Tuesday, October 16, 2012

Rakkont dwar karattru fittizju (Miktub fl-ewwel persuna).

     Jiena Rita Xerri. Għandi ħdax-il sena u noqgħod Ħaż-Żabbar. Għajnejja għandhom lewn ikħal waqt li xagħri huwa kannella skur u nnukklat. 
     Jiena m'għandix aħwa, imma għandi ħafna kuġini. Immur nilgħab għandhom ta' spiss u nieħdu ħafna gost. Peress li noqgħod bieb ma' bieb ma' Marija u peress li mmorru l-iskola flimkien, immorru aktar ta' spiss għand xulxin. Aħna nitgħallmu ż-żfin flimkien ukoll, u għalija, Marija qisha oħti. 

     Mela isimgħu x'biċċa ġratli l-ġimgħa l-oħra. Ommi bgħatitni nixtri ħafna affarijiet, fosthom ftit frott, ftit ħaxix, għaġin, xi ħelu u ħafna iktar. Dort il-ħanut kollu u mlejt żewġt iqfief. Erġajt iċċekkjajt il-lista kollha biex inkun ċerta li ma nsejt xejn. Meta wasalt biex inħallas u sirt naf li kelli nħallas tliet u għoxrin ewro, indunajt li ħallejt il-portmoni d-dar. Ħallejt kollox fejn kien u tlaqt niġri lejn id-dar biex inġib il-portmoni. Waqt li kont qiegħda niġri, waqgħatli ż-żarbuna imma jiena ma ndunajtx u bqajt għaddejja. Meta wasalt id-dar u ndunajt biż-żarbuna, ilbist par ieħor u erġajt ġrejtha lejn il-ħanut. 
     Għalxejn ħadt dik il-battikata, għax meta wasalt, il-ħanut kien għalaq. Il-mamà damet ħafna tgħidli biex noqgħod aktar attenta u jien issa sirt noqgħod aktar attenta!

Mikela Mejlaq (Form 1.2)
-------------------------------------------

     "Hawn fejn wasalt?!" Hawn ħafna siġar u fjuri madwari, iżda t-temp ikrah waħx, tant li qed nibża' minnu! Ħalli nidħol nistkenn taħt din is-siġra.
     "Dan il-ħoss x'inhu?" Ħoss t'għajjat dejjem jersaq iżjed qribi! Qiegħda nħares lejn il-post meta nara xi tużżana uċuħ iħarsu lejja minn wara palma. Il-ħarsa t'għajnejhom tidher kattiva u ma baqgħali l-ebda triq ħlief dik li niġri 'l quddiem. Sibt biċċa stikka rqiqa imma tajba biex niġġieled biha. Ara, sibt zokk ukoll! Imma hemm ħafna nies biex niġġieled waħdi. "Aaaaaħħħ!" Ġibidni xi ħaġa 'l fuq u issa qisni qiegħda ntir! Qabadni mill-flokk u daqt iqattagħuli. Qiegħda nara kollox imżelleġ u rasi qed iddur bija!
     Qomt u sibt ruħi ġo ħofra kbira ħafna, enormi tista' tgħid. Għandi ħafna gundalli ma' rasi u sieqi kollha mbenġla! Sibt ċagħqa ħdejja żgħira bin-numru tmiena fuqha. Tgħid xi tfisser din? Tajba wkoll! Fejn qiegħda fuq kollox? Issa rrid nara kif ser nitla' minn ġo din il-ħofra li tefgħuni ġo fiha dawn l-imġienen t'hemm fuq! Dak x'kien? Minn warajja nara ljun akbar minni, akbar minn tas-soltu. Issa x'ħa nagħmel? Jidher li għandu l-ġuħ, ara xi jferfer denbu u juri snienu! Jien daqshekk! Għall-mewt! Iżda qiegħda niġri, ma nafx għalxiex għax xorta naf li jista' jaqbadni. Ara, hemm x'hemm? Hemm xaqq ġol-ħajt! Dan wiesgħa biżżejjed biex ngħaddi minn ġo fih. Ejja naqra oħra... Ejja... Isa! 

