Tuesday, February 7, 2017

Rakkont fit-tielet persuna

Kien is-Sibt filgħodu. It-tewmin, Lara u Emma kienu mehdijin fil-kċina. Lara kienet qed tiżbarazza l-kċina u Emma kienet qed tipprepara l-ikel. 

Lara semgħet ħoss ħafif ħafna ta' tħaxwix. Qalet lil Emma u waqfu jissemmgħu. Issa l-ħoss kien jinstema' aħjar, kien ħoss ta' brix. Mad-daqqa u l-ħin raw ġurdien għaddej fuq il-bank tal-kċina. Bil-fixkla li ħakmitha, Lara waqqgħet munzell platti li kienet se tpoġġi fid-'dish washer' u Emma waqqgħet id-dqiq li kienet qed tuża biex tagħmel l-għaġina għat-torti tal-irkotta. 

Lara marret tiġri u qabdet l-ixkupa waqt li Emma qabdet taġen. Lara, biex tipprova taqbad 'il-ġurdien, bdiet tagħti daqqiet ta' xkupa mal-bank tal-kċina u tajret kull ħaġa li kien hemm fuq il-bank. Il-fruttiera mimlija larinġ, tuffieħ u għajn baqar waqgħet mal-art. Kemm kien hemm frott li beda jittrembel mal-bank u mal-art kollha tal-kċina! Il-ġurdien laħaq ħarab.

Emma dehrilha li rat 'il-ġurdien tiela' mal-bankiiet tal-kċina u tat daqqa ta' taġen tant kbira li laqtet il-vetrina. Kull ma kien hemm fiha waqa' mal-art. Kien hemm ħoss qawwi ħafna ta' ħġieġ jinkiser. Bil-ħasda, il-ġurdien tela' fuq il-'microwave' fejn kien hemm kollezzjoni ta' buqari tat-te. Lara u Emma marru jaqbżu fuq il-ġurdien meta fl-istess waqt ħabtu f'xulxin u waqqgħu l-buqari kollha. Reġgħu semgħu t-tħaxwix. Ħarsu 'l fuq u lemħu 'l-ġurdien jaħrab għal ġol-ġnien. 

Dak il-ħin ħarsu madwarhom u raw id-diżastru li għamlu. Mhux biss ma qabdux 'il-ġurdien imma ġabu l-kċina fi stat ta' ħerba.

Alexia Spiteri (Form 1.3)
-----

Kien wasal l-anniversarju tal-ġenituri ta' Fiona u Olivia, żewġt aħwa. Ġiethom ix-xoqqa f'moxtha u ddeċidew li jsajru ikla sorpriża għal ommhom u missierhom, waqt li dawn ikunu għadhom ix-xogħol.

Fiona u Olivia ħerqanin, bdew jippreparaw il-borom, l-ingredjenti u l-fradal biex isajru. Wara ħafna ħin ta' diskussjoni, l-aħwa qatgħuha li jsajru għaġin biz-zalza. Olivia ddeċidiet li tlesti l-borma bil-misħun u tgħalli l-għaġin u Fiona ddeċidiet li tagħmel iz-zalza. F'qasir żmien, bdew isajru. 

Waqt li kienu qed isajru, Fiona waqqgħet xi qoxra tat-tadam u nsiet tiġborha. Olivia tefgħet l-għaġin fil-borma u xħin rat li l-għaġin kien sar, tfiet il-kuker, qabdet il-borma u mxiet biha għal ħdejn is-sink. Sfortunatament, hi żelqet fuq il-qoxra tat-tadam li waqqgħet oħtha. Il-misħun u l-għaġin fil-borma tar u spiċċa fuq id Olivia. Tgħidx kemm bkiet! Qabdu jippanikjaw u ċemplu lill-ġenituri tagħhom. Huma malajr ġew u ħadu lil Olivia l-isptar.

Għall-ġenituri ta' Fiona u Olivia, ma kienx l-isbaħ anniversarju u s-sorpriża sfaxxat fix-xejn. Minflok għamlu ikla bnina, spiċċaw bi kċina li spiċċat diżastru. Għall-inqas Olivia ma kellhiex ġrieħi gravi. Dan l-inċident seta' ġie evitat bi ftit aktar attenzjoni!

Martina Buttigieg (Form 1.1)
-----

Il-ħajja hija mimlija esperjenzi u avventuri. Xi drabi ngħaddu minn esperjenza li ma nkunu qatt ħlomna li ser ngħaddu minnha u għalhekk ma nkunux qed nistennewha. Hekk ġralha z-zija tiegħi meta nħarqet il-kċina tagħha. 

Kien il-Ħadd filgħodu u bħas-soltu z-zija Marija kienet qed tipprepara l-ikel għal nofsinhar. Il-kuġina kienet ilha tgħidilha sabiex taqli l-patata. Għalhekk iddeċidiet li taqtgħalha xewqitha. 

Iz-zija Marija hija mara qalbha tajba ħafna. Kienet taħdem bħala ħajata li jkollha x'tagħmel ħafna. Taħdem daqs kelb u dejjem bin-nies id-dar. Dakinhar, eżatt kif tefgħet iż-żejt fit-taġen, ċempel it-telefown. Waqt li kienet qed titkellem, nesiet iż-żejt u fid-daqqa u l-ħin bdiet tara d-duħħan ħiereġ. 

