Thursday, April 6, 2017

Deskrizzjoni ta' post

Naħseb li mill-postijiet kollha tad-dinja, m'hemmx kamra li nobgħod iżjed mill-kamra fejn nagħmel l-eżami tal-mużika. Tassew li tinsab ġewwa r-raħal żgħir u kwiet ta' Ħal Lija iżda naħlef li m'hemmx post iżjed tal-biża' għalija.

Din il-kamra tinsab ġewwa r-residenza tal-Università ta' Malta. Hemm kamra mwarrba mill-bini l-ieħor. Il-faċċata tal-kamra hija miżbugħa bajda b'bieb kannella fin-nofs. Hekk kif tidħol hemm sufan minn żmien żemżem u żewġ siġġijiet kollha susa. Dawn jintużaw għan-nies li jkunu qegħdin jistennew biex jidħlu għall-eżamijiet. Meta nkun qiegħda hemm inħoss l-għaraq ixoqq għalija u qalbi tibda tħabbat sitta sitta.

F'din il-kamra żgħira u mdawla hemm skrivanija tal-kewba mgħottija b'riżma karti kif ukoll pjanu. Ġeneralment ikun hemm siġġu mal-ġenb ukoll. Mal-art hemm tapit imberfel u kkulurit, kif ukoll lampa li rat żmien aħjar. Hekk kif tidħol tolqtok ir-riħa tal-għeluq u taż-żebgħa ġdida. Tisma' ħafna melodiji u allegriji kif ukoll xi strumenti jintunaw. Kemm-il darba tisma' xi tfal jibku jew jidħku jekk ikunu marru tajjeb. Dal-post ma tantx jogħġobni għaliex bħal ħafna nies, ma tantx nieħu gost immur għal xi eżami, speċjalment wieħed tal-mużika!

Il-kamra tal-eżami tal-mużika dejjem tqanqalli l-biża' u t-tensjoni. Sfortunatament qatt ma ħadt gost f'dan il-post u ċerta li qatt m'jien se nieħu gost. Għalkemm nobgħod dan il-post b'qalbi u ruħi kollha, qatt ma kelli għalfejn għaliex dejjem ħriġt minn hemm bi tbissima u riżultati tajbin!

Katrina Conrad (Form 1.1)
-----

Ragusa hi belt ewlenija ġo Sqallija. Hi waħda mill-ikbar ibliet li hemm fuq din l-art u ġo fiha hemm ħafna villaġġi żgħar li kull wieħed minnhom għandu karatteristiċi uniċi. 

Ragusa hi maqsuma fi tnejn, il-parti l-qadima u l-parti l-ġdida, waħda tinsab fuq għolja filwaqt li l-oħra tinsab fuq art baxxa. Hi belt mogħnija b'ħafna affarijiet fosthom baħar sabiħ, għoljiet u widien mill-isbaħ, kif ukoll raba' li tinħadem min-nies tal-lokal. 

Il-bdiewa f'din il-belt ikabbru ħafna ħxejjex differenti. Hemm ukoll ħafna rziezet tal-annimali, l-aktar baqar. Dawn tarahom jirgħu fuq l-għoljiet u l-widien tal-madwar. Il-prodotti li jkabbru l-bdiewa jintużaw f'ħafna platti tal-ikel mill-aktar bnini. Platti magħmulin minn ħaxix frisk u kif ukoll diversi platti tal-laħam, ħut u frott tal-baħar. Minbarra l-bdiewa, Ragusa hi wkoll belt popolari ħafna mas-sajjieda. Huma diversi l-portijiet imdawrin mal-kosta ta' Ragusa li jservi ta' kenn għall-vapuri u d-dgħajjes tas-sajjieda tan-nies tal-lokal. 

Ragusa hi belt magħrufa ħafna wkoll mat-turisti. Hemm diversi lukandi kif ukoll numru t'attrazzjonijiet li huma ferm popolari mat-turisti. Fosthom, wieħed jista' jara l-katidral ta' San Ġwann, kif ukoll il-knisja ddedikata lil Santa Marija u San Ġorġ. Ma jonsqux ukoll il-mużewijiet, ġonna mill-isbaħ u kastelli antiki ta' ġmiel liema bħalu. 

Jessica Sciberras (Form 1.2)
-----

Il-Belt Valletta hija l-belt kapitali ta' Malta u hija mibnija fuq peniżola. Il-Belt Valletta ħadet il-post tal-Imdina, li kienet il-belt kapitali ta' qabel. Din il-belt hija famuża ħafna minħabba l-istorja tagħha. Hija sabiħa ħafna u hemm ħafna affarijiet li tista' tara u hemm ukoll ħafna x'tagħmel. 

Il-post favorit tiegħi fil-Belt huwa l-Barrakka ta' Fuq. Jiena nħobb immur hemm filgħodu biex nara l-ġnien u l-veduta. Kuljum, għall-ħabta ta' nofsinhar jisparaw il-kanun. Ħafna nies imorru biex jaraw il-kanuni. Jiena qatt ma nixba mmur hemm biex nieħu r-ritratti.

Hemm ħafna tipi ta' ħwienet fil-Belt. Hemm xi ħaġa għal kulħadd. Filgħodu jkun hemm il-monti, hemm ukoll post li tista' tixtri l-laħam, ħwienet tal-ħelu, affarijiet tad-dar u ħafna ħwienet tal-ħwejjeġ u ż-żraben. Madwar il-ħwienet hemm ħafna ristoranti, kafetteriji u ħwienet oħrajn tal-ikel. 

Jekk trid ukoll hemm iċ-ċinema fejn tista' tmur tara film. Hemm ukoll it-Teatru Manoel, tista' tgħid ukoll it-teatru nazzjonali ta' Malta, fejn tista' tara l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u ħafna talenti oħrajn. It-Teatru Rjal jinsab ukoll fil-Belt Valletta. Hemmhekk jorganizzaw ħafna tipi ta' divertimenti differenti. 

Kif tista' tara, ħafna affarijiet jinsabu ġewwa l-Belt Valletta. Jiena semmejt ftit minnhom biss. In-nies jiġu minn madwar id-dinja biex jaraw is-sbuħija tal-Belt tagħna sabiħa u antika.

Hannah Jameson (Form 1.3)