Wednesday, October 12, 2011

Irrakkonta x'tagħmel kuljum u x'tagħmel fi tmiem il-ġimgħa. Għid ukoll dwar dak li jogħġbok u dwar dak li jdejqek fil-ħajja.

     Matul il-ġimgħa jiena kważi dejjem nagħmel l-istess ħaġa, immur l-iskola, id-dutrina u mmur il-lezzjonijiet tal-arti. Meta nsib il-ħin, inpenġi, naqra u nħit. Is-sebat ijiem tal-ġimgħa waqt l-eżamijiet narahom twal wisq imma matul il-ġranet ta' kuljum il-ħin jgħaddi qisu żiffa riħ. 

     Ħames darbiet fil-ġimgħa jkolli l-iskola. Wara ġurnata xogħol niġi d-dar għajjiena mejta. L-ewwel niekol xi ħaġa żgħira u wara nibda x-xogħol tal-iskola. Indum siegħa u nofs għaddejja bix-xogħol u wara nibda nistudja suġġett li jkun. Meta nlesti kollox nagħmel it-'time table'. Iktar tard nibda naqra xi ktieb, nilgħab jew inħit, skont il-burdata. 

     It-Tlieta u l-Ħamis, fil-ħamsa jkolli d-dutrina. Id-dutrina ddum tliet kwarti. Jekk ma nkunx lestejt ix-xogħol nagħmlu wara d-dutrina.

     It-tmiem tal-ġimgħa huwa l-isbaħ parti tal-ġimgħa għalija. Mhux kollox logħob u mistrieħ fi tmiem il-ġimgħa imma ħafna studju u xogħol ukoll. Is-Sibt nipprova nlesti x-xogħol tal-iskola u nibda nistudja ftit. Filgħaxija noħroġ niekol mal-familja. Il-Ħadd inqum kmieni għall-quddiesa tat-tmienja. Il-Ħadd jiena s-soltu nistudja dak kollu li nkun għamilt matul dik il-ġimgħa. Apparti minn hekk, immur u nara n-nanniet ukoll. Nieħu gost narahom wara ġimgħa sħiħa. 

     Minħabba x-xogħol tal-iskola, ma tantx noħroġ nilgħab u niltaqa' ma' sħabi imma niltaqa' magħhom l-iskola. Din is-sena rrid naqdef iktar fl-istudju. Fl-aħħar mill-aħħar il-ġimgħa tipika tiegħi tinvolvi f'ħafna xogħol u studju. 

Corinne Gatt (Form 1.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     
     Jien jisimni Kayce, noqgħod is-Swatar u għandi ħdax-il sena. Ta' kuljum jien inqum fis-sitta u għaxra sabiex nipprepara għall-iskola. Ma tantx ikolli ħin x'nitlef b'hekk nibda billi naħsel wiċċi, nilbes, nieħu l-kolazzjon, nagħmel xagħri u naħsel snieni. X'ħin inlesti noħroġ barra nistenna l-vann. 

     Waqt il-ħin tal-iskola, aħna nitgħallmu, nilagħbu u niltaqgħu ma' sħabna. Meta nasal id-dar nibda x-xogħol tal-iskola, imbagħad niekol xi ħaġa tajba li tkun ippreparatli ommi. Xi drabi wara li niekol immur nistudja, iżda kull nhar t'Erbgħa u nhar ta' Ġimgħa jkolli l-katekiżmu u l-Ħamis immur id-drama. Fost il-ġimgħa nidħol norqod għall-ħabta tad-disgħa. Il-passatempi tiegħi huma ż-żfin, naqra, nara t-televixin, inpinġi u nirreċta, iżda l-aktar li nħobb nagħmel huwa r-reċtar għax nitgħallem inkun aktar kunfidenti. L-affarijiet li ma tantx inħobb nagħmel fil-ħajja huma li nilgħab fuq il-kompjuter għax naħseb li jaqtak mis-soċjeta' għalkemm xi drabi huma bżonnjużi. 

