Wednesday, May 23, 2012

Rapport

Klikkja fuq l-istampa jekk tixtieq taqra r-rapport ta' dawn l-istudenti...



Martina Grech (Form 1.1)


Shania Zammit (Form 1.2)


Katryna Esposito (Form 1.3)



Friday, May 11, 2012

Tuesday, May 8, 2012

Id-djar f'Malta

Razzett Malti
     F'Malta hawn bosta djar differenti, fost l-oħrajn hawn l-irziezet. Ir-razzett kien jinbena f'nofs ir-raba' li kien jaħdem il-bidwi. Billi l-bdiewa kienu beżgħana mill-ħbit tal-furbani, kienu jibnu l-irziezet tagħhom b'ġebel oħxon u qfil tajjeb. Il-bieb kbir u b'saħħtu kien l-uniku fetħa tad-dar u t-twieqi kienu żgħar u fil-għoli. Ir-razzett Malti għandu oriġini Għarbija għaliex għandu saqaf ċatt u l-ismijiet tal-kmamar tiegħu huma Semitiċi, bħal ngħidu aħna, 'L-Għorfa'. Il-bidwi kien jara li r-razzett kien ikollu dawn il-karatteristiċi. 
   Ir-razzett kien imsaqqaf, il-ħnejja kienu jkunu aktar wesgħin. Il-ħnejja kienu jkunu aktar qrib ta' xulxin. Fl-għorfa tas-sular ta' fuq, minflok ħnejja, kien ikun hemm l-injam. Il-mansab u d-dura kienu postijiet fejn il-kaċċatur kien jarma biex jaqbad l-għasafar. Fl-imgħoddi l-kaċċaturi kienu jikru biċċiet tal-art biex jużawha bħala mansab. Il-barumbara nsibuha mal-ħitan tal-irziezet qodma. Tikkonsisti f'żewġ fillieri toqob magħmulin apposta biex ibejjed fihom il-ħamiem. Fl-imgħoddi kienu jkunu miftuħin għax il-ħamiem f'dari kien jintelaq barra jiekol u jira' ġol-għelieqi u ħadd ma jmissu. Il-borġ kien ikun mibni b'xi ħames jew sitt ġebliet maqlugħin minn xi ħajt tas-sejjieħ. Il-bidwi jagħmel borġ fl-għalqa tiegħu meta xi ħadd jisraqlu l-ħaxix mill-għalqa. 
     Il-ħerża hija ġebla li tkun fuq il-bokka tal-bir. Il-ħereż mhux ġebel komuni, dawn inħadmu fl-imgħoddi min-nies tas-sengħa. L-għejjun kien l-ilma permezz ta' viti pubbliċi jew għejjun fit-toroq. Meta daħlu l-għejjun il-poplu ma baqax jixrob ilma minn għejjun naturali. Il-ħitan tas-sejjieħ kien bini karatteristiku fil-kampanja Maltija. Il-ħitan tas-sejjieħ jifirdu għalqa minn oħra u l-għelieqi mit-toroq. Kull belt kellha xi mitħna tar-riħ, kien jaħdmu bir-riħ anki f'jum bħall-Ħadd u l-festi. L-imtieħen kienu jitħnu l-qamħ għall-użu tal-familji tal-inħawi. 
     Sfortunatament minn dan il-bini ftit għad fadal u jekk ma noqogħdux attenti għad jispiċċa għal kollox. Ħafna minnu qed jiġi abbandunat u bini ieħor qed ikun il-vittma ta' vandaliżmu. Bini ieħor qed jaqa' biex jagħmel il-wisgħa għal bini aktar modern. Din hija ħasra kbira għaliex qed nitiflu parti importanti mill-istorja ta' pajjiżna u dak li jagħmilna Maltin. Hemm bżonn ta' kuxjenza u ħidma aktar biex dan il-wirt tad-djar u bini f'Malta ma jintilifx. 

