Attività bil-gazzetti waqt il-maratona fil-lezzjoni tal-Malti.
Il-kitba kreattiva hija kwalunkwe kitba li tesprimi ħsibijiet, sentimenti u emozzjonijiet, aktar milli sempliċiment wieħed iwassal xi tip ta' informazzjoni. Tajjeb li wieħed jiftakar li l-kitba kreattiva hija proċess li jinvolvi numru ta' stadji differenti, sabiex wieħed jasal għax-xogħol finali. "Il-kitba nxebbaha mal-maġija... l-għaliex biha tkun qed toħloq xi ħaġa mix-xejn,” Susanne Clarke.
Thursday, November 28, 2013
Monday, November 25, 2013
Xħin jew x'ħin?
Jeżistu ż-żewġ forom: xħin u x'ħin, u dawn ma jfissrux l-istess, għax f'tal-ewwel iż-żewġ kelmiet xi u ħin għandhom tifsira waħda flimkien, waqt li f'tat-tieni t-tifsiriet tagħhom għadhom separati.
- xħin - tfisser "meta..., filwaqt li..." (eż. xħin kont dieħel, ħbatt miegħu; xħin trid, immorru)
- x'ħin - tfisser "liema ħin" (eż. x'ħin se nagħżlu għat-tellieqa? insejt x'ħin tani biex niltaqgħu)
Mela:
"xħin se nagħżlu?" tfisser "at what time shall we choose?" li tirreferi għall-ħin tal-għażla, imma
"x'ħin se nagħżlu?" tfisser "which time shall we choose?" li tirreferi għall-ħin (ta' attività, eċċ.) li se nagħżlu.
"x'ħin se nagħżlu?" tfisser "which time shall we choose?" li tirreferi għall-ħin (ta' attività, eċċ.) li se nagħżlu.
Tuesday, November 19, 2013
Rebbieħa u parteċipanti - Prosit!
Dawn huma r-rebbieħa tal-kompetizzjoni għall-ġimgħa ddedikata għat-tnaqqis fl-iskart domestiku:
Form 1 - Maya Briffa
Form 2 - Mikela Mejlaq u Bernardette Vassallo
Premju għall-oriġinalità:
Amber Pillow
Nicole Riolo
Martina De Marco
Francesca Camilleri
Hannah Lang
Prosit kbira tmur lil kull min ħa sehem!
Wednesday, November 13, 2013
Rakkont Umoristiku
Meta ntilef in-nannu.
In-nannu dejjem b'xi praspura. Ġieli mar ġo ħanut tal-irġiel biex jixtri rigal lin-nanna. Ġieli ma jindunax liema hija d-dar tiegħu! Dan għaliex in-nannu għandu d-dimensja imma din il-praspura tal-lum oriġinali!
Temmnuni li ntilef fid-dar tiegħu stess?! Iva, l-istess waħda li ilu jgħix fiha aktar minn ħamsin sena! Nhar is-Sibt filgħaxija, in-nannu fettillu ried imur il-knisja. Oħti ddeċidiet li timxiha miegħu. Fit-triq, indunat li fetaħ ħanut ġdid tal-moda u waqt li kienet qiegħda tistgħaġeb, in-nannu kompla miexi u jgedwed waħdu. Oħti ma ndunatx u saħansitra daħlet tixtri l-ħwejjeġ!
Ġiet lura d-dar u ħadd ma ta kasha. Qagħdet tħares quddiem il-mera. Kollha konna mitlufin fil-programm ta' 'Mrs. Bouquet'!
Dħalna norqdu u addio n-nannu u l-quddies. Kollha konna mifqugħin bid-daħk u konna b'nifisna maqtugħ. Konna qisna xrobna xi xarba. Bdejna nixxenglu 'l hawn u 'l hemm bid-daħk! Dħalna norqdu imma ma stajtx norqod. Kemm kienet togħġobni 'Mrs Bouquet'! Komplejt nogħxa u fid-daqqa u l-ħin qisha xegħlitili bozza f'rasi, ftakart fin-nannu. Mort inqajjem lill-ġenituri u kulħadd beda jfittex fid-dar biex jara jekk kienx ġie n-nannu. Xħin kont qiegħda quddiem dik il-gwardarobba ta' ġol-kuritur, smajt xi ħaġa tiċċaqlaq ġo fiha.
"Ħalliel, ma, ħalliel, pa, għinuni!" werżaqt jien.
"Ħalli nara!" u niżlet ma' missieri fejni. Xħin ftaħt il-gwardarobba, ħareġ in-nannu b'qalziet ġo rasu u bi flokk f'kull sieq! Indunajna li kien tilef it-triq fid-dlam u minflok mar ġo kamartu, daħal ġol- gwardarobba! Naħseb stħajjel ruħu jilgħab dress-up bħali!
Nibqgħu niftakruha din il-praspura tan-nannu. Il-problema hi li n-nannu biss mhux ħa jibqa' jiftakarha!
Katya Saliba (Form 2.1)
----------
Meta ssakkart barra.
