Saturday, March 24, 2012

Deskrizzjoni ta' persuna fil-klassi tiegħi.

     Xi tmien snin ilu ltqajt ma' persuna li jisimha Laura Abela. Sirt nafha fl-ewwel ġurnata li mort l-iskola. Laura toqgħod Birkirkara u hija tifla waħedha. 
    Hija persuna li tiġbdek ħafna bil-manjieri u s-simpatija tagħha. Hija u titkellem tħobb iċċaqlaq idejha. Għandha ħdax-il sena u hija persuna twila ħafna għall-età tagħha u rqiqa. Għandha xagħarha iswed tuta u nnukklat. Hija tilbes nuċċali tal-vista. Laura għandha par għajnejn kannella. Normalment xagħarha jkun miġbur f'malju. Hija dejjem tilbes pulit u tħobb timxi mal-moda. Tħobb ħafna l-isport, fosthom il-futbol u l-'basketball'. Fost il-passatempi tagħha, hija tħobb taqra, tpinġi u tilgħab bil-kompjuter. 
     Laura għandha qalbha tad-deheb u lest li tgħin lil kulħadd. Hija persuna li lesta li tisma' l-problemi ta' ħaddieħor. L-iktar ħaġa li ddejjaqha hi meta persuna ma tgħidx il-verità u tbati bil-burdati. Laura hija tifla kwieta u dejjem bid-daħka fuq wiċċha. Hija persuna li tħobb tferraħ lil kulħadd u maħbuba minn sħabha. Tħobb l-ugwaljanza u temmen li kulħadd għandu jkun trattat l-istess, tkun ta' liema karnaġġjon tkun. 
     Laura hija persuna li ma nbiddilha ma' xejn u ma tantx issib bħalha. Nixtieq li din ir-relazzjoni bejnietna tibqa' għal dejjem għaliex hija persuna tal-ġenn. 

Amy Caruana (Form 1.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Fil-klassi qegħdin tmienja u għoxrin tifla. Ftit minnhom ilhom ħbieb tiegħi minn meta bdejt immur l-iskola fl-ewwel sena tal-primarja. 
    Fost l-akbar ħbieb li għandi fil-klassi, hemm Filippa Magro. L-ewwel darba li rajt lil Filippa mal-ewwel ħadt grazzja magħha għax vera gustuża u edukata. Filippa hija minn Ħaż-Żabbar. 
      Għandha xagħarha kannella fl-isfar u twil sa nofs dahrha, għajnejha blu u fuq ħaddejha għandha ftit nemex. Tilbes nuċċali iswed u aħmar u narah li jixirqilha mhux ħażin. Hi rqiqa u mhux twila ħafna. Filippa tagħlaq żmienha fit-tnejn u għoxrin t'April. Filippa hija tifla intelliġenti, daħkana u obbidjenti. 
    Il-passatempi favoriti tagħha huma l-għawm, tistudja u ddoqq il-pjanu. Meta tikber tixtieq issir għalliema tal-pjanu. 
       L-ikel favorit ta' Filippa huwa l-ikel Ċiniż, l-għaġin u l-pizza. Tħobb tiekol ħafna frott u tixrob ħafna ilma. Waqt li ommha tkun qed issajjar, dejjem tgħinha speċjalment meta tkun qed issajjar kejk. Fejn jidħol il-ħelu żaqqieqa mhux ħażin. 
      Il-familja tagħha tikkonsisti minn erbgħa min-nies. Missierha, ommha, oħtha u hi. Oħtha Petra għandha erbatax-il sena u tiġi l-istess skola tagħna. Dawn vera jħobbu lil xulxin għax waqt ir-rikreazzjoni dejjem ikellmu lil xulxin u jaraw għandhomx bżonn xi ħaġa. 
      Jien, għalija Filippa hija tifla paċenzjuża, ħanina u ġenwina għax tħobb tferraħ lit-tfal tal-iskola meta jkollhom xi problema jew ikunu f'xi burdata ħażina. J'Alla nibqgħu ħbieb ta' veru u li ma tibdilx il-karattru ħelu tagħha. 


