Tuesday, November 21, 2017

Storja Umoristika

Meta morna Ħajk u Seħibti ġiet bit-Takkuna

Għodwa waħda kien it-Tnejn. Jennifer, waħda mill-ħbieb tal-qalb tiegħi ċemplitli biex is-Sibt ta' wara fil-ħamsa u kwart immorru ħajk. Jiena mill-ewwel għedt iva iżda għedtilha wkoll biex nistiednu lil Paula tiġi magħna.

Paula hija tifla ħelwa immens iżda ħa ngħidlek, xi kultant teqred ukoll. L-aktar ħaġa li tħobb hija l-moda. It-tlieta li aħna konna eċitati! Fl-aħħar is-Sibt wasal u l-ħamsa u kwart daqqu. Paula ovvjament damet sa tmiem id-dinja biex tasal! Meta fl-aħħar waslet kien laħaq kiber il-ħaxix kollu ta' madwarna. Malajr indunajna għalfejn damet għax ġiet b'takkuna twila daqs lasta ta' xkupa, xagħarha u l-irtokk kienu bħal meta tkun qisha sejra xi tieġ ta' xi ħadd demmu blu u ħafna aktar dandin. 

Lanqas ilħaqna mxejna passejn li ma sabitx ħofra, waqgħet u lwiet saqajha. Tgħidx kemm karbet bl-uġigħ u gergret. 'Addio' l-maskara li tefgħet fuq għajnejha għax kollu fuq ħaddejha spiċċa tant kemm għamlet għaġeb u bkiet. Kien qisu miet xi ħadd! Kienu għaddew ħames minuti biss u kont diġà ddejjaqt bix-xenati li għamlet. F'ħin minnhom għaddiet waħda mara minn ħdejna u jiena stħajt minflok Paula. Kulħadd beda jidħak b'dak iż-żarbun redikolu li kienet liebsa Paula. 

Insomma, fl-aħħar morna d-dar u naħseb li jiena u anki Jennifer naqblu li qatt m'aħna ser immorru ħajk ma' Paula. Ninsabu ċerti li żgur terġa' tagħmel xi waħda minn tagħha! 

Lara Fenech (Form 2.3) 
------
Meta Ntilef in-Nannu

Kien is-Sibt filgħodu. In-nannu Charlie kien sejjer il-Buskett bil-mixi. Waqt li kien miexi bil-kwiet ma ndunax li kien ħa triq b'oħra u spiċċa Ħad-Dingli. Hu baqa' miexi sakemm induna li xi ħaġa kienet ħażina. Din mhix it-triq li s-soltu jieħu, beda jgħid bejnu u bejn ruħu. Ħares madwaru u nduna li kien f'post differenti milli ħaseb. 

Issa n-nannu Charlie beda jinkwieta għax lanqas kien jaf fejn kien. Forsi kien għadu r-Rabat? Jew forsi sab ruħu xi mkien in-naħa l-oħra tad-dinja? Kien intilef waħda u sewwa u ma kienx jaf x'ser jaqbad jagħmel. Issa veru li ż-żmien isajjar il-bajtar imma dan il-qawl ma kienx jgħodd għan-nannu Charlie. 

Kompla miexi u sab ruħu għand tal-ħobż, daħal u staqsa 'l-furnar minn fejn kellu jgħaddi biex imur il-Buskett. Hi qaltlu biex meta joħroġ imur fuq ix-xellug imma meta n-nannu ħareġ mar fuq il-lemin. Spiċċa mar minn quddiem il-knisja u spiċċa ħdejn il-grawn tal-futbol. In-nannu issa qata' qalbu u ċempel lil ibnu biex jiġi għalih biex iwasslu l-Buskett. In-nannu ddeskriva fejn kien u ibnu qallu li kien ġej. 

Iben in-nannu ġie bil-karozza ħdejn il-grawnd tal-futbol. In-nannu daħal ġol-karozza u marru l-Buskett. In-nannu irringrazzjah u wara li telaq ibnu mar ġol-Buskett u qgħad hemmhekk għall-kwiet. 

Demetria Bugeja (Form 2.2)

Sunday, November 19, 2017

Vjaġġ għal Mars

Mela darba kien hemm xjentist jismu Marjo li kellu xewqa li jivvjaġġa ġol-ispazju, imma sfortunatament, dix-xewqa qatt ma setgħet isseħħ għax Marjo kien jiżen 'il fuq minn mija u għoxrin kilo!

Iva, qrajt sew. Kien oħxon ħafna! U taf għaliex? Marjo jiekol sitt ċikkulati 'Mars' kuljum! (Kemm iħobb dak il-karamel jinħall ġo ħalqu!) Kemm-il darba pprova jagħmel dieta imma qatt ma rnexxietlu. Darba fost l-oħrajn, naħseb li kiser ir-rekord tad-dinja u kiel tużżana ċikkulati 'Mars' iżda l-għada ġrat xi ħaġa inkredibbli.

Meta qam filgħodu, ħass ġismu jirtab aktar u aktar matul il-ħin, sakemm imbagħad ħares lejn il-mera u ħa l-akbar xokk ta' ħajtu u ħassu ħażin.

Sab ruħu f'ambjent differenti. Lemaħ qishom fosos fl-atmosfera, seba' blalen ġganteski. Wara, irrealizza li l-fosos kienu stilel u l-blalen kienu pjaneti. Kien liebes ilbies abjad u tqil ħafna, u f'rasu kien liebes elmu. Fejn kien ma setax jimxi imma jifflowtja biss seta', u kien ġo dinja differenti ħafna mid-dinja tagħna. Kien ġod-dinja tal-ispazju fejn tant xtaq imur hu. Ma damx wisq ma qabdu l-ġuħ, imma hemm ikel ma kienx hemm u kien diġà jaqbad jirrabja, waqa' u ħabat rasu ma' sieq is-sodda.

Malajr intebaħ li l-vjaġġ li kien għamel sal-pjanetà Mars ma kien xejn għajr ħolma sabiħa. 

Michaela Zammit (Form 1.1)