Tuesday, May 1, 2018

Komponiment deskrittiv dwar post.

Darba fost l-oħrajn mort mixja fil-kampanja qalb is-siġar u l-pjanti. Wara ftit ġejt wiċċ imb'wiċċ ma' post tal-għaġeb. Lanqas stajt nemmen lil għajnejja. 

Kien post qisu dak li taqra fuqu fil-kotba tal-fantasija. Kif tħares tara kaskata twila xi tliet metri. Il-kaskata qisha kienet nieżla minn fuq taraġ. Min jaf x'kien hemm warajha. Din il-kaskata kienet tipprovdi l-ilma għall-għadira mdaqqsa. F'din l-għadira kien hemm ħut ta' kull għamla u tip, ammont kbir ta' fjuri u 'lillypads.' Nimmaġina li kien hemm xi żrinġ moħbi fl-ilma wkoll.

Rajt ċinji eleganti ħafna. F'daqqa waħda rajt qawsalla għaddejja minn fuq l-għadira. Proprju tal-fantasija. Mal-art kien hemm weraq ta' kull lewn, jiena ġbart tnejn u daħħalthom fil-but. Xammejt riħa ta' ħaxix niedi. Naħseb kienet għadha kif għamlet ix-xita. Xammejt ukoll riħa ħelwa ta' fjuri. Rajt siġra tal-frawli u qtajt waħda u kiltha. Kellha togħma tal-ġenn. M'hemmx kliem biex tiddeskriviha. Bdejt nisma' l-għanja ħelwa tal-għasafar mill-bogħod u l-ilma nieżel mill-kaskata għal ġol-għadira. Għalaqt għajnejja u qgħadt nisma'. Ħassejt xi ħaġa f'xagħri. Kien farfett iswed bl-oranġjo. Kien qisu ried jgħidli xi ħaġa. 

Ma ridtx nitlaq imma l-mamà kienet qed tistenna. Xi darba nerġa' niġi. Sigriet bejni u bejn in-natura. 

Martina Fleri (Form 1.1) 


-----

Dan huwa post verament meraviljuż, mimli fjuri kkuluriti, ilma ġieri u ħut jgħum fl-ilma ċar. In-natura f'din l-istampa hija meraviljuża li ġġiegħlek taħseb is-sbuħija tal-ħolqien. 

Ir-riħa ta' fjuri u arja friska tferraħni ħafna. Iċ-ċinji għasafar tassew sbieħ u ħelwin. Din ix-xena tagħmilni kalma u rrilassata timlini bil-ferħ u bil-paċi. Nixtieq ħafna kieku nista' ngħix f'dan il-post, li jfakkarni f'meta kont żgħira u konna mmorru passiġġati f'meta kont żgħira u konna mmorru passiġġati fil-kampanja. L-ilma nieżel bis-saħħa, iqabbadni aptit li mmur ngħum, kif ukoll nixrob xi xarba friska. 

Kieku nista' nieħu ritratt ta' dan il-post u nwaħħlu f'kamarti, ħalli nkun nista' nħares lejh meta rrid. B'hekk meta nkun imdejqa, mill-ewwel jgħaddili. Qisu ġenna tal-art! Meta nħares lejn din ix-xena, jiġini aptit li noħroġ il-kuluri u nibda npinġi bħal artista brava. Hawnhekk tinsa t-toqol tal-ħajja u l-istress ta' kuljum. Ifakkarni wkoll fil-mużika klassika li n-nannu jħobb jisma' meta mmur narah nhar ta' Ħadd mal-familja tiegħi. 

Nispera li jkolli ċans nara postijiet interessanti bħal dan. Nimmaġina li barra minn Malta, jeżistu xeni li meta wieħed iħares lejhom, jibqa' mistgħaġeb. 

Amy Borg Finn (Form 1.2)

-----

Inħossni ffortunata li fir-raħal tiegħi hemm dan il-wied tassew sabiħ, kif inhu magħruf bħala Wied in-Nixxiegħa. Il-ħoss tal-ilma ġieri jċarċar mal-blat, it-tpespis tal-għasafar tal-bejt, ir-riħa tal-ħaxix niedi u l-arja nadifa jagħmlu dan il-post, wied pittoresk jew aħjar ġenna tal-art. Speċjalment f'xi ġurnata sabiħa tar-rebbiegħa. 

