Tuesday, March 13, 2012

Fid-dar tan-nanna kien hemm ħares

     Xi kultant fil-vaganzi tal-iskola, jien u ħuti norqdu għand in-nanna. In-nanna tiegħi toqgħod f'dar antika, kbira ħafna u fil-ġnien għandha kantina mudlama. 
     Konna bil-vaganzi tal-Għid u bħas-soltu kellna seba' mitt sena biex noqogħdu għand in-nanna. Jien u ħija ż-żgħir bqajna naraw it-televixin. Allura ddeċidejna li nilagħbu noli. Għand in-nanna hemm ħafna fejn tistaħba. Jiena kont ser noqgħod biha u ħija kien ser jistaħba. Ħija staħba fil-kantina. 
     Wara li fittixtu fit-tieni sular, ma sibtux, mort infittxu fil-ġardina fejn hemmhekk rajt il-bieb tal-kantina mbexxaq meta s-soltu kien ikun magħluq. Jien bdejt nisma' t-tħaxwix, allura bdejt nimxi 'l ġewwa għax ħsibt li kien hemm ħija. Fil-kantina kien hemm ħafna kmamar mimlija imbarazz. Jien bdejt niċċekkja f'kull kamra u f'kamra minnhom kien hemm ħija u fil-pront ingħalaq il-bieb tal-kantina. Lil ħija għidtlu biex ma jibżax iżda jien kelli msarni f'saqajja. Id-dawl intefa' waħdu, kien hemm dlam ċappa. F'daqqa waħda bdejna nħossnu ħafna bard. Ħija kien ser jaqbad jibki, u jien xejn inqas minnu. Is-skiet inkiser b'ħoss ta' xi ħadd jidħak. 
     Jien għamilt il-kuraġġ u saqsejt min hemm. Ħadd ma wieġeb, iżda minflok id-dawl reġa' xegħel, intefa' waħdu. Smajna ħoss ta' siġġu jitkaxkar, għamilna l-kuraġġ u saqsejna min hemm iżda ħadd ma wieġeb u reġa' xegħel id-dawl. Kif xegħel id-dawl, jien u ħija ġrejna ġrija sal-bieb tal-kantina, ftaħna l-bieb u ħriġna mwerwrin. Morna ngħid lin-nanna dwar kull ma kien ġara u n-nanna weġbitna b'daħka fuq fommha u qaltilna, "miskin, dak Chalie... kien it-tifel li għereq fil-bir." Dan Chalie kien xi ziju tan-nanna li miet qabel il-gwerra meta kellu disa' snin. 
      In-nanna dejjem tirrakkonta stejjer dwar il-fatati u aħna ma tantx konna nemmnuha. Però issa wara din l-esperjenza, bdilna l-ħsieb u sirna napprezzaw iżjed dawn l-istejjer. 

Lee-Ann Xuereb (Form 2.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
    Għodwa waħda, ommi sejħitli biex immur nagħti l-ħobż lin-nanna, li kienet toqgħod viċin tagħna. Jien qbadt il-ħobż u bdejt miexja bil-mod. 
      Kif wasalt għand in-nanna, laqgħatni bi tbissima ħelwa, u offrietli naqra biskuttini. Jien tajtha l-ħobż u qabel ma tlaqt staqsietni biex nagħmlilha pjaċir. Riditni mmur fuq il-bejt u nġibilha l-kutra. Jien u tielgħa t-taraġ smajt ħoss stramb, jien ma tajtx kas u bqajt tielgħa. Kif wasalt fuq, id-dawl beda jixgħel u jintefa'. Niġri kemm nista', dħalt fil-kamra, qbadt il-kutra u kif kont nieżla smajt ħoss isejjaħli. Jien dort u rajt ħares ixejjirli. 
      Dak il-ħin twerwirt u ma flaħtx nitkellem. Il-ħares kien liebes libsa qisha ta' xi prinċep, kellu għajnejh żoroq u xagħru bjond. Hu qalli li kien jismu Harry. Hu qal li huwa xiħ ħafna imma meta miet kellu biss tnax-il sena. Allavolja ma xtaqtx, jien kelli ninżel biex nagħti l-kutra lin-nanna u 'l ommi għidtilha li mhux ħa ndum. Dak il-lejl stess jien ma stajtx norqod. L-għada, peress li ma kellix skola, iddeċidejt li nġib skuża biex immur nara lil Harry.
      Kif wasalt għand in-nanna tajtha sorpriża u għidtilha li daqskemm tagħmel għalija, ħa niżbarazzalha l-bejt. In-nanna ma qalitx le. Kif tlajt fuq il-bejt, ma sibt lil ħadd imma kif bdejt niżbarazza l-ħwejjeġ smajt lil Harry jgħajjatli. Hu qalli biex ma ngħid lil ħadd li qed nara u nitkellem ma' ħares. 
      Waqt li komplejt niżbarazza, jiena u Harry bdejna nsiru nafu aktar lil xulxin. Konna sirna ħbieb sew. Meta lestejt il-bejt għidtlu li ridt immur imma li xorta kont ser nerġa' niġi.
      Ġranet għaddew u jien għidt lin-nanna li l-bejt huwa post tajjeb fejn nagħmel ix-xogħol tad-dar, fil-kwiet. Peress li kont nitla' fuq ta' spiss, jien u Harry konna sirna ħbieb kbar. Harry kien il-ħabib sigriet li ħadd ma kien jaf bih ħlief jien. 


Karen Bartolo (Form 2.2)
--------------------------------------------------------------------------------------------- 


     Filgħaxija jien u l-kuġin tiegħi morna norqdu għand in-nanna għax il-ġenituri tagħna kellhom tieġ. Jien u n-nanna dħalna fis-sodda naraw it-televixin peress li beda jidlam, waqt li l-kuġin qagħad jilgħab fuq il-kompjuter. 
       F'ħakka t'għajna smajna xi ħaġa tinkiser isfel u n-nanna bagħtitni nara x'ġara. Kif inżilt intefa' d-dawl u ma stajtx nara x'kien ġara. Mort ngħajjat lin-nanna biex ngħidilha li ma kienx hemm dawl. Kif niżlet marret tipprova tixgħel id-dawl mis-swiċċ u xegħel. Jien u n-nanna ħadna qatgħa għaliex rajna xi ħaġa bajda u mal-ewwel indunajna li kien ħares. Bdejna ngħajtu lill-kuġin u kif ma ġiex ħsibna li ħadu l-ħares. Bdejna nwerżqu meta rajna l-fatat riesaq bil-mod il-mod lejna. Jien iggranfajt man-nanna u tlaqna niġru 'l barra mid-dar. Erġajna dħalna biex naraw jekk telaqx imam kif dħalna rajna t-twieqi miftuħin beraħ jaħbtu mal-ħajt minħabba l-kurrent li kien għaddej. Smajna xi ħaġa tinkiser u dħalna naraw x'kien u sibna lil kuġinuwi bilqiegħda fuq siġġu jiekol il-gallettini u jixrob il-ħalib. Kif rajnih morna naqbżu fuqu, ngħannquh u nbusuh. Bdejna nistaqsuh fejn sparixxa l-ħares u fejn kien hu waqt li rajna l-ħares. 
      Fl-aħħar mill-aħħar qalilna l-verità li hu kien qabad liżar abjar, libsu u ried jagħtina qatgħa. In-nanna ħadet nifs 'il ġewwa u bdiet tħarislu bl-ikrah. 


Nawal Farrugia (Form 2.3) 

No comments:

Post a Comment