Kien il-Ħamis, il-ġurnata li fiha nnaddfu d-dar. Qomna kmieni biex inlestu kemm jista' jkun malajr. L-ewwel ftaħna t-twieqi kollha sabiex titperreċ id-dar. Xħin konna qegħdin infarfru, ċemplet il-qanpiena tal-bieb ta' barra.
Kien il-pustier u ried 'il-mamà biex tiffirmalu ittra rreġistrata. Din ħarġet b'ta' fuqha senduqa. F'daqqa waħda, l-inka tal-pinna tiegħu spiċċatlu, u allura l-mamà għajtitli biex innewlilha waħda minn ġewwa. Bla ma qgħadt naħseb, ħriġt b'pinna f'idi. Bil-kurrent li kien għaddej, instabar il-bieb ta' barra! Aħna ma kellniex ċavetta u missieri kien qiegħed imsiefer minħabba x-xogħol.
Peress li aħna ngħixu ħdejn l-Università, kien hemm ħafna studenti għaddejjin u l-mamà waqqfet lil wieħed. Hi staqsietu biex isellifha l-mowbajl imma hu qal li l-mowbajl tiegħu kien spiċċa bla ċarġ. Il-mamà waqqfet 'il-ieħor u aħna domna nippruvaw nikkonvinċuh li din ma kinitx ċajta. Fl-aħħar ċeda u l-mamà ċemplet 'il Ġanni, ir-raġel li jgħinna bix-xogħlijiet ta' manutenzjoni fid-dar. Bl-akbar kumbinazzjoni tal-akbar kumbinazzjonijiet, bdiet nieżla x-xita. Ġanni dam xi kwarta biex wasal u kellna nistkennu taħt il-gallarija. Fl-aħħar wasal u dan beda jaqla' l-ħadid tal-iżgħar tieqa biex jien inkun nista' nidħol u niftaħ lill-mamà. Beda jisvita l-viti minn mal-ħajt meta waqagħlu vit ġod-drejn. Fl-aħħar lesta x-xogħol jien dħalt u ftaħtilhom il-bieb. Ġanni qagħad jistenna d-dar magħna sakemm waqfet ix-xita.
Meta wasal lura l-papà, ħa qatgħa meta sab lil Ġanni jsewwi l-ħadid tat-tieqa tal-kamra tas-sodda tiegħi. Daħal jiġri u staqsa 'l-mamà x'kien ġara u l-mamà qaltlu li kienet storja twila ħafna, u li tirrakkontahielu aktar tard.
Mikela Mejlaq (Form 2.2)
----------
Meta mort ħajk u seħbitek ġiet bit-takkuna.
Tlik, Tlak, Tlik, Tlak...
Ma stajtx nemmen 'l għajnejja hekk kif rajt lil Mariża ġejja tiżżegleg 'l hawn u 'l hemm; tlik, tlak, tlik, tlak, fuq żarbun b'takkuna għolja. Kif waslet viċin tiegħi, Mariża saqsietni għalxiex kont qed niskanta biha. Għidtilha li ma bsartx li kienet ser tiġi l-ħajk b'takkuna.
Għalxejn ippruvajt nikkonvinċiha tmur tbiddel iż-żarbun. Tlaqna għal għonq it-triq.
Fil-bidu kollox kien ward u żahar. It-toroq li jiħduk minn Ħal Safi għaż-Żejtun kienu mudlama u mhux lixxi. Mariża bdiet iżżommni lura għax xejn ma kien faċli li timxi b'dik it-takkuna.
F'ħin minnhom, xi ħbieb li kienu warajna werżqu f'widnejna. Qalu li raw fatat. Fis-satra ta' dak il-lejl kollox tistenna! Jien u Mariża blajnieha sal-gerżuma. Mariża qabżet u spiċċat rasha 'l isfel u t-takkun 'l fuq! Xħin rajtha minxura fl-art, xtaqt ninfaqa' nidħak, però l-ħarsa t'għajnejha wrietni li kellha bżonn l-għajnuna. Għentha tqum mill-art.
Mariża bdiet izzappap. Indunajna li takkuna minnhom kienet inqalgħet minn postha. F'dik il-kundizzjoni, ma stajtx naħseb kif Mariża setgħet twassal sal-ġibjun taż-Żurrieq.
L-għalliema li kienet magħna ġiet tara x'kien ġara. Ma tantx issuġġeritilna soluzzjonijiet sbieħ. Mariża kellha tiddeċiedi u kellha tagħmel dak li ma xtaqitx. Bid-dmugħ f'għajnejha kellha taqsam it-takkuna taż-żarbuna l-oħra biex tkompli timxi.
Jien u Mariża żammejna takkuna kull wieħed b'tifkira ta' dal-ħajk. Illum il-ġurnata meta nħares lejn it-takkuna li qalgħet tant inkwiet, tnissilli tbissima fuq fommu.
Marta Zammit (Form 2.3)
Subscribe to:
Posts (Atom)