Meta mmur, inħobb noqgħod bilqiegħda fuq xi bank għal għajn ix-xemx nisma' l-ħsejjes rilassanti, inħoss l-arja friska ma' wiċċi u nxomm ir-riħa tal-fjuri u l-ħamrija mxarrba. Mhux darba jew tnejn li tmur għajni bija u nqum nitbissem niftakar fl-għażiż nannu. Marbuta ma' dan il-post pittoresk għandi memorji wisq sbieħ tan-nannu. Dan il-post nafu sew għax minn ċkuniti, in-nannu kien joħodni nilgħab ġo dan il-wied. Niġri ġol-arja pura qalb is-siġar u l-fjuri kkuluriti, selvaġġi, li dan il-wied hu mdawwar bihom, nipprova naqbad il-friefer u l-insetti. 

Illum il-ġurnata mmur waħdi ġol-ġnien nirrilassa fl-ambjent pur, naqra xi ktieb. Minflok naqbad il-friefet, noqgħod nammira s-sbuħija tal-ilma jċarċar mal-blat. Waqt li nitma' ċ-ċinji u ż-żrinġijiet ġol-vaska, inħoss l-istess ferħ u hena ta' meta kont niġi l-wied man-nannu fi tfuliti. 

Kiera Sciculuna (Form 1.3) 

Thursday, March 22, 2018

Komponiment deskrittiv dwar xi ħadd

Il-personaġġ li għażilt li nitkellem fuqu hija ommi. Lil ommi ilni nafha minn meta twelidt, allura ma jistax jonqos li jien naf ħafna affarijiet dwarha. Kienet l-ewwel persuna li smajt leħinha, kif ukoll kien tagħha l-ewwel wiċċ li rajt bi tbissima kbira fuqu. Ommi jisimha Silvana u għandha ħamsa u erbgħin sena. Hija wkoll l-omm ta' żewġ ħuti oħra. 

Ommi għandha xagħarha kannella b'leħħa ħamranija fih. Għandha wkoll nuċċali tal-vista biex tara aħjar. Hija mara twila kif ukoll misluta. Ommi taħdem l-Isptar Mater Dei u xogħolha huwa li tanalizza d-demm fil-laboratorju tal-'Haematology.' Ix-xogħol tagħha tassew interessanti u għandha responsabbiltà kbira. 

Fil-ħin liberu tagħha, ommi tħobb tmur il-'gym.' Hija tattendi erba' darbiet fil-ġimgħa biex iżżomm ruħha attiva u b'saħħitha. Ommi tħobb ukoll issuq ir-rota. Fil-fatt, ommi, jiena u ħija nħobbu mmorru xi ġirja bir-rota flimkien. Il-kulur favorit tagħha huwa l-aħdar u tħobb tixtri ħwejjeġ u affarijiet tad-dar tal-kulur aħdar. Il-mamà tħobb ħafna l-annimali. Aħna għandna bosta annimali domestiċi d-dar u ħafna mid-drabi tkun hi li tieħu ħsiebhom. Il-kelba tagħna dejjem tiġri warajha u qisha d-dell t'ommi. L-ikla favorita tal-mamà hija l-insalata mħawra bit-tiġieġ. 

Ommi tħobb ħafna l-familja u tagħmel kollox għalina biex tarana kuntenti. Issajjar ikel bnin, tnaddaf id-dar, twassalna kull fejn ikollna bżonn u taħslilna ħwejjiġna. Hija dejjem hemm biex tagħtina s-'support' u meta nkunu xi ftit ma nifilħux ddur bina daqs l-aqwa tabib. 

Jiena nammira ħafna lil ommi għax fiha nara kwalitajiet tajbin. Għandha qalbha tad-deheb u dejjem pronta biex tgħin, mhux lilna biss imma lil kulħadd. Għalija ommi tfisser ħafna u hija bastun li fuqu nistrieħ. 

