Saturday, March 11, 2017

Komponiment deskrittiv dwar persuna

Il-Ħabiba Tiegħi

Jien iltqajt ma' Ella l-ewwel darba ħafna snin ilu, meta bdejt l-iskola primarja. Ma tantx tkellimna għall-ewwel ftit li konna bdejna nsiru nafu lil xulxin. Waqt l-aħħar sena tal-primarja, bdejna niltaqgħu u nilagħbu flimkien qabel ma' jibdew il-lezzjonijiet u hekk bdiet il-ħbiberija li ngħożż tassew. 


Ella niexfa għuda u xagħarha lixx qisu spagetta minbarra t-truf li xi kultant jimbarmu. Wiċċha tawwali u spiss ikollha par wardiet roża, iktar u iktar meta tkun ġriet xi ġirja. Imneħirha twil, dritt u rqiq u magħmul sabiħ. Għajnejha kannella bħaċ-ċikkulata skura u mislutin sbieħ. Hija ma tużax nuċċali. Xofftejha sbieħ u mlaħħmin. Ella ftit itwal minni u saqajha twal u tiġri bħar-riħ u taqbeż bħal xi gidi. Timxi b'mod eleganti. Is-swaba' ta' idejha twal u rqaq, dejjem indaf. Il-lewn ta' wiċċha ċar u bla ponot jew nemex.

Hi kważi dejjem tkun kuntenta u ferħana. Meta tkun qiegħda titkellem itteptep għajnejha xi ftit. Ella simpatika, ħelwa u kwieta. Hija tifla intelliġenti u brava ħafna kif ukoll leali. Hi taf taqra bil-Franċiż, bl-Ingliż u bil-Malti. Ella tħobb tiżfen il-'ballet' u hi tajba fil-ġinnastika. Fis-sajf li għadda telgħat Londra għal kors tal-'ballet' u dalwaqt se tieħu sehem f'kompetizzjoni barra minn Malta. Meta tikber, Ella trid issir ballerina. 

Jien kuntenta ħafna li Ella hija l-ħabiba tiegħi. Ngħaddu ħafna żmien flimkien meta nistgħu, pereżempju waqt il-ħin liberu fl-iskola. Għandna ħafna affarijiet komuni u naħsbu l-istess ideat u xewqat. Nixtieq li dejjem nibqgħu ħbieb.

Sarah Valerie Casha (Form 1.2)
-----

Il-ġara tiegħi

Il-ġara tiegħi hija mara li tħobb taqra u tiżfen. Il-ġara tiegħi kollox tħobb tagħmel, issajjar, tilgħab bil-kompjuter, iddoqq il-pjanu u tkanta. 

Il-mara temmen fid-diversità. Minn dejjem kienet hekk. Meta kienet żgħira kienet parti minn komunità biex jikkonvinċu lin-nies li kulħadd huwa differenti imma kulħadd għandu jiġi trattat l-istess. Hi dejjem ferħana u jekk tara lil xi ħadd imdejjaq tkun trid tferrħu. 

Din il-mara għandha karattru simpatiku u ferrieħi. Xi drabi tkun vera storbjuża, għax kull filgħodu tixgħel ir-radju bil-volum miftuħ kollu. Xorta niggustaha għax hi toqgħod faċċata tiegħi u dejjem naraha tiżfen mad-daqqa tal-mużika. Josephine tħossha maħbuba u kuntenta, għandha qalbha tad-deheb. Meta tarani dejjem tixtrili l-ħelu. Jien dejjem nirringrazzjaha. Il-ġara tiegħi ma kont inbiddilha ma' xejn.

Bħal kulħadd, Josephine jkollha mumenti diffiċli. L-iktar ħaġa li ddejjaqni fiha huma l-manjeriżmi tagħha għaliex kull meta tkellimni, toqgħod iċċaqlaq idejha. Darba anki laqtitni tant kemm kienet qed iċċaqlaqhom. Ħafna drabi Josephine toqgħod tiġġieled ma' tal-posta għax iġġibilha l-ittri tard.

Josephine rqiqa u twila qisha lasta. Hi għandha wiċċha ċatt u kollu bil-ponot u bin-nemex. Josephine għandha farrett fuq xofftejha. Għandha xagħarha nnukklat u ppermjat. Xagħarha huwa kulur is-sema u għandha xi 'high lights' vjola. Kont ngħidilha li meta nikber nagħmel xagħri bħal tagħha. 

Josephine hija l-ġara favorita tiegħi. Ma nbiddilha ma' xejn. Inħobbha qisha z-zija tiegħi. Hi vera mara tal-ġenn.

Seyana Pisani (Form 1.3)
-----

Ħija Beppe

Għandi ħija jismu Beppe. Għandu erba' snin biss, jiġifieri jiena nieħu ħsiebu mal-papà u l-mamà. Jien noqgħod ma' Beppe f'Tas-Sliema, ġo dar kbira u sabiħa bi ġnien bil-fjuri ta' kull kulur.

Għandu wardiet ħomor u par għajnejn żoroq. Xagħru bjond u jleqq fix-xemx, filwaqt li l-kulur ta' wiċċu abjad karti. Iħobb jiekol il-pastizzi u għalhekk dejjem nixtrilu xi wieħed wara l-iskola. Iħobb jixrob il-ħalib u qatt ma tgħaddi ġurnata li ma jixrobx ftit minnu! Iħobb jilgħab noli miegħi u ma' ħija Gianni. Jilgħab ta' spiss ma' sħabu u mal-kuġini tiegħu.

Il-karattru tiegħu huwa wieħed ċajtier, dejjem jipprova jdaħħakni. Iħobb jitkellem u huwa simpatiku u ħelu. Imur għal-lezzjonijiet tal-futbol kull nhar ta' Sibt u narawh jilgħab bil-ballun. Beppe jħobb jara programm fuq it-televixin li jismu "Il-Ħajja ta' Ġugarell." Għandu żewġt iħbieb, Martin u Lucy li jiġu d-dar u joqogħdu jaraw it-televixin ma' Beppe. Aħna noqogħdu fl-istess kamra u xi drabi niġġieldu għaliex jiena nkun irrid nagħmel ix-xogħol u Beppe joqgħod jgħajjat u jagħmel ħafna storbju, b'hekk itellifni! 

Beppe huwa tifel bravu u jobdi lill-ġenituri tiegħu. Meta kont żgħira u kien għadu kif twieled, bkejt ħafna bil-ferħ. Għadni sal-lum ferħana bih u naħseb li huwa tifel speċjali ħafna. Jiena nħossni ffortunata ħafna li għandi lil Beppe bħala ħija.

Maya Micallef (Form 1.1)

No comments:

Post a Comment