Tuesday, October 4, 2011

Kien jum ta' sħana u ħedla!

Il-ħmistax t'Awwissu kien jum ta' sħana u ħedla. Kienet l-iktar ġurnata sħuna tas-sajf. It-temperatura kienet telgħet ħamsa u erbgħin grad. 
     
Tistgħu timmaġinaw xi sħana għamlet! Ma kelli aptit nagħmel xejn. Għamilt ġurnata l-baħar imma anki hemm kien hemm ix-xemx taħraq. Kienu diġà s-sagħtejn u nofs ta' wara nofsinhar u x-xemx kienet qed taqli iżjed minn qabel, għalhekk iddeċidejt li mmur lura d-dar. X'ħin wasalt mort nixgħel l-'air condition'. Intfajt fuq is-sodda u qgħadt nara film. F'daqqa waħda, kienu diġà saru t-tlieta u kwart. Qabadni ħafna ġuħ u mort nagħmel insalata għax kelli aptit xi ħaġa friska biex intaffi ftit mis-sħana li kelli fuqi. 

Kilt il-platt kollu u wara mort ninħasel għax kelli ħafna tidlik. Wara erġajt qbadt il-karozza biex immur sal-baħar u noqgħod hemm sa filgħaxija u niekol xi ħaġa hemm. Ma tantx kien hemm nies fuq il-bajja. 

Il-baħar kien ċar daqs il-kristall u mill-ewwel inżilt ngħum. Wara xi nofs siegħa rajt tifla ta' xi għaxar snin timxi fuq il-bajja. Jien ma tajtx kas u bqajt ngħum taħt is-sema kaħli, l-għasafar ikantaw qishom riedu jibdew igorru bis-sħana huma wkoll, taħt ix-xemx taħraq. Kont ħierġa 'l barra ġol-baħar imma f'daqqa waħda smajt ħoss kbir u dort biex nara jekk il-basket kienx għadu hemm. Il-basket kien hemm imma bqajt inħares biex nara x'ġara. Bdejt dieħla 'l ġewwa u rajt xi ħaġa mimduda mal-art u ndunajt li kienet dik it-tifla u ħassha ħass ħażin. Tlajt niġri u ħadtha l-isptar. Wara ftit ġiet f'tagħha u jien tlaqt għax qalet lit-tabiba biex iċemplu d-dar. 

X'ħin wasalt id-dar mort norqod għax kelli ngħas kbir. Illum kienet l-agħar ġurnata tas-sajf! 
     
                                                                      Martina Abdilla (Form 2.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------


Ma nafx jekk ġilix esperjenzajtu palata ta' sħana f'jum wieħed. Ħa ngħidilkom, mhix xi ħaġa t'għaxqa kbira. Ejja ngħidu li mhix xi ħaġa ta' hena li kull min ikun ħdejk ikun qed jinten bl-għaraq. Jien għaddejt minnha! 


Qomt mal-għajta tas-serduq li kien hemm fl-għalqa ta' maġenbna. X'ħin qomt, nara li l-fann kien mitfi. Jien skantajt għax naħseb li ħadd ma jħalli l-fann mitfi f'nofs Lulju. Erġajt ppruvajt nixgħelu imma kollu kien ta' xejn għax mitfi kien u mitfi baqa'. Jien tlaqt niġri b'saqajja ma' dahri nfittex lil ommi biex nara x'kien ġara. Lil ommi sibtha fit-terrazzin qalb il-pjanti ta' kull kulur u f'nofshom kien hemm pjanta sabiħa tal-frawl li kienet ilha tinbed madwar sentejn. Kienet qiegħda ssaqqi. Saqsejtha għaliex il-fann kien mitfi u fi ftit kliem kienet qaltli li kien mar id-dawl. Dakinhar kienet għaddejja mewġa tas-sħana. Tistgħu taħsbu xi sħana kienet. F'ħakka t'għajn iddeċidejna li mmorru ngħumu sal-Għadira. 


