Wednesday, October 8, 2014

Komponiment dwari.

Jisimni Anthea Borg u għandi għaxar snin. Twelidt fit-tlettax ta' Diċembru, tal-2003 u nattendi l-iskola sekondarja ta' Santa Dorotea f'Ħaż-Żebbuġ. Fil-familja tiegħi ninsabu erbgħa, ommi Romina, missieri Lawrence u ħija Aidan u noqogħdu l-Mellieħa. 

Jien ma tantx jien tifla twila, għandi xagħri qastni u ftit imġiegħed u għandi għajnejja żoroq. Jien tifla ftit nervuża iżda mbagħad malajr jgħaddili u nħoss li jiena xi ftit qalbi tajba. La nikber nixtieq insir tabiba għax inħoss li b'hekk inkun nista' ngħin lill-batut. 

Il-ġurnata tiegħi tibda fis-sitta ta' filgħodu. Inqum nipprepara għall-iskola u wara li nieħu l-kolazzjon noħroġ nistenna l-vann. Għal xi s-sagħtejn nasal lura d-dar wara ġurnata skola, niekol xi ħaġa ħafifa u nibda nagħmel xi xogħol tad-dar. Matul il-ġimgħa jkolli wkoll xi lezzjonijiet taż-żfin, tad-drama u mmur ukoll id-duttrina. Ħajti hi ftit impenjattiva imma xorta ma nibdilha ma' xejn. 

Il-passatempi tiegħi huma l-għawm, il-qari u nħobb ħafna l-annimali. Naħseb illi issa sirtu tafuni ftit aktar mill-qrid permezz ta' dan il-komponiment qasir. 

Anthea Borg (Form 1.1) 
----------

Jiena jisimna Hanna Vassallo Grant u għandi għaxar snin iżda dalwaqt nagħlaq ħdax-il sena għax jiena twelidt fis-sittax ta' Novembru. Jiena rqiqa u ma tantx jiena twila. Għandi għajnejja kannella u xagħri twil u lixx. Jiena ftit mistħija iżda fl-istess ħin għandi karattru ferrieħi u nħobb niċċajta, speċjalment mal-ħbieb tiegħi. Il-familja tiegħi hi magħmula minn erba' persuni; ommi, missieri, oħti ikbar minnu u jien.

Il-passatempi tiegħi huma l-qari, l-għawm u l-kant. Fil-ħin liberu tiegħi nħobb ukoll nilgħab bil-kompjuter u nara t-televiżjoni. L-ikel favorit tiegħi huwa l-għaġin biz-zalza tal-fenek, tgħidx kemm nieklu bil-qalb meta ommi ssajjaruli, veru jinżilli għasel! Il-kuluri favoriti tiegħi huma r-roża u l-ikħal ċar. Jiena nitwerwer mid-dlam u nibża' ħafna wkoll mill-għasafar. 

Jiena mmur l-iskola ta' Santa Dorotea f'Ħaż-Żebbuġ. Din is-sena għandi għalliema għal kull suġġett u qed nieħu ħafna interess biex nitgħallem affarijiet ġodda! Minn meta kont żgħira kont inħobb nisma' u nitgħallem fuq Ġesù u fuq l-istejjer tal-Bibbja, għalhekk la nikber nixtieq li nsir għalliema tar-Reliġjon, iżda għalissa jeħtieġ li nkompli nistudja biex dak li nixtieq iseħħ!

Hanna Vassallo Grant (Form 1.2) 
----------

Jien jisimni Michaela u jiena tfajla ta' ħdax-il sena. Jien twelidt fit-tmienja u għoxrin ta' Lulju fl-Ingilterra. M'hemmx iktar tfal fil-familja tiegħi, allura jien l-unika tifla. Ommi hija għalliema u missieri huwa psikjatra. Membru ieħor żgħir tal-familja huwa l-fenek li jismu 'Nibbles.' Dan il-fenek inħobbu daqs id-dawl t'għajnejja. Ħaġa li qatt ma stennejt hija li ma jħobbx iz-zunnarija!

Il-familja u l-ħbieb kollha jgħidu li jien persuna verament kreattiva u għalhekk jien għandi ħafna passatempi differenti. Dawn il-passatempi huma ħafna u jikkonsistu minn ħafna tipi differenti ta' żfin bħall-'ballet', 'jazz', 'character', 'hip-hop' u 'tap.' Jiena mmur il-kant ukoll u anki d-drama mal-ħabiba tal-qalb. Xi ħaġa li nsib interessanti hija l-'iscouts' u minħabba f'hekk jiena dħalt mal-'STJ Scout Group.'