Elena Spiteri (Form 1.1) 


-----

Hemm tifla fil-klassi tiegħi, mhux qiegħda bilqiegħda 'l-bogħod minni. Din it-tifla għandha ħafna passatempi, hija tħobb toħroġ u tilgħab bil-kompjuter iżda l-iktar passatempi għal qalbha huma l-kant u l-mużika. Hi taf iddoqq numru kbir ta' strumenti differenti.

Għandha xagħarha iswed faħma, naturali u ftit innukklat. Għandha għajnejha kannella u l-karnaġġjon tagħha bajdani mhux ħażin. Għandha l-wardiet roża u wiċċha lixx. Hija mhux twila iżda mhux xi qasira lanqas. Mhix niexfa għuda imma ftit mibruma. 

Din it-tifla tħobb ħafna l-moda imma żgur mhux ser tilbislek xi libsa mimlija fosos jew antaċċoli. Xagħarha dejjem tħallih imniżżel bl-istess stil tas-soltu imma ġieli tħallih imniżżel u lanqas biss tippettnah. Qatt ma tilbes ġojjellerija ħlief par imsielet iżda tħobb kollox sempliċi. Hi ma tantx tispjega ruħha sewwa, meta tispiċċa tfiehmek xi ħaġa tispiċċa tfixklek!

Hija tifla veru ferriħija. Xi kultant tkun veru storbjuża imma xorta simpatika ħafna. Din it-tifla hija veru altruwista u temmen ħafna fid-diversità. Tittratta lil kulħadd l-istess u jekk tara lil xi ħadd fil-bżonn dejjem tkun b'qalbha f'idha biex tgħin. Hija leali u dejjem tgħid il-verità. Kulħadd iħares lejn din it-tifla bħala waħda kreattiva, dejjem toħroġ b'ideat differenti u hija valur miżjud għall-klassi tagħna. Taħseb li qtajt min hi? Din it-tifla hija Emma Curmi!

Ella Trapani (Form 1.2) 
-----

Jien noqgħod San Ġiljan, Triq il-Baħar l-Iswed u ħdejna joqgħod raġel xi ftit xiħ jismu Ċikku. Ilu joqgħod fit-triq tagħna għal xi tlettax-il sena. 

Ċikku huwa twil u għandu xagħru lewn abjad u griż. Jilbes nuċċali iswed u dejjem jilbes qmis u qalziet. Anki biex jaħsel il-karozza! Għandu wiċċu ftit kbir u mkemmex. Hu mhux miżżewweġ imma kien issepara ftit żmien ilu u issa qed jgħix ma' mara u xi drabi jiġi joqgħod miegħu t-tifel tiegħu. In-nies li joqogħdu fl-istess triq tagħna kważi kollha jaħsbuh naqra stramb. 

Ċikku għandu ħabta meta jitkellem, kważi qatt ma jidħak. Nistħajlu qed iħossu mdejjaq! U mhux magħna biss! Sa fejn naf jien, ma' kulħadd jagħmel hekk. Ċikku għandu xi ħames karozzi u ma nafx għalxiex. Qisu qed jipprova jbigħ. Ċikku veru jixtieq jixtri d-dar tagħna imma l-mamà u l-papà qatt ma ċedewlu. Ċikku jħobb jagħmel ħafna storbju. Pereżempju, billi joqgħod jimxi mad-dar u jċaqlaq is-siġġijiet. Ċikku ma jħobbux l-istorbju. Nafu dan għax kull meta ħija jdoqq xi diska tal-banda bit-trumbetta kbira (li anki jien nobgħod!), joqgħod igerger u mbagħad jagħmel ħafna storbju hu stess. Din hija xi ħaġa li ma nistax nifhem. Naħseb li ddejqu s-sħana taħraq tas-sajf ukoll għax darba rajtu fil-garaxx tiegħu bil-flokk ta' taħt taċ-ċingi. Jiddejjaq ukoll meta jirċievi r-reklami fil-posta. 

