Monday, March 25, 2013

Il-Pjazza tar-Raħal

Il-pjazza tar-raħal fejn noqgħod hija pjazza li ftit issib bħalha. Hija pjazza miftuħa għall-arja u qalb l-għelieqi kollha ssib ħafna ħdura u fjuri sbieħ. 

Ġol-pjazza ssib diversi ħwienet, insibu erba' minnhom li huma restoranti. Xħin tasal il-pjazza xxomm riħa tfuħ ta' fniek moqlija. Insibu wkoll ħanut tal-laħam, tal-merċa u bażar. Fil-ġenb tal-pjazza nsibu xelter ta' tal-linja fejn il-karozza tal-linja tieqaf. Ma' ġenbu hemm ukoll telefown pubbliku. Nhar ta' Ħadd, speċjalment meta n-nies joħorġu dawra, jaslu wasla sal-bandli li hemm fil-ġenb tal-pjazza. Dawn jinġabru ħafna tfal fihom u huma bandli ġodda, nodfa u sbieħ ħafna. 

Ftit 'l isfel minnhom issib il-ġnien li jismu 'Barnuża Ħamra'. Dan il-ġnien fih is-siġar, il-fjuri u ħafna affarijiet oħra. Jismu 'Barnuża Ħamra' għaliex fin-nofs għandu kamra tal-injam ħamra fejn jistgħu jilagħbu t-tfal iż-żgħar. Wara nofsinhar, fil-ġranet speċjalment tas-sajf, tara xi anzjani bilqiegħda għall-frisk taħt is-siġar. Nhar ta' Ħadd filgħodu tisma' l-bejjiegħ tal-pastizzi jgħajjat u jkun hemm riħa tfuħ. Ma tantx tisma' storbju fil-pjazza ħlief għal xi ħorn tal-vann tal-ħobż u t-tpespis tal-għasafar. Meta jkun ir-riħ tista' tara s-siġar jiċċaqalqu jew xi kelb jew qattus jaqsam fil-pjazza. Kultant tara n-nies sejrin jixtru. Meta tkun fil-pjazza tħossok li qiegħda f'xi ġnien għax tħoss l-arja pura u friska tal-kampanja. Meta nkun fil-pjazza nħossni ferħana u kuntenta li ngħix ġo dan ir-raħal. 

Dan ir-raħal huwa l-Baħrija u żgur li meta tasal ġo din il-pjazza ma tiddejjaqx. Din il-pjazza jisimha 'Pjazza Patri Martin Caruana'. 

Kimberly Bugeja (Form 1.1)
----------------------

Il-pjazza tar-raħal tiegħi li tinsab f'Ħad-Dingli hija wiesgħa u miftuħa. Il-pjazza jisimha Misraħ Franċ Abela. Imsemmija għal Franċ Abela għax dan kien l-ewwel Dingli li daħħal l-Imtieħen tar-raba' f'Ħad-Dingli. F'din il-pjazza hemm monument iddedikat għalih. 

Din il-pjazza tinsab fiċ-ċentru tar-raħal. Madwarha hemm diversi ħwienet, hemm il-każin, spiżjerija, tal-pastizzi, tal-ħwejjeġ u kafetterija. F'nofs il-pjazza hemm ukoll ġnien żgħir u bankijiet. F'kull staġun din il-pjazza jkollha l-fjuri mill-isbaħ. Ix-xjuħ tar-raħal jiltaqgħu wara nofsinhar fil-pjazza jitkellmu jew jieħdu xi tazza te. 

F'din il-pjazza jsiru diversi attivitajiet matul is-sena kollha. Fis-sajf ikollna l-lejla Maltija organizzat mill-każini tal-kunsill li jorganizzaw attivitajiet ukoll f'din il-pjazza, bħal kompetizzjonijiet tal-isbaħ kostum fil-karnival. Wirjiet tal-presepji u l-Via Sagra fir-Randan tibda minn din il-pjazza. F'Awwissu meta niċċelebraw il-festa ta' Santa Marija, din il-pjazza tkun mimlija daqs bajd bin-nies u bil-gabbani tal-ikel u tal-ġugarelli li ma jonqsux. Ġieli jiġu xi nies jiffilmjaw għal xi programm fuq it-televixin. Ommi qaltli li meta kienet żgħira ġew jidhru fuq programm speċjali u għamlu programm kollu fuq Ħad-Dingli u fil-pjazza tagħna. 

Il-Kunsill Lokali qed jipprova jagħlaq din il-pjazza mill-karozzi biex ikunu jistgħu jużawha iktar in-nies tal-lokal. Nispera li dan il-pjan jirnexxi ħalli aħna ż-żgħażagħ ikollna iktar fejn niltaqgħu mingħajr periklu. Jiena nħobb noqgħod nara l-kambjamenti sbieħ li tgħaddi minnhom il-pjazza Misraħ Franċ Abela. 

