Wednesday, December 5, 2012

Tuesday, November 27, 2012

Poeżija - Mixja

Nhar il-Ħadd li għadda,
Flimkien morna xalata,
Ħadna ħafna ikel,
Xi ilma u luminata.

Morna passiġġata,
U bdejna minn ġol-Mosta,
Xħin wasalna l-Wied,
Pjaċir ħadna bil-bosta. 

Wara mixja twila,
Spiċċajna n-Naxxar,
Rajna ħafna ħwienet,
U anki xi bażar. 

Ommi xtratli libsa,
Safra bħall-peprin,
U ħija xtara gaġġa,
Kien fiha amorin. 

Imbagħad komplejna nimxu, 
U morna lejn Ħal Lija,
Kien hemm ħafna tfal, 
Lgħabt bil-ballun ma' ħija.

Minn hemm morna Ħ'Attard,
Fil-'park' ġewwa Ta' Qali,
Missieri xtara xi frott,
U tgħidx kemm ħadu bl-għali!

Imbagħad ommi għajjiet, 
Riedet taqbad l-Arriva,
Irkibna ħdejn xulxin,
Tgħidx kemm kienet nadifa.

U xħin wasalna d-dar,
Wara mumenti sbieħ,
Intfajna fuq is-sodda,
Ilkoll ridna l-mistrieħ.

Audrey Muscat (Form 1.2)
------------------------------

Illum morna passiġġata twila, 
Sa Għar Lapsi u Wied iż-Żurrieq,
Rajna baħar ċar u għelieqi mimlija,
Għasafar, fjuri u anki ftit ħurrieq.

Fil-bogħod rajna dgħajsa ċkejkna, 
Għaddejja tgħaġġel minn maġenb Filfla,
Naħseb kienet ta' xi sajjieda,
Fuqha kien hemm tifel u tifla. 

Aħna bdejna nxejrulhom,
Imma kienu wisq 'il bogħod.
Għalxejn bdejna ngħajtulhom,
Sakemm leħinna beda jirtogħod.

Imbagħad dawwarna l-ħarsa tagħna,
Lejn il-grotta blu wisq famuża,
Ixxabbatna biex narawha sewwa,
Sakemm ommna għajtitilna anzjuża.

Aħna dorna malajr lura,
Għaliex beda jagħfas ħafna l-ħin,
U aħna b'diqa kbira f'qalbna,
Tlaqna lura bil-karozza għaġġelin!

Naomi Frendo (Form 1.3)
                                                            ------------------------------

Mhux ta' b'xejn fuq din il-gżira,
jiġu turisti bil-bosta u l-mija.
Ħafna jgħidu li hi ġenna tal-art,
għax ftit li xejn ikun hawn bard!

Minħabba dan it-temp sabih,
il-mixi hu xi ħaġa li tgawdih.
Jiena għalhekk immur indur,
ommi tgħidli, "Qisek pinnur!"

Nitla' spiss tal-belt tal-Imdina,
u ma noqgħodx lura milli naqta' xi tina.
Kif inkun hemm ngħaddi san-Naxxar,
nitpaxxa nħares lejn dawk id-djar kbar.

Meta l-pass joħodnii lejn Tas-Sliema,
nara l-bajjiet sbieħ u fil-baħar xi għawwiema.
L-arja tal-baħar tqabbadni l-ġuħ,
u nerħilha lejn San Ġiljan fejn ikun hemm l-ikel ifuħ.