Maria Spiteri (Form 1.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Ħabiba li ilni nafha minn mindu kont żgħira hija Kim. Kim hija waħda mill-ħbieb tiegħi li naf li nista' nafdaha u niftaħ qalbi magħha. 
    Kim toqgħod Ħ'Attard, għandha żewġt aħwa - Nathan u Liam. Hija tifla twila u rqiqa; bħali. Għandha xagħarha lewn il-qastan u għajnejha ħodor fil-blu. Wiċċha huwa magħmul żgħir bi ftit nemex u l-ġilda ta' wiċċha ma tantx hi skura. 
    Hi għandha karattru tal-ġenn. Vera tifla simpatika, ċajtieta, ferriħija, titkellem ma' kulħadd u hija tip ta' tifla li rari taraha bin-nervi. Il-mużika favorita tagħha hija l-mużika 'hiphop u r-'rock' u d-diska favorita tagħha hija 'Titanium' ta' David Guetta. Il-platti favoriti tagħha huma l-pizza, l-għaġin u tħobb ħafna kull tip ta' frott. 
     L-attivitajiet li tħobb tagħmel huma li tattendi għal-laqgħat tal-'iscouts', titgħallem il-pjanu, tgħum u ma' sħabha tal-'iscouts' tħobb tagħmel kampeġġ ġewwa Għajn Tuffieħa. Kim tħobb ħafna l-isport ukoll, tħobb ħafna l-futbol, il-baskitbol, in-netbol, il-'waterpolo' u l-għawm. 
     Fil-ħin liberu li jkollha, tara naqra televixin. Tara programmi dwar l-ikel, 'Goodluck Charlie' fuq l-istazzjoni Amerikan u 'Tom and Jerry' ma jonqosx!
      Kim hija l-akbar ħabiba li qatt kelli. Dejjem tkun hemm għalija u tgħinni f'kull ħaġa li jkolli bżonn. It-tbissima fuq wiċċha ma tonqosx u anke ddaħħakni xi tnejn. Kim inti perfetta kif int. Tinbidel għal ħadd!


Claire DeBattista (Form 1.3)

Monday, March 19, 2012

Ittra informali

                                                                                    


                                                                                    34, Flett 4,
                                                                                    Triq E. Schembri,
                                                                                    Birkirkara, BKR 1810


                                                                                    It-18 ta' Marzu, 2012


Għażiż Peter,
  
                  Kif int? Kemm ilni ma nisma' mingħandek! Nispera li int u l-familja tiegħek tinsabu tajbin. Kemm jgħaddi ż-żmien għax għadni niftakarni niktiblek fi żmien il-vaganzi tal-Milied u issa diġà ser niktiblek fuq il-vaganzi tal-Għid li ser ikollna dalwaqt. 
                 Fil-vaganzi tal-Għid, jien ikolli għeluq snini u għalhekk ser inqatta' ġimgħa msiefra mal-familja tiegħi. Din is-sena ser immorru l-Polonja! Fil-Polonja, ser immorru f'ħafna postijiet sbieħ u interessanti. L-ewwel, ser inqattgħu tlett ijiem fiċ-ċentru, imbagħad ser immorru erbat ijiem fuq il-muntanji. Fuq il-muntanji ser niskijjaw fuq is-silġ. Tgħidx kemm jien fuq ix-xwiek biex jasal dak il-mument.
                       Wara li nasal mill-Polonja, ikun għad fadalli xi ġranet oħra tal-vaganzi. Inqatta' xi ħin nistudja, nilgħab fuq il-kompjuter, nirrilassa u ġieli anki niftiehem ma' sħabi tal-klassi biex immorru ċ-ċinema. Wara l-vaganzi tal-Għid, nipprepara għall-aħħar term tal-iskola. 
                             Nieħu pjaċir jekk ma ndumx ma nisma' mingħandek. Sellili għall-familja tiegħek u l-Għid it-tajjeb lilkom kollha! 
        
                                                                                   Dejjem tiegħek,
                                                                                               Laura.