Katya Saliba (Form 1.3)
                                                         -------------------------------------------

     Il-lejl it-tajjeb! Jien Anika, ħlejqa b'setgħat ta' seħer. Iva! Iżda hemm ħafna minna l-fatatini u jien propju dik li jsejħuli tooth fairy. Illejla rrid immur għand żewġt itfal biex inħallilhom il-flus. Kemm qed inħossni ferħana! Dawn it-tfal huma Lara u Ninu, żewġt itfal bravi mhux ftit għax dejjem jobdu. 
     Ara, bħalissa s-sebgħa u nofs. Ejja ħa nibdew immorru. Jien dejjem intir u dejjem nara affarijiet ġodda. Xi ġmiel ta' ġnien għandha Lara, mimli fjuri, ħaxix, siġar u frott. Lara hija waħda mill-iktar bniet bravi fir-raħal. Dejjem taqdi d-dmirijiet tagħha. Kemm għandha dar ħelwa. Qisha dejjem tkun f'postha u nadifa. M'għandix dubju li Lara tgħin biex iżżomm darha hekk! Qed inħossni fis-seba' sema daqs kemm hawn sabiħ. Mela s-sinna ta' Lara sibtha, issa li jonqos hu li npoġġi l-flus. Għandha tliet ewro.
     L-ewwel biċċa xogħol lesta. Issa fi triqti għand għand Ninu. Dan joqgħod ġo dar żgħira u sempliċi iżda pulita. Dalwaqt naslu, imma rrid insib il-kamra tiegħu. Għandi għaxar ewro għalih għax għandu tliet sinniet maqlugħin. Hawn qiegħda kamartu. Ħadt is-snien u poġġejt il-flus. Saru l-għaxra u għajjejt niġri, għalhekk it-titjira li jmiss għad-dar. 
     Kemm għandi ngħas. Naħseb li aħjar immur norqod... Ma nafx x'tagħmel int, imma jien li kieku nintefa' fuq is-sodda u ma nerġax inqum. Ċaw u l-lejl it-tajjeb!

Josefa Muscat (Form 1.1)

Thursday, October 4, 2012

Is-Serqa (Rakkont fil-preżent)

     Il-kju tan-nies biex jidħlu fil-mużew tal-Louvre dejjem jiżdied. Nies ta' kull nazzjonalità jistennew bil-ħerqa biex jidħlu fl-aktar mużew meqjus importanti fid-dinja. Il-bini minn barra wkoll jurik l-importanza li għandu dan il-post. Ħadd minn dawn in-nies ma jaf eżatt x'se jiġri.
     Jiena qiegħda hawn nistenna ma' ommi fil-kju. Minn dejjem xtaqt nara 'l-'Mona Lisa' u x-xabla ta' La Valette. Fl-aħħar, imissna biex nidħlu. Malli nidħol ninduna li fadalli biex nara li rrid jiena għax il-post huwa enormi u maqsum f'sezzjonijiet differenti. Statwi tar-Rumani, statwi tal-Griegi u sezzjoni t'affarijiet Eġizzjoni huma kollha affarijiet interessanti li qegħdin naraw bil-qalb. Bħalissa mixjin biex nidħlu fis-sezzjoni tal-inkwari prezzjużi u l-ammont ta' kameras u rġiel tas-sigurtà huma ħafna.
     Fadal ftit biex naslu ħdejn il-'Mona Lisa' meta f'daqqa waħda nisimgħu ħoss ta' ħġieġa enormi tinfaqa'. Ħamest irġiel armati u b'wiċċhom mgħotti jibdew jisparaw lejn il-kameras u jgħajtu biex kulħadd jintefa' mal-art. Lanqas għandhom ċans biex jirreaġixxu l-irġiel tas-sigurtà. Ommi tħares lejja b'għajnejha mwerwrin u ninżlu t-tnejn mal-art. Anki l-irġiel tas-sigurtà qegħdin mal-art. Probabbilment ma jridux jitilfu ħajjithom għax il-ħallelin huma deċiżi li jagħmlu minn kollox biex jieħdu dak li jridu - l-inkwatru tal-'Mona Lisa'.
     Wieħed mill-ħallelin imur dritt biex jieħu l-inkwatru fil-waqt li l-erbgħa l-oħra qegħdin bl-armi tan-nar ippuntati lejn in-nies. Ħafna min-nies għandhom wiċċhom abjad karti. F'sekonda jisparixxu l-ħallelin u l-'Mona Lisa' wkoll. In-nies jibdew iqumu ftit ftit. Jiena nħares lejn ommi u meta tara li m'hemmx aktar periklu inqumu wkoll. Xi nies jidhru xxukkjati imma kulħadd kuntent li ħadd ma weġġa'.
     Bil-mod il-mod nibdew mixjin għal barra u naraw il-pulizija qegħdin jarrestaw il-ħallelin u jdaħħluhom fil-karozza. Jiena u l-mamà kuntenti li kollox spiċċa b'wiċċ il-ġid u li l-'Mona Lisa' qiegħda f'postha tħares lejn kulħadd bil-ħarsa unika tagħha. 