Leah Camilleri (Form 1.1)

Wednesday, November 21, 2012

Storja Umoristika

Meta Ntilef in-Nannu

     In-nannu Ġwanni qatt ma kellu vista tajba, għalhekk minn dejjem kellu bżonn jilbes in-nuċċali. Beda jilbsu meta kellu sentejn! Biex inżidu l-problemi, lanqas is-smigħ tiegħu ma kien daqshekk tajjeb. 
     Kien qed joqrob il-Milied u ommi, oħti, in-nanna, in-nannu u jiena ddeċidejna li mmorru ħarġa sa Tas-Sliema biex nixtru r-rigali. Ġurnata qabel il-ħarġa, ommi ċemplet lin-nannu biex issaqsih jekk hu riedx li hi tgħaddi għalihom. Miskina l-mamà kellha tirrepeti xi għaxar darbiet qabel ma fehem sew in-nannu! Hu qal li ma kienx hemm għalfejn għax kien jaf jasal waħdu. 
     L-għada, ommi, oħti u jien tlaqna fid-disgħa neqsin għoxrin. Meta wasalna, stennejna għal xi siegħa. Ħin minnhom, il-mowbajl t'ommi beda jċempel. Kien in-nanna u hi qaltilha li n-nannu ħa t-triq il-ħażina u sabu ruħhom il-Mellieħa! Aħna bdejna nduru l-ħwienet waħedna. Fl-aħħar waslu u aqta' fejn ipparka n-nannu...? F'nofs wirja ta' karozza!
     F'nofsinhar, waqafna biex nittrejqu. Bdejna niddiskutu dwar l-affarijiet li xtrajna. Wara li kilna, iddeċidejna li mmorru sal-'Point'. Jien ħarist madwari imma ma rajtx lin-nannu Ġwanni. Ma kien imkien! Għidt lill-oħrajn. In-nanna bdiet tinkwieta. Bdejna nfittxu kullimkien. Oħti ftakret li n-nannu kien qed iħares lejn vetrina li kienet mimlija ħwejjeġ ta' taħt tan-nisa! Tlaqna lejn dak il-ħanut imma naħseb li n-nannu telaq għax ma kienx hemm. 
     Wara siegħa nfittxu, in-nanna qabdet tgħajjat li n-nannu kien faċċata tagħna. Hu kien qed jitkellem ma' manikin. Ġrejna lejh u meta wasalna, smajnieh jistaqsi jekk hu kienx ra erba' nisa. Jien għajjatt li aħna konna warajh. Wara, żammejtlu idu biex ma jerġax jaħrab u jerġa' jmur jinteressa ruħu fil-ħwejjeġ ta' taħt tan-nisa! 

Rachel Attard Chase (Form 2.1)

-----------------------------------
Meta Ssakkart Barra

    Ġurnata minnhom, jien ma kellix skola u ommi u missieri telqu għax-xogħol. Ħija kellu l-privat filgħodu, għalhekk jien kont waħdi d-dar. Kienet ġurnata f'Novembru u kien qawwi. 
     Jien kont qed nagħmel ix-xogħol tal-iskola bħal ma nagħmel is-soltu. F'ħin minnhom smajt il-qanpiena u mort nara min kien hemm. Ma rajt lil ħadd, probabbli kienet xi ċajta tar-'Ring and run'. Ir-riħ ġibed il-bieb warajja. Issa bdejt ninkwieta, ma kellix ċwievet fuqi u ma kontx naf kif ħa nerġa' nidħol. Ħaġa verament tad-daħk kif ukoll tal-mistħija, hi li jien kont qiegħda bil-paġama. In-nies bdew għaddejjin u jiċċassaw ftit, imbagħad jidħku. 
     Wara ftit, rajt il-qattusa ħierġa mill-gallarija. Ippruvajt infehmha biex twaddabli sett ċwievet, naf li ma kinitx ser tifhem, imma għall-inqas tgħid ippruvajt. In-nies li kienu għaddejjin bdew jaħsbuni miġnuna. Wasal ħija mill-privat u meta rani barra nfaqa' jidħaq. Mal-ewwel waqaf xħin induna li issa anke hu ssakkar barra, għax hu ma ħax ċwievet miegħu.
     Domna xi siegħa u nofs barra, nirżħu. Jien ftakart li l-ġenituri tiegħi kienu taw ċavetta lill-ġara, għal meta jinqala' xi ħaġa. Il-ġenituri tagħna nfaqgħu jidħku u kienu ser jifgaw bid-daħk, iżda jien u ħija ma tantx dħakna. 

