Tuesday, January 24, 2017

Ittra informali

24, Triq il-Peprin,
Ħal Warda,
WRD 9489

Is-17 ta' Jannar, 2017

Għażiża Karina, 

Nispera li tinsab tajba. Qed niktiblek biex ngħidlek dwar sorpriża li tawni l-ġenituri tiegħi. 

Il-ġimgħa l-oħra, f'għeluq snini, il-ġenituri tiegħi qaluli li konna se mmorru nieklu. Tlaqna mid-dar fis-sitta u kif tlajt fil-karozza, marret għajni bija. 

Meta qomt, sibt ruħi l-Imġarr, Għawdex. Jien staqsejthom għalfejn konna hemm, iżda l-ġenituri qaluli, "Issa tara!." Ftit wara, dħalna fid-daħla ta' lukanda lussuża u skoprejt li kelli nqatta' tlett ijiem hemmhekk. Tgħidx kemm fraħt!

Ħadt ħafna pjaċir, ngħum, nilgħab it-tenis, nistrieħ u ngawdi lill-ġenituri tiegħi. Inti kellek xi sorpriża sabiħa dan l-aħħar?

Dejjem tiegħek,
Francesca.

Francesca Anastasi (Form 1.1)
-----

"Camelia,"
Triq il-Belt Valletta,
Il-Mosta,
MST 9013

Is-17 ta' Jannar, 2017

Għażiża Sandra,

Kif int? Nittama li tinsab tajba. Qiegħda niktiblek biex ngħidlek dwar sorpriża li kelli, nhar il-Ħadd. Ma stennejthiex, imma qatt ma ninsieha!

Kif taf, nhar il-Ħadd għalaqt snini. Il-ġenituri tiegħi flimkien ma' ħija, - kmieni sabiex immorru għand in-nanna biex tawgurali ġurnata tajba. Minflok, mingħajr ma ndunajt, morna restorant, hemmhekk kien hemm il-familja għażiża tiegħi. 

Wara li kilna ikla, kulħadd tani rigali veru sbieħ. Wara, rajt lil ħija miexi b'kejk daqsiex! Ħadt ħafna gost b'kulħadd u nixtieq li jerġgħu jagħmluli sorpriża bħal din!

Dejjem tiegħek,

Carla. 

Carla Muscat (Form 1.3)
-----

8, Triq Dun Karm Frendo,
Ħad-Dingli,
DGL 1173

It-18 ta' Jannar, 2017

Għażiża Elisa,

Nispera li tinsab tajba. Għadni kif qrajt ittra li bgħattli dwar is-sorpiża li tawk il-ġenituri. Issa ħa ngħidlek naqra dwar is-sorpriża li tawni l-ġenituri.

Minn meta kelli disa' snin, kont nixtieq li ndoqq il-pjanu imma ħsibt li jkun aħjar jekk tibda titgħallem strument meta tkun għadek żgħira ħafna. Darba minnhom, il-ġenituri qaluli li ħa jkolli pjanu u tgħidx kemm fraħt! Qishom kienu jafu xi xtaqt! Meta darba wasalt id-dar mill-iskola, sibt il-pjanu.

Issa qiegħda mmur il-lezzjonijiet. Sewwa jgħidu li Alla jsebbaħ u Alla jibgħat. Dik kienet l-aqwa sorpriża. Sellili!

Dejjem tiegħek,
Julia.

Julia Bezzina (Form 1.2)

Wednesday, January 18, 2017

Komponiment Deskrittiv

Meta nkun ma niflaħx, dejjem noħlom ħolm stramb dwar tifla mqarba. Din id-darba, ma kinitx differenti.

It-tifla, xagħarha iswed u għandha toppu fuq kull naħa, kienet mimlija fjuri ta' kull lewn. Hi raqdet bi ktieb f'idha u kellha tbissima ta' tifla mqarqċa. Il-wardiet ta' wiċċha kienu ħomor nar u saqajha waħda kienet fuq is-siġra u l-oħra mdendla għal isfel. It-tifla kienet liebsa flokk isfar u bi strixxi suwed u fuqha kellha libsa oranġjo b'tikek bojod. Iż-żarbun kien qisu papoċċ tas-sodda bis-suf griż fuqu.

Is-siġra li raqdet fuqha kienet għolja iktar mis-sħab. Is-sħab kien qisu tajjar, abjad karti u qisu kkuttunat. Minflok weraq, is-siġra kellha ħelu mdendel ma' kull zokk, li kellhom forma ta' qalb. Ix-xemx kienet wara s-siġra liebsa kappell u tixgħel iktar mix-xemx t'Awwissu. 

Mad-dawra tas-siġra kien hemm ħafna ħbula mdawrin bi ċrieki b'ħafna ċfuf waqt li l-ħabel beda jdur. Iċ-ċfuf bdew ibiddlu l-kulur tagħhom minn ċari għal skuri. Wara t-tifla kien hemm il-fjuri li wkoll ibiddlu l-kulur kull ftit sekondi u dawn bdew iduru mil-lemin għax-xellug. Il-fjuri kienu jkantaw diski ħelwin li jġegħluk torqod.

