Tuesday, October 4, 2016

Serqa Kbira

Illum il-Ħadd filgħodu, jien u l-familja tiegħi ddeċidejna li se nieħdu liz-zija ta' missieri li ġiet mill-Ingilterra ġurnata Għawdex. Qed nieħdu tazza te sħuna u ftit ħobż mixwi biex issa nilbsu għax sar ħafna ħin.

Diġà għaddiet siegħa u għadna ma wasalniex iċ-Ċirkewwa għax it-traffiku miexi bil-mod il-mod qisu fekruna. Fl-aħħar wasalna u se nirkbu l-vapur biex immorru fil-gżira sabiħa t'Għawdex. Deħlin ir-Rabat fejn hawn suq enormi b'ħafna ħwejjeġ, ikel u oġġetti differenti ta' kull daqs u għamla. Ommi qed tixtri suvenir għaz-zija ta' missieri biex jibqa' tifkira. 

Ħdejn is-suq, hawn bank tal-flus u qegħdin naraw żewġt irġiel libsin iswed tuta. Qed nissuspettaw li huma ħallelin. Il-familja kollha beżagħna u wiċċna abjad karti bil-biża'. Jidher li ġej vann b'veloċità qawwija u minnu ħerġin tliet irġiel b'pistola f'idhom u deħlin dritt ġol-bank. Qed jisparaw bla ħniena u hemm ukoll xi nies feruti. Ommi qed iċċempel għall-ambulanza għax il-ftira sħuna tajba. Indunajna li aħna ma konniex żbaljati għax qed narawhom jisirqu l-flus u jpoġġuhom ġol-ixkejjer f'minuta.

Dal-mument missieri qed iċempel lill-pulizija biex jiġu malajr kemm jista' jkun qabel ma jaħarbu mill-post. Lanqas għaddew ħames minuti li waslu l-pulizija fil-post. Il-ħallelin qed jippruvaw jaħarbu imma mhux se jirnexxilhom għax il-pulizija qed jibblokkaw id-dawra tat-triq kollha. Il-pulizija qabduhom u mmanettjawhom u ser joħduhom l-għassa tal-pulizija. 

Ninsab ċerta li l-pulizija se tagħmel xogħolha sew u l-ħallelin se jieħdu dak li ħaqqhom. Jalla jispiċċaw il-ħabs biex jitgħallmu jekk iridu xi ħaġa jaħdmu għaliha u mhux jagħmlu ħerba u jisirqu. Din hija l-akbar serqa li qatt rajt! 

Sharona Zammit (Form 2.2)
-----

     Bank renomat ħafna b'ħaddiema responsabbli u b'servizz mill-aqwa huwa dak tal-'Bank of Valletta.' Wieħed dejjem jieħu gost jinqeda mill-bank tal-BOV f'Birkirkara.

     Anna qed taqdi l-aħħar klijent tal-ġurnata waqt li qalbha qed tħabbat sitta sitta. Jirnexxilha ġġib ruħha bħas-soltu mal-kollegi u l-klijenti tagħha. Il-ħin kien qed isir ġmielu. Stenniet l-arloġġ idoqq is-sitta biex tibgħat il-messaġġ lil sħabha li fl-istess waqt kienu qed jippreparaw biex jagħmmlu l-ikbar serqa li qatt saret. Anna toħroġ mill-bank bħas-soltu u terħilha lejn id-dar b'tal-linja. Ħadd ma kien raha titfi s-sirena, kienet ċerta minn dan. Omm u bint jidħku bejniethom, raġel xiħ jaqra l-gazzetta u xufier isaffar mad-diska ferriħija li qed tinstema' fuq ir-radju, kienu fuq il-bank ta' quddiemha. Ħadd ma jaf x'se jseħħ minn hawn u ftit sigħat oħra. Anna biss taf. Anna biss ħa ssir sinjura kbira, flimkien ma' sħabha, f'qasir żmien. 