Kimberley Ellul Hawes (Form 2.2)

----------------------------------------------------

     Din hija l-ġrajja tal-waħx li ġrat fis-sajf tas-sena l-oħra. Ħa nirrakkontalkom fid-dettall l-affarijiet li għaddejna minnhom. 
     Jien iddeċidejt li mmur m'ommi nagħmlu qadja, kif ukoll ngħaddu sal-bank. Jien u ommi qed inpaċpċu, iżda f'daqqa waħda karozza partikolari, kollha daqqiet u bil-ħġieġ iswed ġibditli l-attenzjoni. Għaddiet minn quddiemna b'saħħa kbira. Għal ftit ma tajritniex. Dħalna l-bank, ħadna pjaċir fil-frisk li kien hemm u ħadna qatgħa bil-kju. Qed nammira x-xogħol interessanti tal-kaxxiera u nimmaġinani minflokhom la nikber. F'kemm trodd salib, żewġ persuni mill-kju bdew jgħajtu u ħarġu l-armi. In-nies twerwru, fosthom aħna. Kien hemm xi twerżiq u għajjat. Il-ħallelin iktar irvillaw. 
     Wieħed minnhom qed imur għand il-kaxxiera u beda jitfa' l-mazez tal-flus ġo borża li kellu. Hi ħassha ħażin bil-biża' u l-ħallelin ma tawx kasha. Ommi beda jxoqq l-għaraq għaliha, jien kelli msarni f'saqajja li ħa jħossni ħażin. Xtaqt li dal-mument jgħaddi b'wiċċ il-ġid. F'daqqa waħda, raġel mibni ħataf l-arma ta' wieħed mill-ħallelin. Il-pulizija li kien għassa beda jissielet mal-ħalliel l-ieħor. Żewġt irġiel oħra fil-kju marru jgħinu u n-nisa u t-tfal morna f'ġenb għall-kenn. B'xorti tajba smajna s-sirena tal-pulizija. F'daqqa waħda daħlu l-pulizija u malajr ħatfu l-ħallelin u mmanetjawhom. Kulħadd kellu qatgħa kbira fuqu. Ġew xi nies imlaħħqa mill-bank biex jaraw hux kollox sew. Ġew ukoll tal-kamera biex jirrappurtaw il-ġrajja fuq l-aħbarijiet. 
     Din hija esperjenza li qatt mhu ħa ninsa. Żgur li ma nixtieqx li terġa' tiġrili għax dik il-ġurnata twerwirt. Ġieni daqxejn ta' dubju jekk irridx insir bankiera la nikber, imma kull xogħol fih tiegħu. 

Michaela Accarino (Form 2.1)
                                                                       ----------------------------------------------------
    
     Jiena jisimni Deborah u bħalissa qiegħda naħdem mas-supermarket 'Stilel'. Il-ħanut kważi dejjem mimli daqs bajda! Illum hawn daqs ħamsin ruħ hawn ġew. Hemm żewġt irġiel barra libsin qmis sewda u anke qalziet iswed. Jien u dawk li jaħdmu miegħi qed naħsbu biex ngħallqu l-ħanut. Qed nipprova nħaddem il-mikrofonu imma donnu kollu għalxejn! Waslu biex jidħlu. Mill-ewwel 'l hawn libsu maskla sewda u għandi msarni f'saqajja. 
     Maa x'biża'!Tgħidx kemm qed nitlob bħalissa! Issa għadhom kif daħlu u jien malajr staħbejt wara l-cash register. Dawn qed jgħajtu, "Agħtuna l-flus! Agħtuna l-flus! Inkella nisparawlkom!" Kulħadd imwerwer u f'daqqa waħda ġiet il-propjetarja tal-ħanut, Alessandra. Din kważi taha attakk tal-qalb xħin rat lil dawn il-ħallelin. Povra Alessandra. kellha tagħtihom xi elfejn ewro biex telqu! Imma ma kinitx fidila għax qabel ma tathom il-flus ċemplet 'il-pulizija bil-moħbi u baqgħet tħares lejn għajnejhom għax wiċċhom ma kienx ġdid għaliha. Għalhekk tathom il-flus bil-mod biex b'hekk il-pulizija jkunu laħqu waslu u diġà lesti moħbijin wara l-bieb ta' barra biex b'hekk jaħsduhom il-ħallelin u żgur jaqbduhom.
     Ħerġin mill-ħanut u taf kif inqabdu ħelu ħelu! Kulħadd feraħ meta rawhom immanettjati u qabel ma daħlu ġol-karozza tal-pulizija taw il-flus lura lil Alessandra u qalu, "Meta nerġgħu niġu npattuhielkom!" Iżda dawn qatt ma reġgħu ġew lura għax baqgħu l-ħabs għal ħajjithom kollha peress li kienu serqu aktar flus minn postijiet oħra. 

Deborah Minuti (Form 2.3)