Kyra Fenech (Form 2.2)

-----------------------------------
Meta l-Ħabiba Ġiet bit-Takkuna għall-Ħajk

     Mela darba, jien kont qiegħda d-dar waħdi. Ċempilt lil Ashley, il-ħabiba tiegħi (li hija persuna pulita u hija kburija biha nnifisha). Għidtilha biex niltaqgħu Ta' Qali fis-sitta u hi aċċettat. Kont eċċitata biex nerġa' nara lil Ashley.
     Mela jien fis-sitta mort Ta' Qali. Ma kont liebsa xejn spettakolari, jeans u flokk. Meta waslet Ashley, jien bqajt niċċassa lejha u hi bdiet tiċċassa lura lejja. Ashley kienet ġiet b'libsa ssikkata u qasira, u kellha takkuna daqs dinja! Għidtilha li aħna konna ser immorru ħajk u mhux festin. Meta semgħatni ngħid hekk, bdiet tgerger u tirrabja. Kienet ser tmur lura lejn darha imma meta ndunat li Zack (tifel li Ashley kienet tiffansja) kien ser imur magħhom, iddeċidiet li tmur il-ħajk.
     Bdejna mixjin, jien u Zack niġri filwaqt li Ashley tiċċekkja fejn qed tirfes. Wara, kien hemm parti fejn aħna ridna nitilgħu l-ġebel u dik għal Ashley kienet l-agħar parti. Biex nitilgħu, jien u Zack ħadna xi għoxrin minuta. Ma temmnux kemm domna nistennew lil Ashley biex titla'. Domna sagħtejn u nofs! Imbagħat miskina Ashley ġralha xi ħaġa oħra ħażina! Tfixklet f'saqajha u waqgħat ġol-ħamrija mxarrba!
     Ashley riedet lil Zack biex iħobbha, imma miskina minflok daħak biha. Mhux hekk biss, imma dik it-takkuna tkissret ukoll! 

Laura Abela (Form 2.3)

Thursday, November 15, 2012

Maratona ta' qari

Li taqra ftit kuljum huwa importanti l-għaliex mill-qari titgħallem ħafna affarijiet ġodda. 

Illum, fl-iskola tagħna, saret maratona ta' qari fejn intom l-istudenti wżajtu ftit mill-ħin tagħkom biex taqraw ktieb li huwa għal qalbkom. Kif tafu, f'din il-ġurnata saru diversi attivitajiet minn diversi għalliema. Intom l-istudenti kellkom ukoll iċ-ċans li tiffamiljarizzaw irwieħkom mal-kotba l-ġodda bil-Malti li nxtraw mill-għalliema tal-Malti waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb. Dawn inxtraw bis-saħħa tagħkom, mill-flus li nġabru s-sena l-oħra waqt l-'Achievement Day'. Nittama li intom kuntenti bl-għażla li għamilnielkom.

Hawn taħt għandkom issibu xi ritratti li ttieħdu waqt il-maratona stess...

 

K o t b a   ġ o d d a   b i l - M a l t i   f i l - l i b r e r i j a   t a l - i s k o l a    t a g ħ n a  . . .

 



X i   w ħ u d   m i l l - i s t u d e n t i   j a q r a w   m i l l - b l o g g   t a l - M a l t i   
w a q t   i l - M a r a t o n a   t a '   q a r i . . .


Wednesday, November 14, 2012

Storja dwar persuna li mid-dinja reali mar/marret f'dinja tal-fantasija.