Biex ngħidilkom il-verità, jien nibża' ftit minnu! Madanakollu ma nista' nagħmel xejn dwar dan. Kull ma nista' nagħmel hu li nispera li jinbidel il-karattru tiegħu!

Enrica Mifsud Bonnici (Form 1.3)

Tuesday, March 13, 2018

Riċensjoni

Jien inħobb naqra l-aktar kotba ta' avventura. Dan l-aħħar kont qed naqra l-ktieb 'The Jungle Book.' Kien fih ħafna misteri u immaġinazzjonijiet. Vera għoġobni minħabba dawk ir-raġunijiet. 


L-istorja titqassam fi tliet volumi u jien s'issa lestejt l-ewwel ktieb. L-istorja ħallietni bla nifs għax il-ħin kollu naħseb x'ser jiġri. Fl-istorja daħlu kemm l-annimali, kif ukoll il-persuni. Il-karattri tal-annimali kienu ors jismu Baloo, pantera jisimha Bagera, lupu jismu Ikela u tigra jisimha Sherkan. Il-persuni kienu tifel li jismu Mowgli u tifla jisimha Shanty. 

L-istorja tibda billi Ikela kienet qiegħda ddur ħdejn xmara ġo ġungla fejn semgħet tarbija tibki ġo dgħajsa wieqfa. Marret tara, ġabritu u hemmhekk tawh isem hi u l-ilpup l-oħra. Mowgli t-tifel qalulu fejn sabuh u xejn ma kien jaf meta kiber.

Iż-żmien kompla jgħaddi u Mowgli għamel ħbieb ma' Baloo li kien l-ors u Bagera l-panter. Fl-istorja Mowgli ma kellux ħajja faċli għax ġol-ġungla tigra riedet toqtlu. L-istorja spiċċat billi Mowgli mar ħdejn xi xmara li tmiss ma' raħal fejn kienu joqogħdu n-nies. Ra din it-tifla timxi 'l hemm u ġara li mar warajha. Wara l-annimali ndunaw fejn mar u ferħu. L-istorja tkompli fit-tieni u t-tielet ktieb. 

Xtaqt inkun naf kif tkompli imma jkolli nistenna sakemm inġib il-kotba l-oħrajn. L-awtriċi tal-istorja jisimha Miles Kelly. Hija taf tikteb kotba tajbin dwar avventuri. 

Mariah Farrugia (Form 2.2)

-----

Ktieb li qrajt dan l-aħħar huwa "Harry Potter and the Chamber of Secrets." Ħadt ħafna gost naqrah għax iħallik b'nifsek maqtugħ. Iġiegħlek taħseb ħafna u jdawwarlek il-ħsibijiet ta' taħt fuq. Huwa t-tieni ktieb minn sett ta' seba' kotba. 

Il-karattri prinċipali huma, Harry Potter, Ron Weasley u Hermione Granger. Ron kien tifel irqiq u twil, bin-nemex u kien ġej minn familja ta' sħaħar. Kien l-iżgħar tifel, fost sebat itfal. Harry Potter kien tifel saħħar li fis-sajf kien jgħix maz-zijiet u l-kuġin tiegħu. Ommu u missieru mietu f'attakk kontra Voldemort, waqt li hu spiċċa biss b'marka ta' sajjetta fuq moħħu. Hermoine hija l-aqwa studenta tas-sena tagħhom, tħobb taqra u tistudja, ġejja minn familja ta' nies li mhumiex sħaħar. 

Bħas-soltu, Harry kellu sajf tad-dwejjaq u kellu seba' mitt sena biex imur l-iskola, jiltaqa' ma' sħabu. Meta beda jippakkja għall-iskola ġie avżat minn 'elf' li m'għandux imur l-iskola għax jinħoloq diżastru kbir kemm għalih u kif ukoll għal kulħadd. Wara ftit, hekk kif wasal Harry, beda jisma' lil xi ħadd jitkellem u minn hemm kollox mar għall-agħar. It-tieni sena ta' Harry f'Hogwarts kienet sena tal-biża' għal kulħadd, b'monstru li jattakka lit-tfal u jħallihom bi trawma. Harry u ħbiebu raw kif isolvu dan il-misteru biex jiskopru min, għalfejn u fejn kienet il-kamra tas-sigrieti. 

