Monday, March 25, 2013

Il-Pjazza tar-Raħal

Il-pjazza tar-raħal fejn noqgħod hija pjazza li ftit issib bħalha. Hija pjazza miftuħa għall-arja u qalb l-għelieqi kollha ssib ħafna ħdura u fjuri sbieħ. 

Ġol-pjazza ssib diversi ħwienet, insibu erba' minnhom li huma restoranti. Xħin tasal il-pjazza xxomm riħa tfuħ ta' fniek moqlija. Insibu wkoll ħanut tal-laħam, tal-merċa u bażar. Fil-ġenb tal-pjazza nsibu xelter ta' tal-linja fejn il-karozza tal-linja tieqaf. Ma' ġenbu hemm ukoll telefown pubbliku. Nhar ta' Ħadd, speċjalment meta n-nies joħorġu dawra, jaslu wasla sal-bandli li hemm fil-ġenb tal-pjazza. Dawn jinġabru ħafna tfal fihom u huma bandli ġodda, nodfa u sbieħ ħafna. 

Ftit 'l isfel minnhom issib il-ġnien li jismu 'Barnuża Ħamra'. Dan il-ġnien fih is-siġar, il-fjuri u ħafna affarijiet oħra. Jismu 'Barnuża Ħamra' għaliex fin-nofs għandu kamra tal-injam ħamra fejn jistgħu jilagħbu t-tfal iż-żgħar. Wara nofsinhar, fil-ġranet speċjalment tas-sajf, tara xi anzjani bilqiegħda għall-frisk taħt is-siġar. Nhar ta' Ħadd filgħodu tisma' l-bejjiegħ tal-pastizzi jgħajjat u jkun hemm riħa tfuħ. Ma tantx tisma' storbju fil-pjazza ħlief għal xi ħorn tal-vann tal-ħobż u t-tpespis tal-għasafar. Meta jkun ir-riħ tista' tara s-siġar jiċċaqalqu jew xi kelb jew qattus jaqsam fil-pjazza. Kultant tara n-nies sejrin jixtru. Meta tkun fil-pjazza tħossok li qiegħda f'xi ġnien għax tħoss l-arja pura u friska tal-kampanja. Meta nkun fil-pjazza nħossni ferħana u kuntenta li ngħix ġo dan ir-raħal. 

Dan ir-raħal huwa l-Baħrija u żgur li meta tasal ġo din il-pjazza ma tiddejjaqx. Din il-pjazza jisimha 'Pjazza Patri Martin Caruana'. 

Kimberly Bugeja (Form 1.1)
----------------------

Il-pjazza tar-raħal tiegħi li tinsab f'Ħad-Dingli hija wiesgħa u miftuħa. Il-pjazza jisimha Misraħ Franċ Abela. Imsemmija għal Franċ Abela għax dan kien l-ewwel Dingli li daħħal l-Imtieħen tar-raba' f'Ħad-Dingli. F'din il-pjazza hemm monument iddedikat għalih. 

Din il-pjazza tinsab fiċ-ċentru tar-raħal. Madwarha hemm diversi ħwienet, hemm il-każin, spiżjerija, tal-pastizzi, tal-ħwejjeġ u kafetterija. F'nofs il-pjazza hemm ukoll ġnien żgħir u bankijiet. F'kull staġun din il-pjazza jkollha l-fjuri mill-isbaħ. Ix-xjuħ tar-raħal jiltaqgħu wara nofsinhar fil-pjazza jitkellmu jew jieħdu xi tazza te. 

F'din il-pjazza jsiru diversi attivitajiet matul is-sena kollha. Fis-sajf ikollna l-lejla Maltija organizzat mill-każini tal-kunsill li jorganizzaw attivitajiet ukoll f'din il-pjazza, bħal kompetizzjonijiet tal-isbaħ kostum fil-karnival. Wirjiet tal-presepji u l-Via Sagra fir-Randan tibda minn din il-pjazza. F'Awwissu meta niċċelebraw il-festa ta' Santa Marija, din il-pjazza tkun mimlija daqs bajd bin-nies u bil-gabbani tal-ikel u tal-ġugarelli li ma jonqsux. Ġieli jiġu xi nies jiffilmjaw għal xi programm fuq it-televixin. Ommi qaltli li meta kienet żgħira ġew jidhru fuq programm speċjali u għamlu programm kollu fuq Ħad-Dingli u fil-pjazza tagħna. 

Il-Kunsill Lokali qed jipprova jagħlaq din il-pjazza mill-karozzi biex ikunu jistgħu jużawha iktar in-nies tal-lokal. Nispera li dan il-pjan jirnexxi ħalli aħna ż-żgħażagħ ikollna iktar fejn niltaqgħu mingħajr periklu. Jiena nħobb noqgħod nara l-kambjamenti sbieħ li tgħaddi minnhom il-pjazza Misraħ Franċ Abela. 

Justine Pace Gasan (Form 1.2)
----------------------


Il-pjazza tar-raħal tiegħi għandha forma ovali. Hemm ukoll arja safja. 

Ġo nofs il-pjazza nsibu l-knisja parrokkjali li hija mibnija f'forma ta' bajda. Wieħed jista' jsib ukoll żewġ ristoranti li huma magħrufa għal xi ikla tajba mal-ħbieb waqt li tiekol fenkata, ħanut tal-pastizzi, ħanut tax-xagħar u tal-laħam. Taħt wieħed mir-ristoranti, hemm xelter li ħafna nies kienu għadhom jieħdu gost imorru jżuruh. Is-sena li għaddiet fetaħ ħanut tal-inbid. Meta nkun miexja biex nixtri xi affarijiet mingħand l-istationery nara xi anzjani bilqiegħda quddiem wieħed mir-ristoranti. Hemm il-Kunsill Lokali fejn wieħed jista' jmur u jsaqsi xi ħaġa lil tal-kunsill. Hemm ukoll il-pompa tal-petrol li bħalissa qed tinbena f'post differenti. Tista' wkoll taqbad tal-linja minn hemm. Wieħed jista' wkoll isib ċentru ta' matul il-ġurnata għall-anzjani li jinsab fuq il-kunsill. 

Ħdejn il-knisja hemm il-bandli fejn ħafna tfal imorru jilagħbu. Ftit 'l isfel mill-bandli hemm l-għassa tal-pulizija. It-triq hija wiesgħa u l-karozzi m'għandhomx problemi biex jgħaddu u min irid jaqsam, hemm iż-zebra crossing. Fir-rebbiegħa nagħmlu festa li nsejħulha 'Festa Frawli' fejn jiġu ħafna nies biex jixtru l-frott u l-frawli bnin. Kull nhar ta' Ħadd wara l-quddiesa tara lit-tfal jiġru u jilagħbu fuq iz-zuntier. 

Tafu għal-liema pjazza qiegħda nirreferi? Mela jekk le, jiena qed ngħidilkom dwar il-pjazza tal-Imġarr. 

Laura Bonnici (Form 1.3) 


2 comments: