Ommi għandha xagħarha kannella b'leħħa ħamranija fih. Għandha wkoll nuċċali tal-vista biex tara aħjar. Hija mara twila kif ukoll misluta. Ommi taħdem l-Isptar Mater Dei u xogħolha huwa li tanalizza d-demm fil-laboratorju tal-'Haematology.' Ix-xogħol tagħha tassew interessanti u għandha responsabbiltà kbira.
Fil-ħin liberu tagħha, ommi tħobb tmur il-'gym.' Hija tattendi erba' darbiet fil-ġimgħa biex iżżomm ruħha attiva u b'saħħitha. Ommi tħobb ukoll issuq ir-rota. Fil-fatt, ommi, jiena u ħija nħobbu mmorru xi ġirja bir-rota flimkien. Il-kulur favorit tagħha huwa l-aħdar u tħobb tixtri ħwejjeġ u affarijiet tad-dar tal-kulur aħdar. Il-mamà tħobb ħafna l-annimali. Aħna għandna bosta annimali domestiċi d-dar u ħafna mid-drabi tkun hi li tieħu ħsiebhom. Il-kelba tagħna dejjem tiġri warajha u qisha d-dell t'ommi. L-ikla favorita tal-mamà hija l-insalata mħawra bit-tiġieġ.
Ommi tħobb ħafna l-familja u tagħmel kollox għalina biex tarana kuntenti. Issajjar ikel bnin, tnaddaf id-dar, twassalna kull fejn ikollna bżonn u taħslilna ħwejjiġna. Hija dejjem hemm biex tagħtina s-'support' u meta nkunu xi ftit ma nifilħux ddur bina daqs l-aqwa tabib.
Jiena nammira ħafna lil ommi għax fiha nara kwalitajiet tajbin. Għandha qalbha tad-deheb u dejjem pronta biex tgħin, mhux lilna biss imma lil kulħadd. Għalija ommi tfisser ħafna u hija bastun li fuqu nistrieħ.
Elena Spiteri (Form 1.1)
-----
Hemm tifla fil-klassi tiegħi, mhux qiegħda bilqiegħda 'l-bogħod minni. Din it-tifla għandha ħafna passatempi, hija tħobb toħroġ u tilgħab bil-kompjuter iżda l-iktar passatempi għal qalbha huma l-kant u l-mużika. Hi taf iddoqq numru kbir ta' strumenti differenti.
Għandha xagħarha iswed faħma, naturali u ftit innukklat. Għandha għajnejha kannella u l-karnaġġjon tagħha bajdani mhux ħażin. Għandha l-wardiet roża u wiċċha lixx. Hija mhux twila iżda mhux xi qasira lanqas. Mhix niexfa għuda imma ftit mibruma.
Din it-tifla tħobb ħafna l-moda imma żgur mhux ser tilbislek xi libsa mimlija fosos jew antaċċoli. Xagħarha dejjem tħallih imniżżel bl-istess stil tas-soltu imma ġieli tħallih imniżżel u lanqas biss tippettnah. Qatt ma tilbes ġojjellerija ħlief par imsielet iżda tħobb kollox sempliċi. Hi ma tantx tispjega ruħha sewwa, meta tispiċċa tfiehmek xi ħaġa tispiċċa tfixklek!
Hija tifla veru ferriħija. Xi kultant tkun veru storbjuża imma xorta simpatika ħafna. Din it-tifla hija veru altruwista u temmen ħafna fid-diversità. Tittratta lil kulħadd l-istess u jekk tara lil xi ħadd fil-bżonn dejjem tkun b'qalbha f'idha biex tgħin. Hija leali u dejjem tgħid il-verità. Kulħadd iħares lejn din it-tifla bħala waħda kreattiva, dejjem toħroġ b'ideat differenti u hija valur miżjud għall-klassi tagħna. Taħseb li qtajt min hi? Din it-tifla hija Emma Curmi!
Ella Trapani (Form 1.2)
-----
Jien noqgħod San Ġiljan, Triq il-Baħar l-Iswed u ħdejna joqgħod raġel xi ftit xiħ jismu Ċikku. Ilu joqgħod fit-triq tagħna għal xi tlettax-il sena.
Ċikku huwa twil u għandu xagħru lewn abjad u griż. Jilbes nuċċali iswed u dejjem jilbes qmis u qalziet. Anki biex jaħsel il-karozza! Għandu wiċċu ftit kbir u mkemmex. Hu mhux miżżewweġ imma kien issepara ftit żmien ilu u issa qed jgħix ma' mara u xi drabi jiġi joqgħod miegħu t-tifel tiegħu. In-nies li joqogħdu fl-istess triq tagħna kważi kollha jaħsbuh naqra stramb.
Ċikku għandu ħabta meta jitkellem, kważi qatt ma jidħak. Nistħajlu qed iħossu mdejjaq! U mhux magħna biss! Sa fejn naf jien, ma' kulħadd jagħmel hekk. Ċikku għandu xi ħames karozzi u ma nafx għalxiex. Qisu qed jipprova jbigħ. Ċikku veru jixtieq jixtri d-dar tagħna imma l-mamà u l-papà qatt ma ċedewlu. Ċikku jħobb jagħmel ħafna storbju. Pereżempju, billi joqgħod jimxi mad-dar u jċaqlaq is-siġġijiet. Ċikku ma jħobbux l-istorbju. Nafu dan għax kull meta ħija jdoqq xi diska tal-banda bit-trumbetta kbira (li anki jien nobgħod!), joqgħod igerger u mbagħad jagħmel ħafna storbju hu stess. Din hija xi ħaġa li ma nistax nifhem. Naħseb li ddejqu s-sħana taħraq tas-sajf ukoll għax darba rajtu fil-garaxx tiegħu bil-flokk ta' taħt taċ-ċingi. Jiddejjaq ukoll meta jirċievi r-reklami fil-posta.
Biex ngħidilkom il-verità, jien nibża' ftit minnu! Madanakollu ma nista' nagħmel xejn dwar dan. Kull ma nista' nagħmel hu li nispera li jinbidel il-karattru tiegħu!
Enrica Mifsud Bonnici (Form 1.3)