Monday, May 30, 2011

Ħ’Attard

F’Malta nsibu ħafna postijiet sbieħ, storiċi u anke rurali. Insibu wkoll ġonna u widien filwaqt li nsibu wkoll postijiet li jipprovdu divertiment. Jiena jogħġbuni l-irħula kwieti imma fl-istess ħin fejn il-poplu tar-raħal jkollu fejn jiltaqa’ u jissoċjalizza. Wieħed minn dawn l-irħula huwa Ħ’Attard fejn għandi l-pjaċir ngħid li noqgħod jiena mal-familja tiegħi.

Ħ’Attard jinsab fiċ-ċentru ta’ Malta. Hawnhekk insibu diversi ġonna żgħar u mxerdin imma imbagħad insibu wieħed kbir u magħruf  ħafna li huwa San Anton.  Ħ’Attard huwa magħruf ukoll għas-siġar taċ-ċitru. Għalhekk il-motto ta’ Ħ’Attard huwa “Iffjurit bil-ward imfewwaħ”. Il-palazz ta’ San Anton kien mibni mill-Granmastru Antoine De Paule fi żmien il-kavallieri. Huwa ġnien mimli fjuri kkuluriti u siġar kbar. Filfatt ħafna turisti jżuru dan il-ġnien. Fi żmien il-kavallieri l-Granmastru kien joqgħod fih imma issa l-President ta’ Malta intitolat li joqgħod hemm.

F’Ħ’Attard jinsabu erba’ widien li jagħtu għall-irħula tal-madwar; ‘Wied San Martin’, ‘Wied Inċita’, ‘Wied Irmiedi’, u ‘Wied is-Sewda’. Ħ’Attard huwa raħal antik ħafna u jmur lura għal żmien il-preistorja. Dan nafuh minn xi fdalijiet li nstabu ġewwa Ħ’Attard. Dan ir-raħal sar paroċċa fl-1575 u kellu l-ewwel kappillan fl-1579. F’dak iż-żmien Ħ’Attard kellu popolazzjoni ta’ ‘l fuq minn sitt mitt persuna. Ħ’Attard tant kiber li llum għandu popolazzjoni ta’ iktar minn għaxart elef. Għalkemm fil-qalba tar-raħal hemm ħafna djar żgħar insibu diversi vilel u djar kbar mal-madwar.

Il-paroċċa ta’ Ħ’Attard li hi ddedikata lil Marija Assunta toffri għaqdiet tat-tfal, preadoloxxenti u żgħażagħ. Hemm ukoll żewġ korijiet tal-paroċċa, wieħed tat-tfal u l-ieħor tal-adulti. Diversi residenti jiffurmaw parti minn dawn l-għaqdiet u jsibuh ta’ mezz fejn filwaqt li jagħtu servizz jiġu ffurmati spiritwalment u jissoċjalizzaw mal-oħrajn. Ħ’Attard dejjem kien, għadu u jibqa’ r-raħal favorit tiegħi.

                                                                               Ilona Vella (Form 2.3)

No comments:

Post a Comment