Justine Pace Gasan (Form 1.2)
----------------------


Il-pjazza tar-raħal tiegħi għandha forma ovali. Hemm ukoll arja safja. 

Ġo nofs il-pjazza nsibu l-knisja parrokkjali li hija mibnija f'forma ta' bajda. Wieħed jista' jsib ukoll żewġ ristoranti li huma magħrufa għal xi ikla tajba mal-ħbieb waqt li tiekol fenkata, ħanut tal-pastizzi, ħanut tax-xagħar u tal-laħam. Taħt wieħed mir-ristoranti, hemm xelter li ħafna nies kienu għadhom jieħdu gost imorru jżuruh. Is-sena li għaddiet fetaħ ħanut tal-inbid. Meta nkun miexja biex nixtri xi affarijiet mingħand l-istationery nara xi anzjani bilqiegħda quddiem wieħed mir-ristoranti. Hemm il-Kunsill Lokali fejn wieħed jista' jmur u jsaqsi xi ħaġa lil tal-kunsill. Hemm ukoll il-pompa tal-petrol li bħalissa qed tinbena f'post differenti. Tista' wkoll taqbad tal-linja minn hemm. Wieħed jista' wkoll isib ċentru ta' matul il-ġurnata għall-anzjani li jinsab fuq il-kunsill. 

Ħdejn il-knisja hemm il-bandli fejn ħafna tfal imorru jilagħbu. Ftit 'l isfel mill-bandli hemm l-għassa tal-pulizija. It-triq hija wiesgħa u l-karozzi m'għandhomx problemi biex jgħaddu u min irid jaqsam, hemm iż-zebra crossing. Fir-rebbiegħa nagħmlu festa li nsejħulha 'Festa Frawli' fejn jiġu ħafna nies biex jixtru l-frott u l-frawli bnin. Kull nhar ta' Ħadd wara l-quddiesa tara lit-tfal jiġru u jilagħbu fuq iz-zuntier. 

Tafu għal-liema pjazza qiegħda nirreferi? Mela jekk le, jiena qed ngħidilkom dwar il-pjazza tal-Imġarr. 

Laura Bonnici (Form 1.3) 


Thursday, March 7, 2013

Deskrizzjoni ta' studenta li qiegħda fil-klassi tiegħi

Krysta Falzon

Illum nixtieq ngħidlek dwar il-ħabiba favorita tiegħi. Din il-ħabiba jisimha Krysta Falzon. Krysta għandha għajnejha kannella bħall-kulur ta' xagħarha li huwa twil. Hi mhijiex waħda mit-twal nett, iżda żgur li mhix qasira. Madanakollu, lili xorta tgħaddini! 


Krysta hija tila verament organizzta u tieħu l-istudji tagħha bis-serjetà. Hi tagħmel ix-xogħol tal-iskola kollu bil-qalb, iżda ma tantx jogħġobha s-suġġett tax-Xjenza. Krysta hija tifla b'karattru li nixtieq li kulħadd għandu bħalu. Hi tifla onestà u ambizzjuża. Krysta intelliġenti wkoll u tagħti ħafna pariri. 


Lil Krysta din is-sena ltqajt magħha. Hi vera ferħana li ġara hekk. Niftakar li l-ewwel darba li ltqajt magħha kont qed nilgħab logħba mal-ħbieb u kienet qed tilgħab magħna. Minn dak iż-żmien 'l hawn, bqajna ħbieb sal-lum. 



Jiena naf li jekk xi darba niġġieldu ħa nerġgħu nsiru ħbieb. Nittama li nibqgħu ħbieb tal-aħħar! 



Nicole Ellul (Form 1.2)



---------------------
Katya Saliba

Hemm tilla fil-klassi tiegħi illi hija l-ikbar ħabiba li għandi. Ilna ħbieb mill-primarja. 

Hija bjonda u għajnejha kannella. Tħobb taqra u ddoqq il-pjanu. Hija qasira u rqiqa. Minn dejjem kienet tajba fl-isport u fl-iskola. Għandha żewġ aħwa tewmin li huma iżgħar minnha. Għandha qattusa jisimha Mitten. Fejn tkun tista', dejjem tgħin u dejjem issibha hemm meta jkollok bżonnha. Għandha karattru ferrieħi, għax dejjem taralha tbissima fuq wiċċha. Tħobb tiekol ħafna l-għaġin il-forn u dejjem tieklu bil-qalb. Kull meta jkollok bżonn parir għandha dejjem tista' tmur għax tieħu pjaċir bil-fatt li tista' tgħin lil min hu fil-bżonn. Fil-kampanja tieħu pjaċir tmur għax dejjem tara affarijiet interessanti u ġodda. 