     Is-Sibt ikolli ftit ħin għall-mistrieħ wara ġimgħa skola. Jien u ommi nħobbu mmorru nduru l-ħwienet. Filgħaxija mmorru għand in-nanna u hemm niltaqgħu mal-familja kollha. Filgħaxija mmorru għand in-nanna u hemm niltaqgħu mal-familja kollha. In-nanna ta' kull nhar ta' Sibt issajjar xi ħaġa tajba għall-familja. Il-Ħadd ukoll nerġa' niltaqa' mal-familja tiegħi. Meta ma tkunx xita mmorru Ta' Qali u tgħidx kemm nieħdu pjaċir. Iżda jekk tkun ix-xita nistiednu n-nanniet id-dar tagħna u jiġu ħalli naraw xi film sabiħ u wara nieħdu ftit te' flimkien. 

     Il-ħajja hija sabiħa ħafna. Għandna napprezzawha anki meta nkunu f'sitwazzjoni diffiċli. Nafu li minnha se nitgħallmu xi ħaġa tajba u kif jgħid il-qawl Malti: 'Kull deni ħudu b'ġid'.

Kayce Camilleri (Form 1.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------


     Matul il-ġimgħa jien immur l-iskola u nattendi affarijiet oħrajn. It-Tnejn, L-Erbgħa u l-Ħadd immur nipprattika l-isport favorit tiegħi, l-atletika. It-Tlieta u l-Ħamis nattendi d-dutrina. 


     Kuljum qabel l-iskola nqum fis-sitta u nofs, nilbes l-uniformi tal-iskola, niekol il-kolazzjoni u naħsel snieni, imbagħad nistenna l-vann. Meta nasal mill-iskola nneħħi l-uniformi u nilbes xi ħaġa komda. Wara, niekol l-ikel li ommi tkun ippreparatli u li dan jinżilli għasel.


     Wara l-ikel, nagħmel ix-xogħol tal-iskola u nistudja ftit. Jekk ikolli ċans nilgħab ftit . Wara, nipprepara għall-attivita' ta' dakinhar. Jiena nħobbha l-iskola imma nippreferi tmiem il-ġimgħa għax ma jkollix għalfejn inqum kmieni għall-iskola, xi pjaċir!


     Is-Sibt, wara li nqum nispiċċa x-xogħol tal-iskola, jekk ikun fadalli, imbagħad nistudja u nilgħab ukoll. Kultant meta jkollna l-ħin, is-Sibt wara nofsinhar immorru għal passiġġata fil-kampanja u filgħaxija nisimgħu l-quddiesa tas-sitta. 


     Il-Ħadd filgħodu mmur nipprattika l-atletika. Wara nofsinhar immorru nżuru lin-nanniet. Oħti u jiena nieħdu gost nilagħbu fil-ġnien tagħhom jekk ikun temp sabiħ. Aħna nirkbu r-roti tagħna madwar il-ġnien u nilagħbu ħafna logħob ieħor. 


     L-aktar ħaġa li togħġobni fil-ħajja hija l-atletika, kemm meta nipprattikaha jiena kif ukoll meta nara 'il ħaddieħor. Hemm ħaġa waħda biss li ddejjaqni lili. Din hija li kull filgħodu jkolli nqum daqshekk kmieni biex immur l-iskola. 


Rachel Attard Chase (Form 1.3)

Tuesday, October 4, 2011

Kien jum ta' sħana u ħedla!

Il-ħmistax t'Awwissu kien jum ta' sħana u ħedla. Kienet l-iktar ġurnata sħuna tas-sajf. It-temperatura kienet telgħet ħamsa u erbgħin grad. 
     
Tistgħu timmaġinaw xi sħana għamlet! Ma kelli aptit nagħmel xejn. Għamilt ġurnata l-baħar imma anki hemm kien hemm ix-xemx taħraq. Kienu diġà s-sagħtejn u nofs ta' wara nofsinhar u x-xemx kienet qed taqli iżjed minn qabel, għalhekk iddeċidejt li mmur lura d-dar. X'ħin wasalt mort nixgħel l-'air condition'. Intfajt fuq is-sodda u qgħadt nara film. F'daqqa waħda, kienu diġà saru t-tlieta u kwart. Qabadni ħafna ġuħ u mort nagħmel insalata għax kelli aptit xi ħaġa friska biex intaffi ftit mis-sħana li kelli fuqi. 

