Tuesday, October 16, 2012

Rakkont dwar karattru fittizju (Miktub fl-ewwel persuna).

     Jiena Rita Xerri. Għandi ħdax-il sena u noqgħod Ħaż-Żabbar. Għajnejja għandhom lewn ikħal waqt li xagħri huwa kannella skur u nnukklat. 
     Jiena m'għandix aħwa, imma għandi ħafna kuġini. Immur nilgħab għandhom ta' spiss u nieħdu ħafna gost. Peress li noqgħod bieb ma' bieb ma' Marija u peress li mmorru l-iskola flimkien, immorru aktar ta' spiss għand xulxin. Aħna nitgħallmu ż-żfin flimkien ukoll, u għalija, Marija qisha oħti. 

     Mela isimgħu x'biċċa ġratli l-ġimgħa l-oħra. Ommi bgħatitni nixtri ħafna affarijiet, fosthom ftit frott, ftit ħaxix, għaġin, xi ħelu u ħafna iktar. Dort il-ħanut kollu u mlejt żewġt iqfief. Erġajt iċċekkjajt il-lista kollha biex inkun ċerta li ma nsejt xejn. Meta wasalt biex inħallas u sirt naf li kelli nħallas tliet u għoxrin ewro, indunajt li ħallejt il-portmoni d-dar. Ħallejt kollox fejn kien u tlaqt niġri lejn id-dar biex inġib il-portmoni. Waqt li kont qiegħda niġri, waqgħatli ż-żarbuna imma jiena ma ndunajtx u bqajt għaddejja. Meta wasalt id-dar u ndunajt biż-żarbuna, ilbist par ieħor u erġajt ġrejtha lejn il-ħanut. 
     Għalxejn ħadt dik il-battikata, għax meta wasalt, il-ħanut kien għalaq. Il-mamà damet ħafna tgħidli biex noqgħod aktar attenta u jien issa sirt noqgħod aktar attenta!

Mikela Mejlaq (Form 1.2)
-------------------------------------------

     "Hawn fejn wasalt?!" Hawn ħafna siġar u fjuri madwari, iżda t-temp ikrah waħx, tant li qed nibża' minnu! Ħalli nidħol nistkenn taħt din is-siġra.
     "Dan il-ħoss x'inhu?" Ħoss t'għajjat dejjem jersaq iżjed qribi! Qiegħda nħares lejn il-post meta nara xi tużżana uċuħ iħarsu lejja minn wara palma. Il-ħarsa t'għajnejhom tidher kattiva u ma baqgħali l-ebda triq ħlief dik li niġri 'l quddiem. Sibt biċċa stikka rqiqa imma tajba biex niġġieled biha. Ara, sibt zokk ukoll! Imma hemm ħafna nies biex niġġieled waħdi. "Aaaaaħħħ!" Ġibidni xi ħaġa 'l fuq u issa qisni qiegħda ntir! Qabadni mill-flokk u daqt iqattagħuli. Qiegħda nara kollox imżelleġ u rasi qed iddur bija!
     Qomt u sibt ruħi ġo ħofra kbira ħafna, enormi tista' tgħid. Għandi ħafna gundalli ma' rasi u sieqi kollha mbenġla! Sibt ċagħqa ħdejja żgħira bin-numru tmiena fuqha. Tgħid xi tfisser din? Tajba wkoll! Fejn qiegħda fuq kollox? Issa rrid nara kif ser nitla' minn ġo din il-ħofra li tefgħuni ġo fiha dawn l-imġienen t'hemm fuq! Dak x'kien? Minn warajja nara ljun akbar minni, akbar minn tas-soltu. Issa x'ħa nagħmel? Jidher li għandu l-ġuħ, ara xi jferfer denbu u juri snienu! Jien daqshekk! Għall-mewt! Iżda qiegħda niġri, ma nafx għalxiex għax xorta naf li jista' jaqbadni. Ara, hemm x'hemm? Hemm xaqq ġol-ħajt! Dan wiesgħa biżżejjed biex ngħaddi minn ġo fih. Ejja naqra oħra... Ejja... Isa! 

Katya Saliba (Form 1.3)
                                                         -------------------------------------------

     Il-lejl it-tajjeb! Jien Anika, ħlejqa b'setgħat ta' seħer. Iva! Iżda hemm ħafna minna l-fatatini u jien propju dik li jsejħuli tooth fairy. Illejla rrid immur għand żewġt itfal biex inħallilhom il-flus. Kemm qed inħossni ferħana! Dawn it-tfal huma Lara u Ninu, żewġt itfal bravi mhux ftit għax dejjem jobdu. 
     Ara, bħalissa s-sebgħa u nofs. Ejja ħa nibdew immorru. Jien dejjem intir u dejjem nara affarijiet ġodda. Xi ġmiel ta' ġnien għandha Lara, mimli fjuri, ħaxix, siġar u frott. Lara hija waħda mill-iktar bniet bravi fir-raħal. Dejjem taqdi d-dmirijiet tagħha. Kemm għandha dar ħelwa. Qisha dejjem tkun f'postha u nadifa. M'għandix dubju li Lara tgħin biex iżżomm darha hekk! Qed inħossni fis-seba' sema daqs kemm hawn sabiħ. Mela s-sinna ta' Lara sibtha, issa li jonqos hu li npoġġi l-flus. Għandha tliet ewro.
     L-ewwel biċċa xogħol lesta. Issa fi triqti għand għand Ninu. Dan joqgħod ġo dar żgħira u sempliċi iżda pulita. Dalwaqt naslu, imma rrid insib il-kamra tiegħu. Għandi għaxar ewro għalih għax għandu tliet sinniet maqlugħin. Hawn qiegħda kamartu. Ħadt is-snien u poġġejt il-flus. Saru l-għaxra u għajjejt niġri, għalhekk it-titjira li jmiss għad-dar. 
     Kemm għandi ngħas. Naħseb li aħjar immur norqod... Ma nafx x'tagħmel int, imma jien li kieku nintefa' fuq is-sodda u ma nerġax inqum. Ċaw u l-lejl it-tajjeb!

Josefa Muscat (Form 1.1)

No comments:

Post a Comment