Din l-istorja hija ambjentata fl-iskola ta' Hogwarts f'bini enormi, antik, bi storja twila. Huwa post bi kmamar sigrieti, fatati, kmamar fejn jidher il-ħares, b'partijiet mudlama u swali kbar.

Dan il-ktieb ġie miktub minn J.K Rowling u ġie ppubblikat fl-1998. Ħareġ ukoll film dwar dan il-ktieb fl-2002. Joanne Rowling kitbet dan il-ktieb fuq il-ferrovija fi triqitha lejn ix-xogħol. Rowling kitbet kotba oħra ta' Harry Potter u d-dinja tiegħu. 

Francesca Anastasi (Form 2.3) 

Wednesday, February 28, 2018

Storja fit-tielet persuna

Kien it-Tnejn filgħodu u l-kuġina Nicole li għandha tlettax-il sena u oħti Martina ta' għoxrin sena, iddeċidew li jmorru l-Belt Valletta biex jixtru xi ħwejjeġ għall-Milied. Ippjanaw li jmorru matul il-ġimgħa peress li kellhom il-vaganzi tal-Milied. 

Telqu bil-karozza t'oħti u saqet hi. Xħin waslu nofs triq, qabdet nieżla xita bil-qliel. Oħti ma bdiet tara xejn waqt li kienet qed issuq u bdiet tippanika ħafna, u għalhekk tilfet il-kontroll tal-karozza. F'daqqa waħda, ħabtet ġo ħajt tas-sejjieħ u bid-daqqa li ħadu, il-karozza nqelbet. Il-karozza spiċċat fi stat ħażin, iżda l-kuġina u oħti ma dehrux imweġġgħin gravi. Fejn ġara l-inċident kien hemm mara li kienet miexja u rat dak kollu li ġara. Kif rat il-karozza bin-nies ġo fiha maqluba, ċemplet għall-għajnuna. Ftit tal-minuti wara, waslu l-pulizija, l-ambulanza u tal-Protezzjoni Ċivili. Peress li kien hemm ħafna traffiku, il-pulizija mexxew it-traffiku u tal-Protezzjoni Ċivili ħarġu lil oħti u 'l-kuġinti mill-karozza. L-ambulanza ħadithom l-isptar biex jiġu kkurati. 

Il-familja tiegħi u ta' kuġinti ġiet infurmata b'dak li ġara u lkoll kemm aħna morna nżuruhom l-isptar. Kull ma kellhom kien naqra ksur, għalhekk ma damux ma ħarġu mill-isptar. Oħti għall-bidu bdiet tibża' terġa' tibda ssuq imma wara naqra kuraġġ kellha tixtri karozza oħra u reġgħet bdiet issuq. Nirringrazzja 'l Alla li dan l-inċident spiċċa b'wiċċ il-ġid. 

Aimee Agius (Form 1.1)
-----

Għodwa waħda, iz-zija Edith kienet qiegħda twassal lit-tifla tagħha l-iskola. Kuġinti Martina, kienet qiegħda tilgħab bil-mowbajl t'ommha fuq wara tal-karozza. Martina kienet eċitata għax dakinhar kellha eżami tal-Ingliż. 

Dan kien l-ewwel eżami li qatt għamlet u għalhekk għamlet ħilitha biex tmur tajjeb iżda fejn bassret x'kien ser jiġri?  F'ħabta u sabta l-ħġieġ tal-karozza niżel kollu fuqhom. Huma kienu ħabtu ma' karozza oħra li kien qiegħed isuqha raġel. 