Tħobbu ħafna l-baħar, għandha dgħajsa u fis-sajf dejjem tmur fuqha mal-familja tagħha biex joqogħdu jgħumu fil-baħar ċar. Is-suġġett favorit tagħha fl-iskola huwa l-Franċiż, minn dejjem kienet tajba fih u dejjem kienet tħobbu. Jiena dejjem kont viċin tagħha u kull meta jkollha xi problema jew diffikulta' f'xi ħaġa dejjem ġiet għandi għal parir. Jiena dejjem għidtilha biex tiġi għandi jekk ikollha bżonn xi ħaġa. 

Din it-tifla hija l-isbaħ ħabiba li qatt seta' jkolli, għax waħda bħalha żgur imkien m'jien se nsib. Din it-tifla hija Katya. 

Hannah Zoe Davies (Form 1.3)

---------------------
Jessica Caruana

Jien u l-ħabiba tal-qalb tiegħi, mhux minn dejjem konna l-ikbar ħbieb. Anzi, fil-bidu bilkemm konna ngħidu kelma lil xulxin. Imma llum il-ġurnata tista' tgħid li aħna inseparabbli. 

Meta jiena nħares lejha, nara tfajla b'qalb tad-deheb. Kull darba li jkolli xi problema mal-ewwel tiġi tgħini bla tgergir ta' xejn. Tant kemm għandha qalbha tajba li anki 'l-annimali tħobb tgħin meta tista'. Fil-fatt għandha kelb ħelu li jismu Enki, u tgħidx kemm tieħu ħsiebu.  Anzi, xi kultant taraha ħdejja biex tgħini mingħajr ma nkun għidtilha xejn. It-tbissima tagħha tferrħek mal-ewwel, anki jekk tkun imdejqa ħafna. Jien naħseb li la tikber għad issir xi attriċi jew żeffiena għax hija ilha tiżfen minn mindu kienet żgħira. U malli tara xi kamera, mal-ewwel tmur tippoża quddiem xi waħda. Iżda fl-istess ħin, ma tħallix dawn l-attivitajiet itellfuha fl-istudju tal-iskola, għaliex hija tifla responsabbli ħafna, u moħħha jilħqilha. 

Minbarra l-kwalitajiet sbieħ minn ġewwa, hija wkoll tifla sabiħa minn barra. Ħaddejha dejjem ħomor peprin u dejjem bi tbissima sabiħa. Xagħarha twil u kannella qisu tal-ħarir. Għajnejha huma kannella u jleqqu ħafna. Hija tkun perfetta għal mudella għaliex hija rqiqa u kif ukoll twila. 

Meta xi darba tiġu fil-klassi tagħna, m'għandix dubju li bl-għajnuna ta' din id-deskrizzjoni jirnexxilkom tagħrfu 'l-akbar ħabiba tiegħi, li hija Jessica Caruana. 

Mariah Renaud (Form 1.1)


Saturday, March 2, 2013

Riċensjoni ta' ktieb

     Fra Mudest


Darba minnhom qrajt ktieb jismu 'Fra Mudest'. Dan il-ktieb kien tassew sabiħ, tant li qrajtu ħames darbiet. 'Fra Mudest' huwa ktieb tad-daħk. 

Charles Casha huwa l-awtur ta' dan il-ktieb. Il-ktieb huwa miktub għal dawk il-qarrejja li jinsabu bejn il-ħames sena u s-sitt sena fil-primarja. Il-ktieb jitkellem dwar Fra xiħ li jismu Mudest, li minn hawn u minn hemm dejjem jirnexxielu jagħmel xi paprata! Il-ktieb huwa maqsum f'ħafna titli differenti. Kull titlu għandu episodju ta' dawn il-paprati għalih! Kemm-il storja hemm bl-eżatt ma nafx imma jidhirli li fih għaxra żgur! Il-ktieb huwa illustrat b'ritratti impinġijin bl-iswed u l-abjad biss. Skont l-informazzjoni li wieħed isib mill-qoxra tal-ktieb, l-illustrazzjonijiet huma magħmula minn illustratur bravissimu. 

Dan il-ktieb huwa maħbub mit-tfal madwar Malta kollha, kif ukoll minn ċertu adulti. Il-ktieb huwa mfittex ħafna mill-iskejjel għax huwa ktieb li jħallik tistenna u bis-suspans, li jdaħħqek u tieħu gost taqrah. Lili personali l-ktieb jogħġobni għal kull ħaġa li fih, ngħidu aħna; il-letteratura, id-daħk, is-suspans, il-karattri u ħafna affarijiet oħra. 