     Kien is-sajf ta' sentejn ilu meta oħti bdiet taqra ktieb u f'daqqa waħda ma rajnihiex aktar. Hi ħallietilna nota li hi daħħlet ġo dinja ta' fantasija li tissemma' fil-ktieb li kienet qed taqra. Id-dinja l-oħra kien jisimha 'Ola'. 
     L-aktar ħaġa li għoġbot lil oħti kienet l-art miksija kollha ħaxix u fjuri kkuluriti u sbieħ. Hi ltaqgħat ma' ħafna nies għax kulħadd kien ikellem lil xulxin. Għalkemm in-nies tad-dinja Ola kienu jitkellmu b'lingwa stramba u differenti, xorta waħda kulħadd kien jifhem lil xulxin. In-nies dejjem kienu jilbsu ħwejjeġ goffi qishom tal-prinċipessi. Il-ħwienet kienu kollha mżejnin b'affarijiet sbieħ u jleqqu. Kien hemm ħafna ħwienet tal-ħelu u kienu wkoll iqassmu l-ġelati b'xejn. Kien hemm ukoll ħwienet tal-ġugarelli li kont issibilhom dak kollu li kont timmaġina u li tkun trid. 
     Fid-dinja Ola, qatt ma kien jidlam u ħadd ma kien jorqod. It-temp kien dejjem bnazzi u xemxi. Kien hemm ferħ u divertiment kullimkien. It-tfal kollha jilagħbu flimkien u kien hemm ukoll xi rikbiet għat-tfal. L-unika mezz ta' trasport li kont issibu fid-dinja Ola kienu biss roti jtiru. Dan il-mezz ta' trasport ma kien komdu xejn għax ir-roti kienu tal-ħadid. Iżda għat-tfal kienet avventura minħabba li r-roti kienu jtiru. It-toroq kienu kollha mżejnin b'dawl sabiħ u b'kull kulur. Il-bibien ta' barra tan-nies kienu kbar u sbieħ imżejnin b'affarijiet ileqqu. Id-dinja Ola kienet kollha mżejna u kienet iġġib il-ferħ u l-paċi lin-nies tad-dinja kollha. 
     Oħti damet ġimgħa f'din id-dinja tal-fantasija. Hi qaltli wkoll li tixtieq terġa' tmur u din id-darba tieħu lili magħha. 



Kyra Demanuele (Form 1.3)
-----------------------------------

Lara u James kienu jħobbu jmorru għand iz-ziju Toni. Iz-ziju kellu żewġt itfal, Robert u Anna. 
     
Ħdejn id-dar taz-ziju Toni kien hemm il-bandli u għat-tfal dan kien l-isbaħ post fejn setgħu jmorru jilagħbu. Darba waħda t-tfal ċemplu lil xulxin u ftehmu li jmorru sal-bandli. Kif waslu, il-bniet telgħu fuq il-bandla u s-subien bdew jilagħbu bil-ballun. Lara u Anna bdew jogħlew ħafna u f'daqqa waħda l-bandla daret dawra tond u sparixxew. Robert u James bdew jgħajtulhom iżda ħadd ma weġibhom. Sadanittant, Anna u Lara sabu ruħhom ġo ġnien kbir b'ħafna fatatini jħarsu lejhom. It-tfal u l-fatatini malajr saru ħbieb, bdew jiġru wara xulxin u jilagħbu. Id-dinja li jgħixu fiha l-fatatini hija dinja maġika u sabiħa. It-tfal raw ħafna fjuri u friefet ikkuluriti u tant kienu qegħdin jieħdu gost li xtaqu li dan il-mument ma jgħaddu qatt. 

Waqt li kienu qegħdin jiġru, Anna waqgħet ġo toqba u ġibdet lil Lara magħha. Staqsew lil xulxin fejn kienu spiċċaw u ndunaw li kienu qegħdin lura l-bandli. James u Robert ġew jiġru ħdejhom u saqsewhom fejn kienu marru. Il-bniet bdew jirrakkontaw l-avventura u s-subien bilkemm riedu jemmnu dak li jgħidulhom.

It-tfal iddeċidew li ma jgħidu lil ħadd x'kien ġara. Huma ftehmu li darba oħra jmiss lis-subien jagħmlu l-istess avventura biex jesperjenzaw dinja oħra. 