Selene Bonnici (Form 2.1)
------------------------------------------------------------------------------------------
Dar antika
     F'Malta għandna ħafna tipi ta' djar differenti, pereżempju vilel, appartamenti u 'terraced houses'. Huma magħmula l-parti l-kbira mill-ġebel u konkos u allura huma sodi ħafna b'paragun ma' dawk ta' barra.
     Hawn Malta għandna vizzju li niżbgħu d-djar tagħna b'ħafna kuluri differenti bħall-abjad, kannella, roża u saħansitra ssib ukoll djar blu, ħodor, sofor u ħomor. Karatteristika tradizzjonali fi djar antiki huma l-gallariji. Dawn ikunu magħmulin mill-injam iżda ssib ukoll tal-ġebel u tal-aluminju. Ġeneralment dawn ikunu miżbugħin ħodor jew bojod. 
     Id-djar tagħna jkollhom bejt ċatt għax hawn Malta qatt ma jagħmel silġ. Dan vantaġġ għalina għax nistgħu nonxru l-ħwejjeġ fuq il-bejt u ma naħlux dawl biex innixxfuhom. Nistgħu nużaw il-bejt ukoll biex ingawdu t-temp sabiħ billi nagħmlu xi festin jew BBQ fil-miftuħ. Ħafna djar ikollhom bir imħaffer taħt il-pedamenti. Dan jimtela' fix-xitwa mix-xita li taqa' fuq il-bejt u jservi matul is-sajf biex issaqqi jew biex taħsel bih. 
     Id-djar l-antiki għandhom soqfa għoljin minħabba s-sħana, allura huma aktar effiċjenti mill-moderni li jużaw l-'air conditioning' biex iżommu friski fis-sajf. Dan importanti ħafna f'dawn iż-żminijiet għax il-prezz tad-dawl dejjem jogħla. Il-prezzijiet tad-djar f'Malta huma għoljin ħafna b'paragun ma' dawk ta' barra kif ukoll b'paragun mal-pagi tagħna. Dan ifisser li jkun diffiċli aktar għaż-żgħażagħ biex jixtru propjetajiet u ħafna drabi jispiċċaw jirku minflok.


Amber Schembri (Form 2.2)
------------------------------------------------------------------------------------------
     Hawn Malta fl-irħula ssib ħafna djar antiki, iżda ssib djar moderni wkoll. 


     Id-djar antiki hawn Malta ssib minnhom li huma kbar u oħrajn żgħar. Id-djar l-antiki fl-irħula li jkunu kbar ikollhom ħafna kmamar kbar. Dawn id-djar ikollhom xi ġnien ukoll, iżda fil-Belt Valletta m'għandhomx ġonna għax fl-antik kienet kontra l-liġi minħabba n-nuqqas ta' ilma. Ħafna drabi dawn id-djar kien ikollhom xi gallarija. Id-djar iż-żgħar ma kellhomx ħafna kmamar u l-kmamar li kellhom kienu żgħar. Il-biċċa l-kbira tad-djar iż-żgħar li għandhom żewġ sulari, it-taraġ ikun ġol-bitħa stess. Fl-antik il-bibien ta' barra kienu jkunu ta' kuluri differenti, dan għaliex ma kinux jafu jiktbu l-indirizz u għalhekk kienu jirreferu għad-dar tagħhom bħala 'tal-bieb l-aħmar' jew 'tal-bieb isfar'. 
  
     Fl-antik kienu jużaw ħafna  ħamrija biex jinbnew id-djar. Fl-antik ma kinux jużaw konkos għas-soqfa iżda kienu jużaw ix-xorok. Biex ipoġġu x-xorok kienu jagħmlu ħnejjiet jew inkella travi ħalli x-xorok jserrħu fuqhom. Id-djar fl-antik il-biċċa l-kbira kellhom kantina wkoll. Illum ħafna nies li għandhom djar antiki jagħmlulhom pixxina u jikruhom lin-nies biex imorru btala ġo fihom u huma jmorru jgħixu x'imkien ieħor. 


     Illum b'differenza kull fejn tħares, tara bini għoli għax qed jinbnew ħafna appartamenti. Dawn ħafna drabi jinbnew minflok xi dar antika, din iwaqqgħuha u jibnu l-appartamenti minflok. Id-djar moderni aktar imdawlin minn djar antiki. Il-kmamar huma mqassmin f'modi differenti mill-antik. Fid-djar moderni ssib aktar kumdità. 


     Hawn Malta sirt issib minn kull tip ta' djar antiki, moderni, kbar u żgħar. Djar bħal ta' Malta ma ssib imkien. 


Amy Azzopardi (Form 2.3)

Friday, May 4, 2012

Djalogu bejn żewġ persuni.

Għodwa waħda Maria daħlet fil-ħanut 'Pollaco'. X'ħin daħlet fil-bieb idderiġietha mara għall-mejda tagħha. 

Hemmhekk ġie l-wejter u staqsieha, "Kif nista' ngħinek sinjura?"

Hi staqsietu, "X'hemm illum fuq il-menu jekk jogħġbok?"

"Illum għandna bebbux frisk bħala l-ewwel platt, fen..." beda jgħidilha l-wejter imma f'ħabta u sabta Maria waqfitu u qaltlu...

"Jien nixtieq nordna l-bebbux frisk jekk jogħġbok. Ismagħni sew, ara ma jasalx ħaj għax ikollna l-problemi e!"

