Sunday, November 19, 2017

Vjaġġ għal Mars

Mela darba kien hemm xjentist jismu Marjo li kellu xewqa li jivvjaġġa ġol-ispazju, imma sfortunatament, dix-xewqa qatt ma setgħet isseħħ għax Marjo kien jiżen 'il fuq minn mija u għoxrin kilo!

Iva, qrajt sew. Kien oħxon ħafna! U taf għaliex? Marjo jiekol sitt ċikkulati 'Mars' kuljum! (Kemm iħobb dak il-karamel jinħall ġo ħalqu!) Kemm-il darba pprova jagħmel dieta imma qatt ma rnexxietlu. Darba fost l-oħrajn, naħseb li kiser ir-rekord tad-dinja u kiel tużżana ċikkulati 'Mars' iżda l-għada ġrat xi ħaġa inkredibbli.

Meta qam filgħodu, ħass ġismu jirtab aktar u aktar matul il-ħin, sakemm imbagħad ħares lejn il-mera u ħa l-akbar xokk ta' ħajtu u ħassu ħażin.

Sab ruħu f'ambjent differenti. Lemaħ qishom fosos fl-atmosfera, seba' blalen ġganteski. Wara, irrealizza li l-fosos kienu stilel u l-blalen kienu pjaneti. Kien liebes ilbies abjad u tqil ħafna, u f'rasu kien liebes elmu. Fejn kien ma setax jimxi imma jifflowtja biss seta', u kien ġo dinja differenti ħafna mid-dinja tagħna. Kien ġod-dinja tal-ispazju fejn tant xtaq imur hu. Ma damx wisq ma qabdu l-ġuħ, imma hemm ikel ma kienx hemm u kien diġà jaqbad jirrabja, waqa' u ħabat rasu ma' sieq is-sodda.

Malajr intebaħ li l-vjaġġ li kien għamel sal-pjanetà Mars ma kien xejn għajr ħolma sabiħa. 

Michaela Zammit (Form 1.1)

No comments:

Post a Comment