Iz-zija Marija ħarġet fil-gallarija sabiex tgħajjat għall-għajjut u b'xorti tajba kien hemm raġel miexi fit-triq u malajr ċempel lil tat-tifi tan-nar. Il-pumpiera malajr tfew in-nar iżda l-kċina saret ħerba sħiħa. Kien hemm duħħan kullimkien id-dar tagħha. 

Dakinhar aħna morna nżuru liz-zija Marija u rajnieha tnaddaf il-kċina mill-ħruq. Kien hemm kullimkien mimli duħħan. Iz-zija kellha qatgħa kbira fuqha għax ma setgħetx temmen kif seta' ġralha hekk! Qatt f'għomorha ma ħasbet li ser tgħaddi minn esperjenza kerha bħal din iżda li għandha tirringrazzja 'l Alla li kollox għadda b'wiċċ il-ġid. 

Jade Gerada (Form 1.2)


Wednesday, February 1, 2017

Ittra Formali

99, Triq Santa Marija,
Ħad-Dingli,
DNG 4321

L-24 ta' Jannar, 2017

Skola Santa Dorotea,
Triq l-Imdina,
Ħaż-Żebbuġ,
ŻBĠ 4032

Sinjura Anastasi,

Dan l-aħħar aħna l-istudenti nnotajna li inti, flimkien mal-għalliema qegħdin tisimgħu ħafna l-opinjoni tagħna u ta' dan nirringrazzjawkom. Intom ukoll qegħdin tagħtu ħafna mill-ħin tagħkom biex torganizzaw ħafna attivitajiet, li bihom qed nieħdu pjaċir u nitgħallmu minnhom fl-istess ħin. 

L-attività tal-ġimgħa l-oħra kienet ta' suċċess. Jien u sħabi ħadna gost ngħinu f'din l-attività u biha konna kuntenti li bil-flus li ġbarna għamilna l-ġid għax dawn ingħataw lil Puttinu. Aħna ħadna pjaċir ħafna niżfnu ż-żumba. Dik li għallmitna vera kienet brava. Nispera li nibqgħu nagħmlu attivitajiet bħal dawn. Jien kont qed naħseb biex forsi nagħmlu xi logħba kontra l-għalliema u niġbru l-flus għall-missjoni.

Nirringrazzjak mill-ġdid f'ismi u f'isem sħabi tal-klassi. 

Tislijiet, 
(firma)
Lexine Farrugia. 

Lexine Farrugia (Form 2.2)
-----

96, "Santa Marija,"
Ħal Għargħur,
GĦR 1295

It-2 t'April, 2020

Skola Santa Dorotea,
Triq l-Imdina,
Ħaż-Żebbuġ,
ŻBĠ 1234

Sinjura Caroline Anastasi,

Qed nibgħatlek din l-ittra biex ngħidlek grazzi talli torganizza l-attivitajiet fl-iskola għalina l-istudenti. Jien vera nieħu pjaċir meta jkollna l-attivitajiet għax l-iskola torganizza attivitajiet li jogħġbuni ħafna.

L-aktar li jogħġobni huwa l-isport, b'mod partikolari l-'volleyball' għax jien għandi ħafna enerġija u malajr naħliha meta nilgħab. Jiena vera napprezza meta tiġi fil-klassi tagħna u tistaqsi dwar liem huma l-attivitajiet li rridu għax b'hekk turina li jimpurtak dwar dak li naħsbu aħna.

Nerġa' nirringrazzjak tal-attivitajiet kollha u vera napprezza x-xogħol kollu li tagħmel għalina.  

Tislijiet,
(firma)
Jade Amato. 

Jade Amato (Form 2.3)
-----

"Rosewood,"
Triq Ġużè Abela,
Ħaż-Żebbuġ,
ŻBĠ 1234

Il-25 ta' Jannar, 2017

Skola Santa Dorotea, 
Triq l-Imdina,
Ħaż-Żebbuġ,
ŻBĠ 1234

Sinjura Caroline Anastasi,

Nispera li tinsab tajba. Jien xtaqt niktiblek din l-ittra biex inkun nista' nirringrazzjak tal-attivitajiet kollha li inti torganizza fl-iskola tagħna. 

L-ewwel nett, nixtieq ngħidlek grazzi kbira tal-attività li għamiltilna s-sena l-oħra fuq l-'anti-bullying' li vera għenet lit-tfal. Grazzi wkoll tal-attività tal-isport li torganizzalna ta' kull sena. Aħna vera nieħdu gost għax inkunu nistgħu nuru t-talenti tagħna f'din il-ġurnata u fl-istess ħin nieħdu gost mal-ħbieb. Grazzi wkoll tal-ħruġ edukattivi li torganizzalna matul is-sena.

Dawn l-attivitajiet interessanti li torganizzalna ħa jibqgħu fil-memorji tiegħi għal dejjem u ma nixtieq qatt li tasal il-ġurnata li nispiċċa nattendi ġewwa din l-iskola.

Tislijiet,
(firma)
Miriana Spiteri.

Miriana Spiteri (Form 2.1)