Friday, October 6, 2017

Serqa Kbira

Għadhom is-sitta u nofs ta' filgħaxija imma diġà dlam ċappa. Illum m'għandix għażla, se jkolli noħroġ f'dan il-bard biex immur nixtri l-imberkin pitazzi li għandi bżonn għal għada, għall-iskola. Illejla l-pjazza tar-raħal tidher totalment differenti, fejn dejjem ikun hawn pandimonju sħiħ, illum ma tarax ruħ barra f'dil-kesħa. 

Wasalt viċin ħanut tad-deheb u bħalissa qed nilmaħ karozza tieqaf quddiem dan il-ħanut. Żewġt irġiel imlibbsin maskri suwed faħma u ħwejjeġ skuri ħerġin mill-karozza. F'idhom għandhom pistola u resqin lejn il-ħanut tad-deheb. Qalbi qed tħabbat sitta sitta kif qed nara l-ħallelin fil-ħanut. 

Wieħed mill-ħallelin qed jipponta pistola lejn sid il-ħanut waqt li qiegħed jgħeddu, il-ħalliel l-ieħor qed jitfa' d-deheb u l-ġojjelli kollha li qed jara quddiemu ġo xkora kbira. Sid il-ħanut għandu ħass ħażin kbir fuqu. Se nċempel lill-pulizija biex nirraporta dan kollu li qed iseħħ quddiem għajnejja. Bħalissa kull minuta tgħodd... iva! Qiegħda nisma' s-sireni tal-pulizija! Kollox qed jiġri f'ħakka t'għajn! Il-pulizija deħlin armati sa snienhom fil-ħanut biex iwaqqfu s-serqa. Mit-tieqa qed nara lill-ħallelin jiġu mmanettjati u b'geddumhom sal-art ħerġin b'rashom baxxuta bil-mistħija. Is-serqa ma rnexxietx u issa ħaqqhom ipattu qares għal din. 

Jien sejra d-dar b'idi f'idi. Il-pitazzi ma xtrajthomx imma nħossni sodisfatta li s-serqa ma rnexxietx bis-saħħa tiegħi u li kollox spiċċa b'wiċċ il-ġid. 

Martina Buttigieg (Form 2.2)
-----

Illum is-Sibt, ġurnata speċjali għalija għax ser nagħmel il-Griżma fil-Katidral tal-Imdina. Issa kulħadd lest mill-preparamenti allura ħerġin avolja għadu kmieni ħafna. Qed noqorbu lejn il-Katidral. Kuntenta imma fl-istess ħin imbeżża' għax irrid naqra l-Ewwel Qari u nippreżenta r-rigal lill-Arċisqof filwaqt li kulħadd ikun qed iħares lejja!

Qed nara wiċċ ommi jinbidel u issa fhimt għalfejn. Jien, ommi, missieri u oħti qed narawhom. Hemm karozza sewda pparkjata u żewġt irġiel irqaq u t-tnejn libsin barnuża sewda, deħlin fiha. Kellhom kalċi, ostji u deheb f'idejhom. Oħti qed tieħu n-numru tal-karozza. Telqu u dieħla fil-Katidral u nsib lill-Arċipriet mixħut mal-art mitluf minn sensieh. Missieri dieħel ukoll u qed iċempel lill-pulizija u għall-ambulanza. Qed nisimgħu is-sireni fil-qrib u issa waslu. X'ġenn hawn!

Qed nara lil sħabi ġejjin, dawk ma kellhomx jagħmlu l-Griżma miegħi għax għadhom ma jafux bil-biċċa tal-ħallelin. Ġejjin xi ġurnalisti jagħmlu xi mistoqsijiet ukoll. Issa għaddew sagħtejn ta' mistoqsijiet u ġenn fil-pjazza tal-Imdina u ninsabu fi triqitna lejn id-dar. Hawn ħafna traffiku, speċjalment is-Saqqajja u fi Triq il-Buskett. Naħseb il-kelma ġriet ferm iktar malajr milli ħsibt għax naħseb li kulħadd l-Imdina sejjer. 

Issa wasalna d-dar wara li domna ħafna mwaħħlin fit-traffiku. Il-kurżità tiegħi hija min kienu l-ħallelin u jekk hemmx xi nies oħra involuti. Kulħadd għajjien u kollha kemm aħna ntfajna fuq is-sufan u qed nixegħlu t-televixin biex nara l-aħbarijiet. Ġabu ritratt tagħna u qalu li sabu lil min seraq u weġġa' lill-Arċipriet, u hekk kissru ċirku ta' kriminali ieħor bis-saħħa tagħna! Aħna lkoll qed nagħmlu festin!

Julia Bezzina (Form 2.3)

No comments:

Post a Comment