Martina bdiet tippanikja għax kienet ser titlef l-eżami iżda mara b'qalbha tad-deheb offriet li twassal lil kuġinti għax anki hi kellha tifla li tmur fl-istess skola tagħha. Allura Martina telgħet magħha. Waqt li kienu fil-karozza, Martina u l-mara t-twajba, kif ukoll it-tifla tagħha, flimkien qalu r-rużarju. Meta waslet, sabet lil sħabha bilqiegħda fil-klassi lesti li jieħdu l-karta tal-eżami. Wara li marret tlaħlaħ naqra wiċċha, reġgħet daħlet ġol-klassi, fejn irċiviet il-karta tal-eżami. Meta bdiet taħdem il-mistoqsijiet ma setgħetx tiffoka ħafna, allavolja ma kinitx weġġgħet waqt l-inċident. Hi kienet għadha inkwetata fuq dak li ġara filgħodu u anki taħseb kif baqgħet ommha. 

Kif spiċċa l-eżami, Martina ħarġet tfittex lil ommha u ħadet ir-ruħ xħin rat li kienet qawwija u sħiħa. Meta għadda ftit taż-żmien, kuġinti rċiviet ir-riżultati u serħet  rasha għax kellha marka tajba. Għalkemm għaddiet minn esperjenza kerha, fl-aħħar mill-aħħar kollox intemm b'wiċċ il-ġid.

Hayleigh Baldwin (Form 1.2)
-----

Kienet l-għodwa tas-26 t'April. Iż-żewġt iħbieb, Marija u Lina kienu fi triqithom lejn il-kampanja. 

Huma u mixjin, affaxxinaw ruħhom bis-sbuħija tan-natura. Billi t-temp kien sabiħ, is-siġar kienu mimlijin bl-għana tal-għasafar. Marija u Lina tant ħassewhom ferħanin li bdew jaqbżu u jogħlew qalb il-ħaxix ħadrani u frisk.

F'daqqa waħda saqajhom marru fuq tavla li kienet tgħerriet bix-xita u bil-maltemp. Din inqasmet u t-tfal sabu ruħhom ġo ħofra. B'xorti tajba, ma kienx hemm ilma ġol-ħofra! Lina u Marija weġġgħu xi ftit iżda aktar kellhom qatgħa kbira fuqhom.

Huma bdew jibku għax ħasbu li ma kinux ser isibu għajnuna. Bdew jgħajtu kemm jifilħu għall-għajnuna. Ix-xemx bdiet nieżla u beda jidlam. Beda jaħkimhom il-ġuħ u l-għatx. F'daqqa waħda semgħu kelb jinbaħ riesaq lejn il-ħofra. 

Xħin il-kelb sema' l-ilna tat-tfal, dan aktar beda jinbaħ. Sadanittant wasal sid il-kelb. Xħin lemaħ lill-kelb jinbaħ ħdejn il-ħofra, induna li kien hemm xi ħadd fil-ħofra. Ħares 'l isfel u lemaħ liż-żewġt itfal. Dan dlonk ċempel għall-għajnuna. L-ambulanza kienet fuq il-post f'qasir żmien. 

Din kienet esperjenza kerha għal Marija u Lina. Żgur li kienu ser imutu hemm isfel li kieku ma sabhom ħadd.

Nisrin Elouni (Form 1.3)

Wednesday, January 24, 2018

Ittra informali

"Prinċipessa Żgħira,"
Triq tal-Ajżar,
Ħal Safi,
SFI 1161

Is-17 ta' Jannar, 2018

Għażiża Courtney,

Kif inti l-ewwel nett? Jiena ninsab tajba ħafna. Qiegħda niktiblek din l-ittra sabiex ngħidlek jekk tridx li l-ġimgħa d-dieħla niltaqgħu biex nistudjaw flimkien. 

Fl-opinjoni tiegħi, dan il-mezz ser jgħinna, biex nifhmu aħjar is-suġġett u jekk xi waħda minna jkollha xi problema, inkunu nistgħu ngħinu lil xulxin. Jekk trid, it-Tnejn li ġej wara l-iskola, ibqa' ġejja għandi, nagħmlu x-xogħol tal-iskola u wara noqogħdu nistudjaw fil-kamra tiegħi. 

Nispera li taċċetta din l-istedina għax naħseb li jekk naħdmu flimkien immorru tajjeb. Nistenna risposta mingħandek.

Dejjem tiegħek,
Kimberley.