Jiena persuna li nħobb inżur u nara postijiet ġodda barra minn Malta. Żort ħafna postijiet, fosthom Pariġi, Nizza, Toscana u anki Londra. L-ikel favorit tiegħi huwa l-ftira bil-kunserva, iż-żejt, il-kappar, iż-żebbuġ, it-tonn u bit-tadam imqadded ukoll!

Michaela Giorgio (Form 1.3) 

Wednesday, October 1, 2014

Is-Serqa - Rakkont fil-Preżent.

Illum is-Sibt, għadna kif xtrajna mis-supermarkit "Arkadia" u bi ħsiebna mmorru passiġġata max-xatt tal-baħar. Naqsmu għan-naħa l-oħra tat-triq u nsibu ruħna quddiem l-istabbiliment ta' "Diamonds International."

Ħabta u sabta, vann griż jieqaf quddiemna. Erbat irġiel, armati, libsin l-iswed u mgħammda, jaqbżu 'l-barra mill-vann. Tlieta minnjom jidħlu sparati għal ġol-istabbiliment. L-ieħor li jilmaħna, jaqbadna u b'pistola ppuntata għal wiċċna, jgħidilna biex nidħlu miegħu. Imsarni jinżlu f'saqajja. 

Fil-ħanut hemm żewġ assistenti li jidhru mwerwrin. Tnejn mill-ħallelin qegħdin jgħajtu mal-assistenta biex tagħtihom iċ-ċwievet għall-vetrini mimlijin djamanti. Għall-ewwel din ma tridx tkun taf u wieħed mill-ħallelin jagħtiha daqqa ta' ħarta fuq wiċċha. Sadanittant l-assistent l-ieħor li huwa raġel, jaqbeż qabża għal fuq il-ħalliel li weġġa' lill-mara, iżda wieħed mill-ħallelin l-oħra, ikun pront biex jagħtih daqqa ta' pistola fuq nagħsu. L-assistent jintilef minn sensih. Il-mara b'id waħda tirtogħod, tnewlilhom iċ-ċwievet u bl-oħra naraha tagħfas xi buttuna ħamra. Inħares madwari u nispera li ħadd ma nduna li għamlet hekk. Inħossni ftit aħjar li hemm xaqq ta' tama li ser noħorġu minn dan il-ħmar il-lejl!

F'radda ta' salib ibattlu żewġ vetrini sħaħ mimlijin djamanti u jpoġġuhom ġo borża sewda. Hekk kif jaslu għat-tielet waħda, jinstemgħu ħafna sireni jdoqqu. L-istabbiliment huwa mdawwar bil-karozzi tal-pulizija! Fil-pront jinstema' l-leħen tas-surġent li qed jordnalhom biex iċedu l-armi u joħorġu barra b'idejhom 'il fuq. Wieħed mill-ħallelin jipprova jaħrab bid-djamanti u jaqbeż għal ġol-vann, iżda l-pulizija huma pronti u jisparaw fuq ir-roti tal-vann li jkollu jieqaf ħesrem.

Il-pulizija jarrestaw lill-erba' ħallelin li kienu ser jaħarbu b'xi miljun ewro ta' djamanti! X'avventura tal-biża' kienet din! Nirringrazzja lil Alla li kollox spiċċa b'wiċċ il-ġid. Nispera li qatt ma nerġa' ninqabad f'sitwazzjoni bħal din! 

Amber Pillow (Form 2.1) 
-----------

Illum is-Sibt filgħodu. Għadha kif telgħet ix-xemx. Bakkart għax għal xi raġuni jew oħra ma nistax norqod. Stenbaħt xi għaxar darbiet dal-lejl. Qalbi teħbirni li ser tiġri xi ħaġa stramba. Tassew stramba. 