Bernardette Vassallo (Form 1.2)

                                                            -----------------------------------

    Żewġt iħbieb, Rita u Maria, kienu jmorru passiġġata fil-foresta. Kemm kienu jieħdu gost jiġru qalb l-għelieqi wara ġurnata twila l-iskola.
     Issa, darba minnhom, marru jimxu fil-foresta, bħas-soltu, iżda fetlilhom jimxu ftit ieħor 'il ġewwa. Waslu fit-tarf fejn kien hemm xmara fil-fond. Raw ħabel twil u oħxon marbut ma' siġra li beda jixxengel. Xtaqu jaqbżu għan-naħa l-oħra. Marija, li kienet avventuruża, iddeċidiet li taqbad il-ħabel u titbandal miegħu biex tintefa' għan-naħa l-oħra. Il-ħabiba tagħha għamlet l-istess. Hekk kif spiċċaw in-naħa l-oħra baqgħu mbellhin. Raw siġar twal u strambi, għasafar suwed qishom mostri u fjuri jidħku u jiżfnu. Indunaw li spiċċaw f'dinja oħra u semmewha, 'Terebitja'.
     Meta t-tfal bdew jiġru, ħassewhom qed itiru flok jiġru! Skoprew siġra stramba b'ħafna zkuk ħerġin 'l hawn u 'l hemm u bnew dar żgħira fuq is-siġra. Dawk l-għasafar suwed qishom mostri, bdew iduru madwarhom donnhom ma ridux li dawn it-tfal jidħlu fid-dinja tagħhom. It-tfal qabdu żewġt izkuk u ramaw jiġġieldu kontra dawk il-mostri. 
     F'daqqa waħda ħassew tregħid kbir. Siġra kbira nqalgħet minn postha u bdiet riesqa lejhom qisha ġgant. Marija żelqet u waqgħet minn fuq is-siġra u f'dak il-ħin il-ġgant newwel idejh u laqagħha bi tbissimha biex ma taqax fl-art!
     Ix-xemx bdiet nieżla u dalma sewda nxterdet fuqhom. Marija u Rita bdew jiġru lura lejn dak il-ħabel biex jerġgħu jaqbżu għan-naħa l-oħra, fid-dinja reali!

Louisa Camilleri Naudi (Form 1.1)
    

Tuesday, October 16, 2012

Rakkont dwar karattru fittizju (Miktub fl-ewwel persuna).

     Jiena Rita Xerri. Għandi ħdax-il sena u noqgħod Ħaż-Żabbar. Għajnejja għandhom lewn ikħal waqt li xagħri huwa kannella skur u nnukklat. 
     Jiena m'għandix aħwa, imma għandi ħafna kuġini. Immur nilgħab għandhom ta' spiss u nieħdu ħafna gost. Peress li noqgħod bieb ma' bieb ma' Marija u peress li mmorru l-iskola flimkien, immorru aktar ta' spiss għand xulxin. Aħna nitgħallmu ż-żfin flimkien ukoll, u għalija, Marija qisha oħti. 

     Mela isimgħu x'biċċa ġratli l-ġimgħa l-oħra. Ommi bgħatitni nixtri ħafna affarijiet, fosthom ftit frott, ftit ħaxix, għaġin, xi ħelu u ħafna iktar. Dort il-ħanut kollu u mlejt żewġt iqfief. Erġajt iċċekkjajt il-lista kollha biex inkun ċerta li ma nsejt xejn. Meta wasalt biex inħallas u sirt naf li kelli nħallas tliet u għoxrin ewro, indunajt li ħallejt il-portmoni d-dar. Ħallejt kollox fejn kien u tlaqt niġri lejn id-dar biex inġib il-portmoni. Waqt li kont qiegħda niġri, waqgħatli ż-żarbuna imma jiena ma ndunajtx u bqajt għaddejja. Meta wasalt id-dar u ndunajt biż-żarbuna, ilbist par ieħor u erġajt ġrejtha lejn il-ħanut. 
     Għalxejn ħadt dik il-battikata, għax meta wasalt, il-ħanut kien għalaq. Il-mamà damet ħafna tgħidli biex noqgħod aktar attenta u jien issa sirt noqgħod aktar attenta!