Laura Abela (Form 1.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
                                                                              "Awrora",
                                                                              Triq il-Prinċep Bażiliku,
                                                                              Ħaż-Żebbuġ, ŻBĠ 3090

                                                                              Is-6 ta' Marzu, 2012

Għażiża Keziah,
  
     Kif inti? Ilna ma niltaqgħu u mmissjajtek. Nispera li inti tinsab tajba. Jiena tajba ħafna speċjalment issa li qed niktiblek din l-ittra. Jien ħa ngħidlek x'ser nagħmel tul il-vaganzi tal-Għid. Min jaf kemm ser nibla' ħelu u figolli! Ara, qis li imbagħad tgħidli x'għamilt int matul il-vaganzi tal-Għid. 
     Din is-sena, l-Għid ħa nqattgħu mal-familja tiegħi u ser noħorġu flimkien. Jekk kollox imur kif suppost, jien u l-familja tiegħi ddeċidejna li mmorru nżuru liz-zijiet ta' missieri, in-nanniet, iz-zijiet u l-kuġini. Kulħadd qabel li minħabba li ħa nżuru ħafna nies irrid nqassmu kollox. Ftehmna li l-ewwel immorru għand iz-zijiet ta' missieri. Dawn joqogħdu f'dar waħda għax mhux miżżewġin minbarra n-nannu. 
     Wara mmorru d-dar u nagħmlu x-xogħol tad-dar. Filgħaxija mmorru għand il-kuġini li ma joqgħodux mal-ġenituri tagħhom għax miżżewġin. Hemmhekk mhux ser indumu ħafna u għalhekk ommi ser tipprepara ikla għaġin. Jien għandi ħafna zijiet u ser tkun diffiċli biex inżuruhom kollha.
     Għalhekk iz-zija ser torganizza festin u hemmhekk niltaqgħu ma' xi zijiet oħra. Allura għidna liz-zijiet u n-nanniet kollha biex jiġu jieklu d-dar tagħna. Ommi qalet lin-nannu biex iġib erbat ifniek. Ħalli jkun hemm biżżejjed ikel għal kulħadd. Nispera li kollox imur tajjeb. Ibgħatli lura u ddumx! 
   
                                                                                      Dejjem tiegħek,
                                                                                                   Annika. 


Annika Micallef (Form 1.2)

---------------------------------------------------------------------------------------------
                                                                              96, "Xemx",
                                                                              Triq is-Sajf,
                                                                              Ħ'Attard, ATD 1311

                                                                              Id-9 ta' Marzu, 2012


Għażiża Marija, 

     Kif inti? Nispera li kollox sew. Għandek affarijiet ippjanati għal dan l-Għid? Jiena għandi lista sabiħa ġo rasi. Ma nafx minn fejn ħa nibda. 
     F'dawn il-vaganzi ħa nsiefer. Il-familja tiegħi u jien sejrin Pariġi, għall-ewwel darba. Min jaf kemm ħa nieħdu gost. Diġà bdejt naħseb fuq x'ħa nieħu miegħi. Ħa mmorru Pariġi għal ġimgħa. Min jaf x'ħa naraw differenti minn Malta? Ġieli sifirt Marija? Is-soltu fil-vaganzi tal-Għid jiena l-iktar ħaġa li nħobb nagħmel hi li noħroġ mal-familja tiegħi. 
     L-iktar noħorġu nieklu filgħaxija ġo restorant. Fil-vaganzi jien immur għand in-nanniet tiegħi u norqod magħhom għax dejjem jieħdu gost meta mmur għandhom. F'dawn il-vaganzi tal-Għid nixtieq niltaqa' miegħek Marija u nagħmlu xi ħaġa flimkien. 

                                                                                      Dejjem tiegħek,
                                                                                                   Britney


Britney Bondin(Form 1.3)

   
   






Tuesday, March 13, 2012

Għal persuna speċjali...

Zija Tessi kemm kont ħelwa.
Dejjem lesta bit-tbissima.
Wiċċek jixgħel x’ħin tarana,
U jekk le, isselli għalina.
Kont narak dejjem għadejja,
Daqqa tnaddaf u oħra ssajjar.