L-Għadira kienet invażata bin-nies. Kulħadd jonfoħ, irewwaħ u jċafċaf. Sibna post għad-dell avolja kien hemm kważi kull m'hemm xemx. Krejna umbrella u kollha nżajna l-ħwejjeġ. Intfajna fil-baħar. Wara xi siegħa fl-ilma sabiħ u nadif tazza, tlajna biex nittrejqu daqxejn. Kellna ikel li ġeneralment tieħu miegħek ħdejn il-baħar. Kellna d-dulliegħ, bettiegħ u ħobż biż-żejt li fejn il-baħar jinżillek għasel. Wara li mlejna l-ħawsla erġajna morna ngħumu. Lagħbna naqra bil-ballun u rrelassajna daqxejn fuq il-'lilos'. Imma kull bidu għandu t-tmiem u erġajna tlaqna ura lejn id-dar. Tgħid hemm dawl?


Fl-aħħar wasalna lura u d-dawl kien hemm. Żbarazzajna, kilna ikla bnina, inħsilna u tlaqna lejn is-sodda. Xgħelna l-fann u rringrazzjajna 'l Alla li kellna d-dawl. 


                                                                     Analise Magri (Form 2.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------


"Sħana, riħ isfel u gdim tan-nemus!" Fil-karozza ta' missieri li hija ta' lewn aħmar, hekk bdejna nkantaw flimkien. Din hija diska twila u pjuttost antika. Inkantawha biss meta tkun is-sħana li bil-kemm tissaportiha. 


F'dak il-jum, ix-xemx kienet qawwija ġmielha. Bdejt nistħajjilha ballun tan-nar li kull sekonda bdiet tersaq lejja. Kif jgħid il-qawl Malti: kienet ix-xemx taqli l-ankri. 


Flimkien mal-ġenituri tiegħi u ħija ż-żgħir konna sejrin sal-wied li kien tefgħa ta' ġebla 'l bogħod mid-dar tagħna. Minħabba l-fatt li kienet is-sħana, missieri kien issuġġerixxa li xorta mmorru bil-karozza. Aħna lkoll qbilna għax ma tantx kellna aptit nimxu. 


F'ħakka tgħajn wasalna l-wied. Kien hemm ftit nies mhux ħażin u kulħadd beda jqattar bl-għaraq. In-nies kollha kienu b'maktur f'idhom, jimsħu moħħhom u wiċċhom kollu. 


Kif bdejna neżlin mill-passaġġ dejjaq indunajna kif il-ħaxix kien kollu niexef u mejjet bil-għatx. Il-fjuri, fejn f'Mejju kienu miftuħin u b'kuluri vivaċi, issa donnhom spiċċaw bla kulur, magħluqin u bla ħajja. 


Aħna u neżlin rajna l-għelieqi li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu nexfin qoxqox. Rajna wkoll bidwi f'għalqa minnhom, li kellu siequ waħda fil-ħofra. Kien liebes qalziet li bla dubju kien imxammar sa rkopptejh. Il-qalziet kien ta' lewn blu u kien kollu mqatta'. Kien ukoll liebes qmis kannella ċara li kienet qisha ilha mixtrija minn żmien żemżem. F'saqajh ma kien liebes xejn iżda fuq rasu kellu kappell tat-tibna kbir, qisu dixx tal-landa. Ix-xwejjaħ kien aħmar nar u kien fih ħasra jaħdem f'dik ix-xemx, iżda l-għejxien tiegħu u tal-familja kien jiddependi fuqu. 


Waqafna ftit naraw x'kien qed jagħmel iżda s-sħana u x-xemx tiżreġ ma flaħnihiex. Ġegħlna lil missieri jdawwar denbu lura lejn id-dar. 


"Nixtri 'air condition' kieku kellu l-flus!" kompla l-kanzunetta missieri, li b'paċenzja kbira saq lejn id-dar. Qatt ma ħassejt daqshekk għejja f'ħajti. Dak kien vera jum ta' sħana u ħedla. 


                                                                   Diane Cutajar (Form 2.3)

No comments:

Post a Comment