Kilt il-platt kollu u wara mort ninħasel għax kelli ħafna tidlik. Wara erġajt qbadt il-karozza biex immur sal-baħar u noqgħod hemm sa filgħaxija u niekol xi ħaġa hemm. Ma tantx kien hemm nies fuq il-bajja. 

Il-baħar kien ċar daqs il-kristall u mill-ewwel inżilt ngħum. Wara xi nofs siegħa rajt tifla ta' xi għaxar snin timxi fuq il-bajja. Jien ma tajtx kas u bqajt ngħum taħt is-sema kaħli, l-għasafar ikantaw qishom riedu jibdew igorru bis-sħana huma wkoll, taħt ix-xemx taħraq. Kont ħierġa 'l barra ġol-baħar imma f'daqqa waħda smajt ħoss kbir u dort biex nara jekk il-basket kienx għadu hemm. Il-basket kien hemm imma bqajt inħares biex nara x'ġara. Bdejt dieħla 'l ġewwa u rajt xi ħaġa mimduda mal-art u ndunajt li kienet dik it-tifla u ħassha ħass ħażin. Tlajt niġri u ħadtha l-isptar. Wara ftit ġiet f'tagħha u jien tlaqt għax qalet lit-tabiba biex iċemplu d-dar. 

X'ħin wasalt id-dar mort norqod għax kelli ngħas kbir. Illum kienet l-agħar ġurnata tas-sajf! 
     
                                                                      Martina Abdilla (Form 2.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------


Ma nafx jekk ġilix esperjenzajtu palata ta' sħana f'jum wieħed. Ħa ngħidilkom, mhix xi ħaġa t'għaxqa kbira. Ejja ngħidu li mhix xi ħaġa ta' hena li kull min ikun ħdejk ikun qed jinten bl-għaraq. Jien għaddejt minnha! 


Qomt mal-għajta tas-serduq li kien hemm fl-għalqa ta' maġenbna. X'ħin qomt, nara li l-fann kien mitfi. Jien skantajt għax naħseb li ħadd ma jħalli l-fann mitfi f'nofs Lulju. Erġajt ppruvajt nixgħelu imma kollu kien ta' xejn għax mitfi kien u mitfi baqa'. Jien tlaqt niġri b'saqajja ma' dahri nfittex lil ommi biex nara x'kien ġara. Lil ommi sibtha fit-terrazzin qalb il-pjanti ta' kull kulur u f'nofshom kien hemm pjanta sabiħa tal-frawl li kienet ilha tinbed madwar sentejn. Kienet qiegħda ssaqqi. Saqsejtha għaliex il-fann kien mitfi u fi ftit kliem kienet qaltli li kien mar id-dawl. Dakinhar kienet għaddejja mewġa tas-sħana. Tistgħu taħsbu xi sħana kienet. F'ħakka t'għajn iddeċidejna li mmorru ngħumu sal-Għadira. 


L-Għadira kienet invażata bin-nies. Kulħadd jonfoħ, irewwaħ u jċafċaf. Sibna post għad-dell avolja kien hemm kważi kull m'hemm xemx. Krejna umbrella u kollha nżajna l-ħwejjeġ. Intfajna fil-baħar. Wara xi siegħa fl-ilma sabiħ u nadif tazza, tlajna biex nittrejqu daqxejn. Kellna ikel li ġeneralment tieħu miegħek ħdejn il-baħar. Kellna d-dulliegħ, bettiegħ u ħobż biż-żejt li fejn il-baħar jinżillek għasel. Wara li mlejna l-ħawsla erġajna morna ngħumu. Lagħbna naqra bil-ballun u rrelassajna daqxejn fuq il-'lilos'. Imma kull bidu għandu t-tmiem u erġajna tlaqna ura lejn id-dar. Tgħid hemm dawl?


