Wednesday, May 10, 2017

Kitba Argumentattiva

L-internet ħela ta' ħin?

L-internet mhux ħela ta' ħin fl-opinjoni tiegħi. L-internet huwa importanti ħafna f'ħajjitna. Għandu ħafna vantaġġi u kif ukoll xi ftit żvantaġġi, imma trid tużah sew. 

Bis-saħħa tal-internet, jien insibha interessanti meta nfittex xi riċerka għall-iskola. Faċli nikteb fuq xiex qed infittex u mbagħad naqra l-informazzjoni. Anki xi vidjow interessanti nieħu gost nara, speċjalment vidjows tad-daħk.

Meta jkolli xi xogħol tal-iskola li rrid nagħmel ma' xi tfal oħra, insib l-internet ta' użu tajjeb meta nibagħtu xi ittri elettroniċi lil xulxin biex niftehmu fuq x'ħa nagħmlu. Xi ġranet oħra noqgħod nibgħat lil sħabi fuq x'inkun qed nagħmel jew xi ħaġa oħra.

Kemm nieħu gost nibgħat liz-zija li tgħix l-Awstralja! Hi toqgħod tibgħatli xi ritratti tal-Awstralja u fuq kif inhi u x'qed tagħmel. Ġieli nagħmlu xi 'video call' flimkien u tiġi n-nanna ħdejja. Iz-zija ma tiħux gost bl-internet. Hi tgħid li llum il-ġurnata inqattgħu wisq ħin fuqu u li nkunu qed naħlu l-ħin. Jiena ma naqbilx ma' ziti. L-internet mhux ħela ta' ħin sakemm ma tqattax wisq ħin fuqu. 

Meta tkun fuq l-internet tista' tagħmel ħafna affarijiet. Ma tridx tqatta' ħafna ħin fuqu iżda m'hemm xejn ħażin billi tuża xi naqra internet u tużah bħala mezz ta' komunikazzjoni jew tużah għal xi riċerka.

Martina Sciclina (Form 2.2)
-----

It-televixin, ġid jew ħsara?

It-televixin ilu jeżisti madwar sittin sena, illum tista' tgħid li kważi kulħadd għandu wieħed. It-teknoloġija avvanzat u minn televixin żgħir, li kważi ma stajt tara xejn minnu, illum għandna televixin li bil-kontra, kważi jieħu ħajt sħiħ.

Mit-televixin, wieħed jista' jitgħallem affarijiet importanti, ngħidu aħna li ġeneralment ma titgħallimhomx l-iskola, bħal x'qed jiġri f'pajjiżi oħra. Nistgħu wkoll nitgħallmu fuq l-affarijiet li qegħdin jinbiegħu jew li qegħdin fuq offertà. Ikun hemm ukoll reklami ta' fejn ikun sejjer xi ħadd famuż. 

Min-naħa l-oħra, it-televixin jista' jieħu post l-istudju u tkun għajjien għall-iskola għax ikun ilek ħin twil tara t-televixin. Minflok tqatta' l-ħin mal-familja jew mal-ħbieb, tista' tqattgħu quddiem it-televixin minflok. 

It-televixin għandu l-effetti pożittivi wkoll bħal meta ma jkollok xejn x'tagħmel id-dar. Jekk tkun waħdek id-dar jew ma' xi ħabiba, l-iktar filgħaxija. Tajjeb għax tkun tista' tisma' lil xi ħadd jew xi ħaġa. 

Min-naħa l-oħra, it-televixin, jekk tara wisq minnu, issir skjav tiegħu. Jekk issir skjav, ħafna affarijiet jistgħu jiġru bħal li ma tmurx l-iskola u ma tagħmilx ix-xogħol tad-dar. Jista' jkun li tibda tinjora lill-ħbieb u jista' jkun li titlifhom. 

It-televixin għandu aspetti pożittivi u negattivi. Jien naħseb li t-televixin jgħin ħafna affarijiet iżda jibqa' l-fatt li jista' jintuża b'mod ħażin. Fl-aħħar mill-aħħar jiena naħseb li dejjem jista' jkun kemm it-tajjeb u kif ukoll il-ħażin tiegħu.

Gaby Attard (Form 2.3)
-----

L-iskola, filgħodu jew filgħaxija?

Jiena personalment l-iskola ma tantx togħġobni però żgur nippreferi li mmur filgħodu u mhux filgħaxija bħal ma jagħmlu f'xi pajjiżi oħra. Ħafna jgħidu li jekk l-iskola tkun filgħaxija, ikollok iktar ċans biex torqod, eżempju jekk tqum fis-sitta u nofs minħabba l-iskola filgħodu, tqum fid-disgħa għaliex ikollok l-iskola filgħaxija. 