Normalment kif inqum nixgħel il-kittla, nagħmel belgħa kafè, iżda llum m'għandix aptit. Xi dwejjaq hawn! Naħseb li l-aħjar ħaġa li nagħmel hi li noħroġ nagħmel passejn. Bħalissa għaddejja minn fejn ħanut tal-ġojjellerija. Bilħaqq 'il ommi għadni ma xtrajtilha xejn għal għeluq sninha. La qiegħda hawn aħjar nara x'għandu. Dak il-pendent ikun jixirqilha lil ommi. Hawnhekk anki prezzu sabiħ. Dal-ħoss x'inhu? Dak... ħalliel! Aħjar immur nistaħba u nċempel lill-pulizija qabel ma jkun tard wisq. Nispera li ma jismagħnix. Il-pulizija għandhom jiġu mill-aktar fis possibbli. Dak ħiereġ. X'ser nagħmel? Mhux sew jgħaddiha lixxa. Imma issa ilni ftit li ċempiltilhom. Nispera li ma weħlux fit-traffiku. 

Il-ħalliel jidher li għandu ħafna oġġetti ta' preġju u valur. Naf x'nagħmel, għandi idea. Nagħtih gambetta! Fil-pront ġew il-pulizija. Jien ilħaqt kxiftlu l-maskra u ħadtlu ritratt. Il-pulizija baqgħu b'ħalqhom miftuħ u wara tgħidx kemm irringrazzjawni. Il-ħalliel prova jiċħad iżda mir-ritratt li ħadtlu ma tantx seta'. Issa qed jinfurmaw lil sid il-ħanut. Dan ġej b'mod immedjat. Ma tantx bdieha sew il-ġurnata, miskin! Sid il-ħanut wasal issa. Tgħidx kemm qed ifaħħarni għall-kuraġġ li wrejt. Hu qiegħed joffrili xi ħaġa li rrid b'xejn. Jien għażilt il-pendent. 

L-aqwa li spiċċa kollox b'wiċċ il-ġid. Għadu kif ċempilli s-surġent u qed jispjegali kif il-ħalliel seraq madwar elfejn ewro. Ħa jkolli mmur għax irrid intihulha u... żomm waħda! Dik mhux jien fuq l-aħbarijiet?!

Natalia Mangion (Form 2.2) 
----------

Ta' kull filgħodu nħobb nisma' l-quddiesa tas-sitta u nofs. Wasalna ftit tard, allura bqajna fuq wara biex ma ntellfux lin-nies ta' madwarna. Innotajt li kien wasal iż-żmien biex idaħħlu l-affarijiet tal-festa lura fil-maħżen. Ftit qabel l-omelija, nara raġel li jidher la s-sagristan u lanqas wieħed minn dawk li jgħinuh. 

Għandu kaxxa mdaqqsa tal-injam, biċċa tat-tfarfir u xkupa. Qiegħda narah ipoġġi d-deheb ta' fuq il-Madonna fil-kaxxa l-kbira li għandu. Stramba li qiegħed waħdu għax is-soltu dejjem ikun hemm tnejn jew aktar. Jiġbor il-kaxxa u beda miexi lejn il-konfessjonarju. Qed narah ħiereġ mingħajr il-kaxxa u miexi lejn il-bieb li jagħti għall-kampnar u baqa' dieħel. Nitlaq minn ħdejn ommi dritt għal warajh. Niftaħ il-bieb li hu għalaq u bla ma nagħmel storbju nitla' l-ewwel tarġiet tal-garigor. Fil-pront nisimgħu jitkellem fuq it-telefown ma' xi ħaddieħor. "Il-bieb tal-kampnar miftuħ u ħa ninżel minn mal-'iscaffolding' li hemm mal-faċċata tal-knisja għar-restawr. Ninżel fil-ħdax ta' billejl. Stennewni isfel." 

Kif nisma' hekk, indur u nitlaq mill-garigor dritt għal ħdejn ommi biex ngħidilha x'qiegħed jiġri. Minnufih spjegajtilha b'kollox li kont għadni kif smajt. F'ħakka t'għajn, ġrejna 'l barra mill-knisja u bqajna sejrin dritt għall-għassa. Għidt kollox lill-ispettur li kien xiħ u twil. Dan talabni biex immur magħhom billejl ħalli nikkonferma li l-persuna tkun l-istess waħda - dejjem protetta mill-pulizija - ovvjament! Kif dalam u saru l-għaxra, bdejna nsuqu sal-knisja, ma' numru ta' karozzi oħrajn. Imxejna sal-'iscaffolding.' Fil-ħdax rajnieh jinżel u għidt 'l-ispettur. Stennewh jinżel u wara ftit irrealizza li hemm il-pulizija. 

Cloe Bonello (Form 2.3)