Mikela Mejlaq (Form 1.2)
-------------------------------------------

     "Hawn fejn wasalt?!" Hawn ħafna siġar u fjuri madwari, iżda t-temp ikrah waħx, tant li qed nibża' minnu! Ħalli nidħol nistkenn taħt din is-siġra.
     "Dan il-ħoss x'inhu?" Ħoss t'għajjat dejjem jersaq iżjed qribi! Qiegħda nħares lejn il-post meta nara xi tużżana uċuħ iħarsu lejja minn wara palma. Il-ħarsa t'għajnejhom tidher kattiva u ma baqgħali l-ebda triq ħlief dik li niġri 'l quddiem. Sibt biċċa stikka rqiqa imma tajba biex niġġieled biha. Ara, sibt zokk ukoll! Imma hemm ħafna nies biex niġġieled waħdi. "Aaaaaħħħ!" Ġibidni xi ħaġa 'l fuq u issa qisni qiegħda ntir! Qabadni mill-flokk u daqt iqattagħuli. Qiegħda nara kollox imżelleġ u rasi qed iddur bija!
     Qomt u sibt ruħi ġo ħofra kbira ħafna, enormi tista' tgħid. Għandi ħafna gundalli ma' rasi u sieqi kollha mbenġla! Sibt ċagħqa ħdejja żgħira bin-numru tmiena fuqha. Tgħid xi tfisser din? Tajba wkoll! Fejn qiegħda fuq kollox? Issa rrid nara kif ser nitla' minn ġo din il-ħofra li tefgħuni ġo fiha dawn l-imġienen t'hemm fuq! Dak x'kien? Minn warajja nara ljun akbar minni, akbar minn tas-soltu. Issa x'ħa nagħmel? Jidher li għandu l-ġuħ, ara xi jferfer denbu u juri snienu! Jien daqshekk! Għall-mewt! Iżda qiegħda niġri, ma nafx għalxiex għax xorta naf li jista' jaqbadni. Ara, hemm x'hemm? Hemm xaqq ġol-ħajt! Dan wiesgħa biżżejjed biex ngħaddi minn ġo fih. Ejja naqra oħra... Ejja... Isa! 

Katya Saliba (Form 1.3)
                                                         -------------------------------------------

     Il-lejl it-tajjeb! Jien Anika, ħlejqa b'setgħat ta' seħer. Iva! Iżda hemm ħafna minna l-fatatini u jien propju dik li jsejħuli tooth fairy. Illejla rrid immur għand żewġt itfal biex inħallilhom il-flus. Kemm qed inħossni ferħana! Dawn it-tfal huma Lara u Ninu, żewġt itfal bravi mhux ftit għax dejjem jobdu. 
     Ara, bħalissa s-sebgħa u nofs. Ejja ħa nibdew immorru. Jien dejjem intir u dejjem nara affarijiet ġodda. Xi ġmiel ta' ġnien għandha Lara, mimli fjuri, ħaxix, siġar u frott. Lara hija waħda mill-iktar bniet bravi fir-raħal. Dejjem taqdi d-dmirijiet tagħha. Kemm għandha dar ħelwa. Qisha dejjem tkun f'postha u nadifa. M'għandix dubju li Lara tgħin biex iżżomm darha hekk! Qed inħossni fis-seba' sema daqs kemm hawn sabiħ. Mela s-sinna ta' Lara sibtha, issa li jonqos hu li npoġġi l-flus. Għandha tliet ewro.
     L-ewwel biċċa xogħol lesta. Issa fi triqti għand għand Ninu. Dan joqgħod ġo dar żgħira u sempliċi iżda pulita. Dalwaqt naslu, imma rrid insib il-kamra tiegħu. Għandi għaxar ewro għalih għax għandu tliet sinniet maqlugħin. Hawn qiegħda kamartu. Ħadt is-snien u poġġejt il-flus. Saru l-għaxra u għajjejt niġri, għalhekk it-titjira li jmiss għad-dar. 
     Kemm għandi ngħas. Naħseb li aħjar immur norqod... Ma nafx x'tagħmel int, imma jien li kieku nintefa' fuq is-sodda u ma nerġax inqum. Ċaw u l-lejl it-tajjeb!