     Jitkaxkru għal erba' sigħat sħaħ biex jgħaddu mill-passaġġ ta' taħt l-art li kienu ilhom iħaffru għal dawn l-aħħar sentejn. It-tliet ħallelin ibatu mhux ftit sa ma jaslu l-bank, imma għalkemm huma għajjenin, jinsabu wkoll eċitati, nervużi u mbeżża'. L-ewwel jisirqu d-djamanti u d-deheb kollu li jiġi f'idejhom, imbagħad jgħaddu biex jisirqu elufijiet ta' ewro li qegħdin hemm jistennewhom. Jirnexxilhom jerġgħu jmorru lura bla inkwiet u jċemplu lil Anna. B'idejhom jirtogħdu biex jgħidulha li l-pjan kien irnexxa.

     Kull stazzjon tat-televixin ixandar l-aħbar xokkanti li nsteraq il-bank tal-BOV f'Birkirkara. Hemm min hu impressjonat, hemm min hu ddiżgustat u hemm min hu inkwetat. Anna u sħabha qegħdin fil-ġenna tal-art, fuq iżola 'l-bogħod mill-bank tal-BOV, jirrilassaw, jixorbu u jieklu bla rażan, bħal ma jafu jagħmlu s-sinjuri!

Emma Camilleri (Form 2.3)
-----

     Jumejn ilu, wasalna fi Sqallija għal vaganza. Tlajna maz-ziju u maz-zija għax tawna din il-vaganza bħala rigal għal għeluq snini.
     Il-lukanda kienet spazjuża ħafna u arjuża wkoll. Morna nżuru l-postijiet ta' kultura, bajjiet u ħafna ġonna. Filgħaxija morna nieklu barra mil-lukanda. Illum, fit-tmienja ta' filgħodu niżlin nieklu ġor-ristorant tal-lukanda għax qed inħossuna għajjenin ħafna. Iz-ziju ddeċieda li jniżżel il-"laptop" tiegħu miegħu biex jara l-logħba tal-Juventus li tibda fid-disgħa. Għadha ma bdietx u z-ziju jsib l-okkażjoni li jidħol jiċċekkja l-kamera tas-"CCTV" tad-dar tiegħu. 
     Fid-daqqa u l-ħin, nisimgħu l-mowbajl taz-ziju u dak taz-zija jdoqqu flimkien. Iz-ziju u z-zija jħarsu lejn xulxin u lejn il-mowbajls u jaraw in-numru tad-dar tagħhom! Iz-ziju Alan jerġa' jmur fuq il-"laptop" u jibda jiċċekkja is-"CCTV" ta' kull kamra. Kif jasal fil-kamra tal-pranzu jilmaħ ħalliel ineħħi pittura u jsib sejf li jkun qed jipprova jiftħu. Jerġa' jmur fil-kamra tas-sodda u jara ħalliel ieħor igerfex fil-kxaxen kollha sakemm isib il-ġojjelli taz-zija Audrey u jitfagħhom ġo basket. 
     Fil-pront missieri ċempel 'il-pulizija ta' Malta u b'xorti tajba qed jinfurmawh li karozza tal-pulizija diġà tinsab fi triqithom lejn id-dar taz-zijiet. Bis-"CCTV" li hemm barra, qed jaraw iż-żewġ ħallelin ħerġin bil-għaġla minn ġod-dar taz-zijiet. F'ħakka t'għajn jiġu l-pulizija u l-ħallelin isibu ruħhom wiċċ imb'wiċċ ma' erba' pulizija mingħajr ebda ċans li jaħarbu.
     Fil-pront nindunaw li qed iċemplulna l-pulizija biex jinfurmawna li kollox jinsab taħt kontroll u li l-affarijiet misruqin ser ikunu d-'Depot.' Sejrin lura fil-kamra biex nippakkjaw l-affarijiet u niġu lura Malta. M'hemmx x'tagħmel, vaganza se tintemm ħesrem, imma rasna mistrieħa li kollox spiċċa b'wiċċ il-ġid. 

Giulia Farrugia (Form 2.1)

No comments:

Post a Comment