Imma hekk kif nidħlu aħna,
Dlonk il-biċċa minn idejk itajjar.
Xi tazza Kinnie jew luminata,
U ma tonqosx xi ċikkulata.
Waqt li ommi tgħid xi kelma,
Int kont taqbad naqra magħna.
Meta int kellek titlaq,
Minn ġo darek għall-isptar.
Xejn ma kienet aħbar tajba,
U vojta bdiet tinħass id-dar.

Issa int illum ħallejtna.
Mort tiltaqa' mal-Mulej.
F’qalbi dejjem int ser tibqa',
Kuraġġ għatina għal li ġej.

                                            Erica Schembri (Form 2.2)

Fid-dar tan-nanna kien hemm ħares

     Xi kultant fil-vaganzi tal-iskola, jien u ħuti norqdu għand in-nanna. In-nanna tiegħi toqgħod f'dar antika, kbira ħafna u fil-ġnien għandha kantina mudlama. 
     Konna bil-vaganzi tal-Għid u bħas-soltu kellna seba' mitt sena biex noqogħdu għand in-nanna. Jien u ħija ż-żgħir bqajna naraw it-televixin. Allura ddeċidejna li nilagħbu noli. Għand in-nanna hemm ħafna fejn tistaħba. Jiena kont ser noqgħod biha u ħija kien ser jistaħba. Ħija staħba fil-kantina. 
     Wara li fittixtu fit-tieni sular, ma sibtux, mort infittxu fil-ġardina fejn hemmhekk rajt il-bieb tal-kantina mbexxaq meta s-soltu kien ikun magħluq. Jien bdejt nisma' t-tħaxwix, allura bdejt nimxi 'l ġewwa għax ħsibt li kien hemm ħija. Fil-kantina kien hemm ħafna kmamar mimlija imbarazz. Jien bdejt niċċekkja f'kull kamra u f'kamra minnhom kien hemm ħija u fil-pront ingħalaq il-bieb tal-kantina. Lil ħija għidtlu biex ma jibżax iżda jien kelli msarni f'saqajja. Id-dawl intefa' waħdu, kien hemm dlam ċappa. F'daqqa waħda bdejna nħossnu ħafna bard. Ħija kien ser jaqbad jibki, u jien xejn inqas minnu. Is-skiet inkiser b'ħoss ta' xi ħadd jidħak. 
     Jien għamilt il-kuraġġ u saqsejt min hemm. Ħadd ma wieġeb, iżda minflok id-dawl reġa' xegħel, intefa' waħdu. Smajna ħoss ta' siġġu jitkaxkar, għamilna l-kuraġġ u saqsejna min hemm iżda ħadd ma wieġeb u reġa' xegħel id-dawl. Kif xegħel id-dawl, jien u ħija ġrejna ġrija sal-bieb tal-kantina, ftaħna l-bieb u ħriġna mwerwrin. Morna ngħid lin-nanna dwar kull ma kien ġara u n-nanna weġbitna b'daħka fuq fommha u qaltilna, "miskin, dak Chalie... kien it-tifel li għereq fil-bir." Dan Chalie kien xi ziju tan-nanna li miet qabel il-gwerra meta kellu disa' snin. 
      In-nanna dejjem tirrakkonta stejjer dwar il-fatati u aħna ma tantx konna nemmnuha. Però issa wara din l-esperjenza, bdilna l-ħsieb u sirna napprezzaw iżjed dawn l-istejjer. 

Lee-Ann Xuereb (Form 2.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
    Għodwa waħda, ommi sejħitli biex immur nagħti l-ħobż lin-nanna, li kienet toqgħod viċin tagħna. Jien qbadt il-ħobż u bdejt miexja bil-mod. 
      Kif wasalt għand in-nanna, laqgħatni bi tbissima ħelwa, u offrietli naqra biskuttini. Jien tajtha l-ħobż u qabel ma tlaqt staqsietni biex nagħmlilha pjaċir. Riditni mmur fuq il-bejt u nġibilha l-kutra. Jien u tielgħa t-taraġ smajt ħoss stramb, jien ma tajtx kas u bqajt tielgħa. Kif wasalt fuq, id-dawl beda jixgħel u jintefa'. Niġri kemm nista', dħalt fil-kamra, qbadt il-kutra u kif kont nieżla smajt ħoss isejjaħli. Jien dort u rajt ħares ixejjirli. 
      Dak il-ħin twerwirt u ma flaħtx nitkellem. Il-ħares kien liebes libsa qisha ta' xi prinċep, kellu għajnejh żoroq u xagħru bjond. Hu qalli li kien jismu Harry. Hu qal li huwa xiħ ħafna imma meta miet kellu biss tnax-il sena. Allavolja ma xtaqtx, jien kelli ninżel biex nagħti l-kutra lin-nanna u 'l ommi għidtilha li mhux ħa ndum. Dak il-lejl stess jien ma stajtx norqod. L-għada, peress li ma kellix skola, iddeċidejt li nġib skuża biex immur nara lil Harry.
      Kif wasalt għand in-nanna tajtha sorpriża u għidtilha li daqskemm tagħmel għalija, ħa niżbarazzalha l-bejt. In-nanna ma qalitx le. Kif tlajt fuq il-bejt, ma sibt lil ħadd imma kif bdejt niżbarazza l-ħwejjeġ smajt lil Harry jgħajjatli. Hu qalli biex ma ngħid lil ħadd li qed nara u nitkellem ma' ħares. 
      Waqt li komplejt niżbarazza, jiena u Harry bdejna nsiru nafu aktar lil xulxin. Konna sirna ħbieb sew. Meta lestejt il-bejt għidtlu li ridt immur imma li xorta kont ser nerġa' niġi.
      Ġranet għaddew u jien għidt lin-nanna li l-bejt huwa post tajjeb fejn nagħmel ix-xogħol tad-dar, fil-kwiet. Peress li kont nitla' fuq ta' spiss, jien u Harry konna sirna ħbieb kbar. Harry kien il-ħabib sigriet li ħadd ma kien jaf bih ħlief jien. 


Karen Bartolo (Form 2.2)
--------------------------------------------------------------------------------------------- 


     Filgħaxija jien u l-kuġin tiegħi morna norqdu għand in-nanna għax il-ġenituri tagħna kellhom tieġ. Jien u n-nanna dħalna fis-sodda naraw it-televixin peress li beda jidlam, waqt li l-kuġin qagħad jilgħab fuq il-kompjuter. 
       F'ħakka t'għajna smajna xi ħaġa tinkiser isfel u n-nanna bagħtitni nara x'ġara. Kif inżilt intefa' d-dawl u ma stajtx nara x'kien ġara. Mort ngħajjat lin-nanna biex ngħidilha li ma kienx hemm dawl. Kif niżlet marret tipprova tixgħel id-dawl mis-swiċċ u xegħel. Jien u n-nanna ħadna qatgħa għaliex rajna xi ħaġa bajda u mal-ewwel indunajna li kien ħares. Bdejna ngħajtu lill-kuġin u kif ma ġiex ħsibna li ħadu l-ħares. Bdejna nwerżqu meta rajna l-fatat riesaq bil-mod il-mod lejna. Jien iggranfajt man-nanna u tlaqna niġru 'l barra mid-dar. Erġajna dħalna biex naraw jekk telaqx imam kif dħalna rajna t-twieqi miftuħin beraħ jaħbtu mal-ħajt minħabba l-kurrent li kien għaddej. Smajna xi ħaġa tinkiser u dħalna naraw x'kien u sibna lil kuġinuwi bilqiegħda fuq siġġu jiekol il-gallettini u jixrob il-ħalib. Kif rajnih morna naqbżu fuqu, ngħannquh u nbusuh. Bdejna nistaqsuh fejn sparixxa l-ħares u fejn kien hu waqt li rajna l-ħares. 
      Fl-aħħar mill-aħħar qalilna l-verità li hu kien qabad liżar abjar, libsu u ried jagħtina qatgħa. In-nanna ħadet nifs 'il ġewwa u bdiet tħarislu bl-ikrah. 


Nawal Farrugia (Form 2.3)