Fl-aħħar wasalna lura u d-dawl kien hemm. Żbarazzajna, kilna ikla bnina, inħsilna u tlaqna lejn is-sodda. Xgħelna l-fann u rringrazzjajna 'l Alla li kellna d-dawl. 


                                                                     Analise Magri (Form 2.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------


"Sħana, riħ isfel u gdim tan-nemus!" Fil-karozza ta' missieri li hija ta' lewn aħmar, hekk bdejna nkantaw flimkien. Din hija diska twila u pjuttost antika. Inkantawha biss meta tkun is-sħana li bil-kemm tissaportiha. 


F'dak il-jum, ix-xemx kienet qawwija ġmielha. Bdejt nistħajjilha ballun tan-nar li kull sekonda bdiet tersaq lejja. Kif jgħid il-qawl Malti: kienet ix-xemx taqli l-ankri. 


Flimkien mal-ġenituri tiegħi u ħija ż-żgħir konna sejrin sal-wied li kien tefgħa ta' ġebla 'l bogħod mid-dar tagħna. Minħabba l-fatt li kienet is-sħana, missieri kien issuġġerixxa li xorta mmorru bil-karozza. Aħna lkoll qbilna għax ma tantx kellna aptit nimxu. 


F'ħakka tgħajn wasalna l-wied. Kien hemm ftit nies mhux ħażin u kulħadd beda jqattar bl-għaraq. In-nies kollha kienu b'maktur f'idhom, jimsħu moħħhom u wiċċhom kollu. 


Kif bdejna neżlin mill-passaġġ dejjaq indunajna kif il-ħaxix kien kollu niexef u mejjet bil-għatx. Il-fjuri, fejn f'Mejju kienu miftuħin u b'kuluri vivaċi, issa donnhom spiċċaw bla kulur, magħluqin u bla ħajja. 


Aħna u neżlin rajna l-għelieqi li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu nexfin qoxqox. Rajna wkoll bidwi f'għalqa minnhom, li kellu siequ waħda fil-ħofra. Kien liebes qalziet li bla dubju kien imxammar sa rkopptejh. Il-qalziet kien ta' lewn blu u kien kollu mqatta'. Kien ukoll liebes qmis kannella ċara li kienet qisha ilha mixtrija minn żmien żemżem. F'saqajh ma kien liebes xejn iżda fuq rasu kellu kappell tat-tibna kbir, qisu dixx tal-landa. Ix-xwejjaħ kien aħmar nar u kien fih ħasra jaħdem f'dik ix-xemx, iżda l-għejxien tiegħu u tal-familja kien jiddependi fuqu. 


Waqafna ftit naraw x'kien qed jagħmel iżda s-sħana u x-xemx tiżreġ ma flaħnihiex. Ġegħlna lil missieri jdawwar denbu lura lejn id-dar. 


"Nixtri 'air condition' kieku kellu l-flus!" kompla l-kanzunetta missieri, li b'paċenzja kbira saq lejn id-dar. Qatt ma ħassejt daqshekk għejja f'ħajti. Dak kien vera jum ta' sħana u ħedla. 


                                                                   Diane Cutajar (Form 2.3)

Saturday, October 1, 2011

Il-50 anniversarju mill-mewt tal-poeta nazzjonali, Dun Karm Psaila

Dun Karm Psaila twieled fit-18 t'Ottubru,1871 u miet fit-13 t'Ottubru, 1961. Huwa magħruf sempliċiment bħala l-Poeta Nazzjonali ta' Malta. Ix-xahar ta' Ottubru, din is-sena jaħbat il-50 anniversarju mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali. Fost ħafna kitbiet eċċellenti, Dun Karm kiteb ukoll l-Innu Malti, fl-1945.



Dawn huma xi xogħlijiet li saru mill-istudenti tal-ewwel u t-tieni sena fl-iskola St. Dorothy's, dwar il-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila. Prosit lil dawk kollha li pparteċipaw f'din l-attività.