Josefa Muscat (Form 1.1)

Thursday, October 4, 2012

Is-Serqa (Rakkont fil-preżent)

     Il-kju tan-nies biex jidħlu fil-mużew tal-Louvre dejjem jiżdied. Nies ta' kull nazzjonalità jistennew bil-ħerqa biex jidħlu fl-aktar mużew meqjus importanti fid-dinja. Il-bini minn barra wkoll jurik l-importanza li għandu dan il-post. Ħadd minn dawn in-nies ma jaf eżatt x'se jiġri.
     Jiena qiegħda hawn nistenna ma' ommi fil-kju. Minn dejjem xtaqt nara 'l-'Mona Lisa' u x-xabla ta' La Valette. Fl-aħħar, imissna biex nidħlu. Malli nidħol ninduna li fadalli biex nara li rrid jiena għax il-post huwa enormi u maqsum f'sezzjonijiet differenti. Statwi tar-Rumani, statwi tal-Griegi u sezzjoni t'affarijiet Eġizzjoni huma kollha affarijiet interessanti li qegħdin naraw bil-qalb. Bħalissa mixjin biex nidħlu fis-sezzjoni tal-inkwari prezzjużi u l-ammont ta' kameras u rġiel tas-sigurtà huma ħafna.
     Fadal ftit biex naslu ħdejn il-'Mona Lisa' meta f'daqqa waħda nisimgħu ħoss ta' ħġieġa enormi tinfaqa'. Ħamest irġiel armati u b'wiċċhom mgħotti jibdew jisparaw lejn il-kameras u jgħajtu biex kulħadd jintefa' mal-art. Lanqas għandhom ċans biex jirreaġixxu l-irġiel tas-sigurtà. Ommi tħares lejja b'għajnejha mwerwrin u ninżlu t-tnejn mal-art. Anki l-irġiel tas-sigurtà qegħdin mal-art. Probabbilment ma jridux jitilfu ħajjithom għax il-ħallelin huma deċiżi li jagħmlu minn kollox biex jieħdu dak li jridu - l-inkwatru tal-'Mona Lisa'.
     Wieħed mill-ħallelin imur dritt biex jieħu l-inkwatru fil-waqt li l-erbgħa l-oħra qegħdin bl-armi tan-nar ippuntati lejn in-nies. Ħafna min-nies għandhom wiċċhom abjad karti. F'sekonda jisparixxu l-ħallelin u l-'Mona Lisa' wkoll. In-nies jibdew iqumu ftit ftit. Jiena nħares lejn ommi u meta tara li m'hemmx aktar periklu inqumu wkoll. Xi nies jidhru xxukkjati imma kulħadd kuntent li ħadd ma weġġa'.
     Bil-mod il-mod nibdew mixjin għal barra u naraw il-pulizija qegħdin jarrestaw il-ħallelin u jdaħħluhom fil-karozza. Jiena u l-mamà kuntenti li kollox spiċċa b'wiċċ il-ġid u li l-'Mona Lisa' qiegħda f'postha tħares lejn kulħadd bil-ħarsa unika tagħha. 

Kimberley Ellul Hawes (Form 2.2)