Kimberley Abdilla (Form 1.1)

Wednesday, January 17, 2018

Komponiment deskrittiv

Kulħadd għandu l-metodi differenti ta' kif jaqra, imma Lisa għandha l-mod speċjali tagħha. Meta taqra, Lisa tidħol wisq fl-istorja. 

Lisa hija tifla li għandha madwar għaxar snin. Xagħarha iswed u dejjem marbut. Il-wardiet ta' wiċċha dejjem ħomor u dejjem bi tbissima fuq wiċċha l-aktar meta tkun qed taqra xi ktieb. Dejjem b'xi libsa qisha nanna u bil-bwiez tas-suf. Hija tifla kwieta u dejjem waħedha. Meta titkellem magħha tinduna li hija intelliġenti. 

Meta taqra Lisa dejjem tidħol b'ruħha u ġisimha fl-istorja, speċjalment meta tkun qed taqra ħrafa. Hawnhekk Lisa qrat dal-ktieb u qed timmaġina lilha nnifisha fuq siġra twila, twila u fuq din is-siġra hemm ħafna fjuri stampati. Fuq is-siġra hemm Lisa rieqda bil-ktieb fuqha. Dis-siġra tant hi twila li tista' tara s-sħab taħtha. Is-sħab qishom ħelu artab kbar iduru fl-arja, li jekk toqgħod fuqhom tkun qisek qiegħda fuq il-qoton. 

Il-fjuri li hemm mas-siġra huma kollha kuluri qishom lellux. Mis-siġra ħerġin ħafna friegħi u minnhom ħiereġ ħafna ħelu f'forom ta' qlub. Il-qlub kollha kuluri u skont il-kulur, it-togħma. Wara s-siġra hemm sħabha kbira imma din differenti għax fin-nofs għandha l-kulur. 

Din hija storja waħda biss minn dawk kollha li qrat. F'kull storja Lisa timmaġina xi ħaġa differenti.

Michaela Camilleri (Form 2.3) 

------

F'dan ir-ritratt, qed nara tifla rieqda fuq siġra mimlija qlub u disinni. Jien ser insemmiha Alice. Din it-tifla għandha bejn wieħed u ieħor tmien snin. Għandha xagħarha iswed tuta u għandha wiċċha tond bi ftit nemex. Il-karnaġġjon t'Alice huwa abjad karti. F'din l-istorja jiena u l-immaġinazzjoni tiegħi ser nispjegaw kif spiċċat f'din id-dinja mimlija siġar u ferħ. 

Alice kienet qiegħda d-dar. Kienet spiċċat mill-istudju kollu tagħha u ddeċidiet li taqra l-ktieb favorit tagħha. Marret fil-kamra tas-sodda u bdiet taqra. Alice kienet tifla intelliġenti ħafna, kellha mneħirha dejjem ġo ktieb. Kienet taqra kotba ta' kull forma u għamla. Tħobbhom b'qalbha kollha! Did-darba, Alice qed taqra ktieb tal-fantasija li jismu "Snow White." 

Meta waslet f'nofs il-ktieb, raqdet. Bdiet toħlom fuq affarijiet tal-fantasija, li jiġifieri ma jiġrux fil-ħajja vera. F'din il-ħolma, hi qiegħda miexja ġo foresta iżda din ma kinitx foresta tas-soltu. Hemmhekk, kif tħares 'il fuq tara qawsalla kbira ħafna li qisha tagħti l-kulur lis-siġar kollha. Is-siġar mhumiex tas-soltu. Dawn is-siġar għandhom il-kuluri u d-disinni fuqhom. Hemm waħda blu, waħda ħamra u anke waħda roża. Tgħidx kemm qiegħda għall-kwiet!

Alice qiegħda tidher tielgħa ma' siġra roża u din taħseb li rieqda fuqha iżda hi biss ħolma. Wara ftit sigħat, Alice qamet u stenbħet li din kienet ħolma li ma setgħetx torqod. Nispera li xi darba nkun nista' mmur fuq avventura bħal din. 

Ella Aquilina (Form 2.2)