Dan il-ktieb nirrakkomandah lit-tfal kollha ta' Malta. Ktieb tassew sabiħ li għadu popolari sal-lum il-ġurnata. Prosit kbira lill-awtur Charles Casha. 

Noray Galea (Form 2.3) 


--------------------------
Il-Każ kważi kollu tal-Aħwa De Molizz

Jumejn ilu kont għadni kif spiċċajt naqra ktieb jismu, "Il-Każ kważi kollu tal-Aħwa De Molizz". Ktieb interessanti, mimli azzjoni u ħajja. Daqs kemm għoġobni, qrajtu f'kemm ilni ngħidlek. Iħallik bil-kurżità biex tara kif ser tkompli l-avventura. 

F'dan il-ktieb hemm ħafna karattri, kemm prinċipali u kif ukoll sekondarji. Iż-żewġ karattri prinċipali huma Saver De Molizz u Klawdjo De Molizz. Dawn jiġu ħut xulxin. Ħu Saver De Molizz kien ftit iżgħar minnu imma ħafna iktar fidil. Klawdjo kien jgħix iktar fis-sħab milli fl-art. Kien għażżien ħafna u qatt ma jagħmel xogħlu. Moħħu biss biex jorqod u joħlom xi ħolma ħelwa. Huma ma kinux iħobbu l-iskola, anzi kienu jobogħduha. 

L-azzjoni f'dan il-ktieb daqskemm hi mgħaġġla, tħallik bla nifs. Missier dawn iż-żewġt aħwa kien l-oppost tagħhom, dejjem jara kif ser jivvinta x-xogħol. Lanqas ikun jaf x'ser jaqbad jagħmel. Missierhom kien il-fundatur tal-Fatras. L-għan prinċipali ta' din il-fondazzjoni kienet li jitwaqqgħu l-iskejjel il-koroh kollha u tinbena oħra ġdida u sabiħa ħalli t-tfal ikollhom ambjent sabiħ fejn jitgħallmu. Wara li l-missier miet, it-tfal tiegħu, l-għażżenin, ipprovaw jieħdu postu imma ma kellhomx aktar x'jagħmlu għax sabu li kellhom kollox lest għalihom. Darba waħda, Saver mar jgħallem ġo skola. Għamel hekk bl-għan li jkun jista' jagħmel il-ħsara u fl-aħħar jibni skola ġdida li fil-ħolma tiegħu tkun aħjar milli għandhom. Kollox seħħ kif xtaq hu. Waqqa' l-iskola imma qatt ma reġa' bnieha. It-tfal intelliġenti spiċċaw jilagħbu fit-triq bla tagħlim. 

Dan il-ktieb ġie miktub minn Clare Azzopardi. Din l-awtriċi hija ġdida fid-dinja tal-kitba, għax m'ilhiex snin twal tikteb. Nispera li xi darba taqra dan il-ktieb! Jiena ċerta li ser jogħġbok u li qatt m'int ser tbiddlu ma' ktieb ieħor. 

Krista Bonello (Form 2.1)


--------------------------
'Private Peaceful'

Dan l-aħħar qrajt ktieb bl-Ingliż. Il-ktieb jismu 'Private Peaceful' ta' Michael Morpurgo. Dan il-ktieb jogħġobni għax inħobb naqra l-istejjer dwar l-avventuri fi żmien il-gwerra. 

Fl-istorja jkun hemm familja, tliet subien u omm. It-tifel iż-żgħir jismu Thomas Peaceful, tan-nofs jismu Charlie Peaceful u l-kbir li għandu diżabiltà jsejħulu Big Joe. Missierhom kien bidwi imma miet meta waqgħet siġra fuqu. Thomas kien imur l-iskola flimkien ma' ħuħ Charlie. Hemmhekk huma ltaqgħu ma' Molly u saret il-ħabiba tagħhom. Thomas beda jiffansja 'l Mollu, pero' meta jsir jaf li Charlie u Molly kellhom tifel, hu beda jħossu mweġġa' u ma baqax ikellem lil ħuh. Meta ġiet il-gwerra, Charlie kellu jmur jiġġieled u Thomas iddeċieda li jsir suldat ma' ħuh. 

Darba, Thomas kien ma jiflaħx u Charlie qagħad jieħu ħsiebu, imma meta l-kommandant ra li Charlie ma bediex jobdieh, hu qegħdu fl-ewwel ringiela u dak il-lejl miet. Thomas, wara baqa' jieħu ħsieb lil Molly, lil ħuh u lil ommu. 

L-awtur, Michael Morpurgo huwa Ingliz u għandu sebgħin sena. Huwa kiteb ħafna kotba fosthom dan il-ktieb li ħareġ fl-2003. 

Mattea Maresca (Form 2.2)