----------------------------------------------------

     Din hija l-ġrajja tal-waħx li ġrat fis-sajf tas-sena l-oħra. Ħa nirrakkontalkom fid-dettall l-affarijiet li għaddejna minnhom. 
     Jien iddeċidejt li mmur m'ommi nagħmlu qadja, kif ukoll ngħaddu sal-bank. Jien u ommi qed inpaċpċu, iżda f'daqqa waħda karozza partikolari, kollha daqqiet u bil-ħġieġ iswed ġibditli l-attenzjoni. Għaddiet minn quddiemna b'saħħa kbira. Għal ftit ma tajritniex. Dħalna l-bank, ħadna pjaċir fil-frisk li kien hemm u ħadna qatgħa bil-kju. Qed nammira x-xogħol interessanti tal-kaxxiera u nimmaġinani minflokhom la nikber. F'kemm trodd salib, żewġ persuni mill-kju bdew jgħajtu u ħarġu l-armi. In-nies twerwru, fosthom aħna. Kien hemm xi twerżiq u għajjat. Il-ħallelin iktar irvillaw. 
     Wieħed minnhom qed imur għand il-kaxxiera u beda jitfa' l-mazez tal-flus ġo borża li kellu. Hi ħassha ħażin bil-biża' u l-ħallelin ma tawx kasha. Ommi beda jxoqq l-għaraq għaliha, jien kelli msarni f'saqajja li ħa jħossni ħażin. Xtaqt li dal-mument jgħaddi b'wiċċ il-ġid. F'daqqa waħda, raġel mibni ħataf l-arma ta' wieħed mill-ħallelin. Il-pulizija li kien għassa beda jissielet mal-ħalliel l-ieħor. Żewġt irġiel oħra fil-kju marru jgħinu u n-nisa u t-tfal morna f'ġenb għall-kenn. B'xorti tajba smajna s-sirena tal-pulizija. F'daqqa waħda daħlu l-pulizija u malajr ħatfu l-ħallelin u mmanetjawhom. Kulħadd kellu qatgħa kbira fuqu. Ġew xi nies imlaħħqa mill-bank biex jaraw hux kollox sew. Ġew ukoll tal-kamera biex jirrappurtaw il-ġrajja fuq l-aħbarijiet. 
     Din hija esperjenza li qatt mhu ħa ninsa. Żgur li ma nixtieqx li terġa' tiġrili għax dik il-ġurnata twerwirt. Ġieni daqxejn ta' dubju jekk irridx insir bankiera la nikber, imma kull xogħol fih tiegħu. 

Michaela Accarino (Form 2.1)
                                                                       ----------------------------------------------------
    
     Jiena jisimni Deborah u bħalissa qiegħda naħdem mas-supermarket 'Stilel'. Il-ħanut kważi dejjem mimli daqs bajda! Illum hawn daqs ħamsin ruħ hawn ġew. Hemm żewġt irġiel barra libsin qmis sewda u anke qalziet iswed. Jien u dawk li jaħdmu miegħi qed naħsbu biex ngħallqu l-ħanut. Qed nipprova nħaddem il-mikrofonu imma donnu kollu għalxejn! Waslu biex jidħlu. Mill-ewwel 'l hawn libsu maskla sewda u għandi msarni f'saqajja. 
     Maa x'biża'!Tgħidx kemm qed nitlob bħalissa! Issa għadhom kif daħlu u jien malajr staħbejt wara l-cash register. Dawn qed jgħajtu, "Agħtuna l-flus! Agħtuna l-flus! Inkella nisparawlkom!" Kulħadd imwerwer u f'daqqa waħda ġiet il-propjetarja tal-ħanut, Alessandra. Din kważi taha attakk tal-qalb xħin rat lil dawn il-ħallelin. Povra Alessandra. kellha tagħtihom xi elfejn ewro biex telqu! Imma ma kinitx fidila għax qabel ma tathom il-flus ċemplet 'il-pulizija bil-moħbi u baqgħet tħares lejn għajnejhom għax wiċċhom ma kienx ġdid għaliha. Għalhekk tathom il-flus bil-mod biex b'hekk il-pulizija jkunu laħqu waslu u diġà lesti moħbijin wara l-bieb ta' barra biex b'hekk jaħsduhom il-ħallelin u żgur jaqbduhom.
     Ħerġin mill-ħanut u taf kif inqabdu ħelu ħelu! Kulħadd feraħ meta rawhom immanettjati u qabel ma daħlu ġol-karozza tal-pulizija taw il-flus lura lil Alessandra u qalu, "Meta nerġgħu niġu npattuhielkom!" Iżda dawn qatt ma reġgħu ġew lura għax baqgħu l-ħabs għal ħajjithom kollha peress li kienu serqu aktar flus minn postijiet oħra. 

Deborah Minuti (Form 2.3)