Meta tmur l-iskola filgħodu vera li dejjem u kuljum trid tqum kmieni minħabba li jkollok tmur l-iskola, però mbagħad tkun qomt sewwa jkollok ħafna enerġija. Hemm ħaġa oħra, li jekk l-iskola tkun fil-ħin ta' filgħodu tkun tista' terġa' tmur lura d-dar kmieni u tkun tista' tagħmel ix-xogħol għad-dar tal-iskola, tistudja u tkun tista' tmur xi attività li jkollok. In-norma hija li l-iskola jkollha sitt sigħat, mela jekk l-iskola tibda fit-tmiena u kwart, tispiċċa fis-sagħtejn u kwart, filwaqt li jekk l-iskola ta' filgħaxija tibda fl-erbgħa, tispiċċa fl-għaxra u meta tasal, torqod mill-ewwel.

Jiena ma naqbilx mal-iskola ta' filgħaxija, dan għaliex trid xorta tqum filgħodu biex tagħmel ix-xogħol għad-dar tal-iskola u trid tistudja. Ħin għall-attivitajiet tiegħek ma jkollokx ċans tagħmel. L-unika ħaġa li naqbel magħha perfettament hija li ma jkollokx tqum kmieni bl-irbit għall-iskola.

F'dan l-argument hemm ħafna li jaqblu miegħi, però hemm ukoll dawk li jkunu jridu l-iskola filgħaxija. Fl-aħħar mill-aħħar nibqa' ngħid li l-iskola nkun irridha filgħodu u mhux filgħaxija. 

Kirsten Pace (Form 2.1) 

Wednesday, May 3, 2017

Rapport

Ir-Rabat, It-Tlieta l-25 t'April, 2017

Denfil jinsab fil-bajja ta' Marsalforn

Illum kmieni filgħodu nstab denfil żgħir ftit 'il barra mill-bajja popolari ta' Marsalforn. Rawh l-ewwel koppja miexja mal-baħar u lemħuh jgħum f'wiċċ l-ilma bħal qisu mitluf. 

Madwar l-għaxra ta' filgħodu waslu xi bugħaddasa u xjentisti. Dawn qalu li d-denfil jidher żgħir wisq biex ikun imbiegħed minn ommu u jaħsbu li spiċċa hemmhekk minħabba l-maltempata tal-bieraħ. Il-bajja ġiet magħluqa sakemm ix-xjentisti għamlu l-investigazzjoni tagħhom. 

Fl-aħħar, ikkonkludew li l-omm tad-denfil għandha tiġi tfittex lil binha. Nisperaw li kollox jispiċċa b'wiċċ il-ġid. 


-----

Ħaż-Żebbuġ, It-3 ta' Mejju, 2017

Aħbar Ħażina

Dalgħodu kien hemm diżgrazzja fatali li ħalliet lil tnejn mejtin. Il-pulizija għadhom qegħdin jinvestigaw il-każ. 

It-traġedja saret f'kamra tan-nar f'Wied il-Għajn, fis-sebgħa ta' filgħodu. Iż-żewġ ġuvintur li kienu ġol-kamra tan-nar kienu qegħdin ilestu l-murtali għall-festa meta f'daqqa waħda sploda murtal. In-nies tal-irħula semgħu ħoss u ċemplu 'l-pulizija. Il-pulizija indunaw li kienu mejtin.

Il-pulizija għadhom qegħdin jipprovaw jaraw kif seta' sploda l-murtal. Naġġornawkom b'aktar aħbarijiet li tidħlilna aktar informazzjoni. 

-----

Ħaż-Żebbuġ, It-2 ta' Mejju, 2017

Studenti Maltin b'Suċċess f'Kompetizzjoni Ewropea fil-Bulgarija.

Grupp ta' tmien studenti mill-kulleġġ ta' San Alwiġi kisbu suċċess meta kklassifikaw it-tieni fil-Konferenza Ewropea għall-Edukazzjoni u r-Robotika f'Sofia, il-Bulgarija.

L-istudenti mill-ewwel sena tal-kulleġġ ingħaqdu f'tim bl-isem ta' "Aloybotics" u kkompetew permezz ta' robot li jimxi fuq 'gameboard' u jitma l-ħidma li jwettqu l-bdiewa fl-għelieqi, fosthom li jpoġġi t-tiben u l-ilma f'posthom fir-razzett, jiżra ż-żerriegħa fil-ħamrija u jitma' lill-bhejjem.

Il-kompetizzjoni ttellgħet fl-aħħar ġimgħa ta' April u kkompetew fiha timijiet fosthom il-Polonja, il-Bulgarija, l-Awstralja, il-Belġju u l-Albanija.