Kif qomt mir-raqda, tant għoġbitni din il-ħolma li ddeċidejt li npinġi pittura tagħha u nwaħħalha mal-ħajt tal-kamra tas-sodda. Din l-istampa vera kienet ikkulurita. 

Tiffany Agius (Form 2.2)
-----

Kien il-Ħadd waranofsinhar u ma kelli xejn x'nagħmel. Mort infittex lil oħti, Emily, biex nilagħbu flimkien, imma ma stajt insibha mkien. Fl-aħħar, ħriġt barra fil-ġnien u rajtha hemm.

Żgur li ma kinitx ser tismagħni għax kienet tidher li kienet rieqda raqda fil-fond fuq is-siġra l-kbira. Naħseb li kienet qed taqra xi storja ħelwa għax kellha tbissima fuq wiċċha u l-ktieb kien wiċċu 'l isfel iserraħ fuq żaqqha. Milli jidher kienet ilha hemm għax kellha ħaddejha ħomor bix-xemx. Emily kienet liebsa flokk irrigat u libsa fuqu bin-nofs komma, li kienet tiegħi meta kont iżgħar. Kellha qalziet skur minn taħt u żarbun li kien jidher komdu ħafna. 

Is-siġra li kienet mixħuta fuqha Emily hija l-favorita tagħna t-tnejn. Meta konna żgħar, pinġejnilha z-zokk bil-fjuri bojod ta' kull qies. Dawn jagħtuha dehra ta' siġra maġika. Iz-zokk il-kbir huwa bħal mgħawweġ fit-tond, għalhekk jien u oħti nħobbu nistrieħu xi ftit fuqu kultant. Dan l-istess zokk għandu ħerġin minnu ħafna friegħi żgħar li tant huma mdawrin li nistħajjilhom nokkli. Magħhom hemm imdendlin bl-ispaga, ħafna qlub ta' lwien differenti. Dawn dendilniehom jien u oħti biex inżejnu s-siġra. 

Insomma, vera siġra tal-ħolm! Issa ħa nara x'ħa nivvinta biex inqajjem lil oħti u noħdilha postha.

Jade Trapani (Form 2.1)
-----

Jiena ġejt mogħtija stampa. Din l-istampa qabditni suspans kbir, bdejt nimmaġina ħafna affarijiet u qanqlet fija sens ta' kurżità.

F'dan ir-ritratt qiegħda nara tifla li fl-opinjoni tiegħi mhijiex kbira fl-età, għalhekk jiena ma ntihiex aktar minn għaxar snin. Minkejja li tinsab rieqda hija mhijiex liebsa ħwejjeġ tas-sodda, imma liebsa libsa pulita. Din it-tifla tidher trankwilla u fil-paċi. Hi kienet qiegħda taqra ktieb fuq zokk ta' siġra u marret għajnha biha. Hi qiegħda fis-sħab waħedha, xagħarha miġbur pulit f'żewġ malji.

Din it-tifla kienet id-dar u darba waħda ddeċidiet li toħroġ fil-ġardina tagħha, rari toħroġ fil-ġardina. Xħin ħarġet intefgħwet fuq zokk kbir faċċata tax-xemx u qagħdet taqra ktieb. Ftit wara li bdiet taqra marret għajnha biha. Hi bdiet toħlom u bdiet tara l-maħbub tagħha li tant kienet xtaqet u li kellu l-apparenza tiegħu kif xtaqitha hi. Hi bdiet tara ħafna qlub imdawrin madwarha u xtaqet ittir bil-ferħ li bdiet tħoss ġewwa qalbha.

Din l-istampa hija speċjali għalija għax jiena wkoll għandi ġnien u ġieli qattajt sagħtejn ma' xi zokk ta' siġra naqra ktieb. Marret għajni bija u għalhekk inqabbel ruħi ma' din it-tifla. 

Gabriella Mercieca (Form 2.3)

Tuesday, January 17, 2017

Il-'Boathouse' taċ-Ċirkewwa

Ommi xtratli 'boathouse,'
Tinsab ġewwa ċ-Ċirkewwa,
Niftakar fiha u tant hi sabiħa,
Li jiġu jżuruha anki l-għedewwa.

Tidħol fiha u ssib il-kċina,
Iddur max-xellug u ssib vetrina,
Ibqa' għaddej dritt u ssib il-kamra tas-sodda,
E bilħaqq, għax insejt ngħid, missieri għandu kamra għall-għodda.

Fil-kamra tas-sodda hemm erba' sodod,
Bejniethom issib żewġ lampi bojod.

Il-kċina fiha forn u kuker,
Fiha kexxun kollu frieket, skieken u kuċċarini,
U meta ddoqq il-qanpiena meta tasal id-dar,
tagħmillek ħoss tal-kanarini.

Ħa jkolli nħallikom illum,
Nispera li għoġbitkom din il-poeżija.
E bilħaqq! Jekk tridu 'boathouse' bħal din,
Morru saqsu lil Elija. 

Martina Cortis (Form 2.2)

Tuesday, January 10, 2017

Reklam

Lara Fenech (Form 1.1)


Anthea Wright (Form 1.2)

Rachel Mifsud (Form 1.3)