"Użgur li le," qalilha ż-żgħażugħ.

Wara ftit ħin il-bebbux wasal u Maria qabdet it-'toothpick', imma meta kienet ser taqbad tiekol, "AAAA! Qed jiċċaqlaq il-bebbux!"

Il-wejter ġie jiġri u malli wasal, Maria qabdet tgerger miegħu, "Skużani sinjura imma kien hemm żball, jekk jogħġbok tista' tistenna ftit ħalli..." 

"Hux nistenna nistenna. Aremm, sejra 'l barra minn dak il-bieb u m'jien dieħla qatt aktar! Ċaw!"

... U f'ħakka t'għajn Marija kienet fi triqtha lejn darha. 

Noray Galea (Form 1.3)
-------------------------------------------------------------------------------------------
Martha u r-raġel tagħha marru jiċċelebraw l-għoxrin anniversarju taż-żwieġ tagħhom fir-restorant l-iktar popolari f'Malta. Martha ordnat bebbux iżda meta sar il-ħin biex tiekolhom, rat wieħed minnhom jimxi minn fuq il-platt.


"Wejter, wejter!" għajtet għajta kbira Martha. 


"Iva Sinjura, għandek xi problema?" staqsa l-wejter. 


"Mela mhux qed tara?" kompliet Martha, "Dak il-bebbux ħaj u qed jimxi fuq il-mejda!"


"D... dak... bebbuxu ħaj!" qal mistgħaġeb il-wejter.


"E, issa qed tara l-problema tiegħi!" qalet irrabjata. 


Il-wejter baqa' mistgħaġeb għal dak li kien ra fuq il-platt.


"Mela?" staqsiet Martha. 


"Xiex?" staqsa l-wejter.


"X'se tagħmillu dan il-bebbux...? Se tħallieh hemm, jimxi fuq il-mejda?" qalet Martha, li kienet imdejqa. 


"Le, le, skużi... skużani!" qal iddispjaċut il-wejter. 


"Nista' nkellem lill-maniġer?" kompliet Martha.


"Iva, iva," qal il-wejter, "maniġer, maniġer!"


"Hawn xi problema?" qal il-maniġer. 


"Iva, jiena u r-raġel tiegħi ġejna hawn biex niċċelebraw l-anniversarju tagħna u minflok tawni bebbux mejjet, tawni bebbux ħaj!" stagħġbet Martha. 


"Vera! Skużani dwar dan! Din qatt ma ġratilna!" kompla l-maniġer, "U għalhekk kollox ser ikun b'xejn għalikom għall-anniversarju, ser intikom kejk b'xejn ukoll!"


"Grazzi, iżda tista' ġġibli bebbux mejjet u mhux ħaj jekk jogħġbok?" qalet Martha.


"Iva, iva, bil-qalb kollha!" qal il-maniġer, "Jiddispjaċina għal dak li ġara, qatt mhu ser jiġri darb'oħra." 


Melissa Mawdsley (Form 1.1)
-------------------------------------------------------------------------------------------
"Lesta biex tordna, sinjura?" qal il-wejter.


Il-mara li kien jisimha Amber qaltlu, "Iva, jien nixtieq nordna platt bebbux, iżda jekk iddumu ma ġġibuh, naqbad u nitlaq mingħajr ma nħallas! U jien sinjorina u mhux sinjura!" qaltlu l-mara.


"Iva sinjorina, nipprova nġibulek malajr kemm jista' jkun," irrispondieha l-wejter, "Hawn qiegħed. Fil-ħin ġibtulek?"


Amber qaltlu, "Iva, tajjeb, issa itlaq minn quddiemi!"


Il-wejter malajr telaq. Meta Amber ippruvat l-ewwel wieħed, ħasset li ma kienx bit-togħma tas-soltu. Imbagħad ħassitu jiċċaqlaq f'ħalqha u malajr waddbitu 'l barra minn ħalqha u fuq il-mejda. Il-bebbuxu beda miexi fuq il-mejda u Amber għajtet, "Jaqq! Wejter ejja hawn issa!"


Il-wejter malajr ġie u qalilha, "X'ġara sinjorina? X'qatgħa tajtni!"


"Dak li ġara. Hemm fuq il-mejda, il-bebbuxu qed jimxi."


Il-wejter imwerwer qal, "Sku.. sku... skużani sinjura."


"SINJORINA!" għajtet fil-pront Amber. "Issa tini l-flus tiegħi lura u int m'intiex ser terġa' tarani hawn ġew darb'oħra." u malajr telqet 'il barra mir-restorant.


Michela Azzopardi (Form 1.2)