar, 2013
Għażiża Martina,
Mhux ħa taqta' x'sorpriża kelli t-Tnejn filgħodu! Ħsibti qed nimmaġina.
Mela, kont qed noħlom dwar meta dħalt ġo dar li titkexkex meta tħares lejha. Meta dħalt fiha rajt mostri ta' kull tip u ħafna affarijiet tal-biża'. Bdejt nara pitturi ta' nies antiki u meta bdejt nimxi, għajnejhom kienu qishom qed jimxu miegħi. Bdejt nimxi u nimxi u kull pass li ħadt beda jkun aktar ħafif. F'daqqa waħda rajt kamra u fiha kien hemm spirtu mimli demm ġej għalija!
Jien werżaqt kemm flaħt... meta f'daqqa waħda ħassejt nifs tqil. Qomt ħesrem u quddiemi rajt kelb żgħir u tgħidx kemm kien ħelu!
Ommi u missieri poġġewh hemm għal għeluq snini. Kemm fraħt! Int kellek sorpriża sabiħa wkoll? Jekk iva, iktibli lura.
Dejjem tiegħek,
Katrina.
Kartina Felica (Form 1.1)
L-20 ta' Frar, 2013
-----------------------
125, "Salome",
Triq G.M Callus,
Żurrieq, Żurrieq 1443
L-20 ta' Frar, 2013
Għażiża Erika,
Kemm ili ma narak! Kieku taf x'sorpriża kelli meta ġejt mill-iskola lbieraħ! Jiena u ħija dħalna ġewwa d-dar u rajna l-isbaħ għasfur fid-dinja!
L-għasfur kien ta' kulur aħdar bi ftit roża fuq wiċċu. Denbu kien aħmar nar u ikħal u kellu munqar isfar. Xi darba għandek tiġi għandi ħalli tarah! Ħija semmieh 'Pepi'. Jiena u ħija minn dejjem xtaqna li jkollna annimal domestiku, allura tista' timmaġina kemm fraħna.
Meta rajt l-għasfur, l-ewwel ħaġa li għamilt staqsejt lil ommi x'ħajjarha li ġġibilna annimal domestiku. Wara s-snin kollha teqred li l-annimali domestiċi iġibu l-ħmieġ, u dak il-qrid kollu li jeqirdu l-ommijiet. Ommi qaltli li ħajritha l-ħabiba li tiġi tgħinha tnaddaf.
Insomma, aħna lkoll ferħanin li għandna lil Pepi. Għalissa l-għasfur hu kemxejn kwiet u jibża' minnha, imma dalwaqt ikantalna xi diska!
Dejjem tiegħek,
Joelle.
Joelle Farrugia (Form 1.2)
-----------------------
16, Triq N. Copernicus,
Kortin, Mellieħa, MLĦ 2631
Id-19 ta' Frar, 2013
Għażiża Krista,
Kemm ilna ma niktbu lil xulxin. Smajt li ġibt kelb id-dar. X'semmejtu? Kemm ilu għandek? Ta' liema razza hu? Tgħidx kem għandi x'ngħidlek! In-nanna tiegħi ġabet qattus żgħir u semmietu Jamie.
Mela taf xi ġrali bħall-bieraħ ġimgħa? Kien għeluq snini u jien ma ridt xejn kbir biex niċċelebrah imma ommi riedet iddeffes sorpriża fl-organizazzjoni tal-ġurnata ta' għeluq snini.
Jien għidtilha dak li xtaqt imma xejn ma ġara minn dak li ridt. Waslet il-ġurnata u jien kien mingħalija li ser niltaqa' ma' xi ħbieb minn tiegħi. Inti tafhom u dawn huma Martina, Jessica u Emma.
Imma minflok, ommi fettlilha tistieden il-klassi sħiħa! Veru ħadt pjaċir! Kemm xtaqt li kont hemm magħna! Kulħadd sella għalik! Nispera li ma ndumx ma narak.
Dejjem tiegħek,
Kristina.
Kristina Pace (Form 1.3)