Kien post qisu dak li taqra fuqu fil-kotba tal-fantasija. Kif tħares tara kaskata twila xi tliet metri. Il-kaskata qisha kienet nieżla minn fuq taraġ. Min jaf x'kien hemm warajha. Din il-kaskata kienet tipprovdi l-ilma għall-għadira mdaqqsa. F'din l-għadira kien hemm ħut ta' kull għamla u tip, ammont kbir ta' fjuri u 'lillypads.' Nimmaġina li kien hemm xi żrinġ moħbi fl-ilma wkoll.
Rajt ċinji eleganti ħafna. F'daqqa waħda rajt qawsalla għaddejja minn fuq l-għadira. Proprju tal-fantasija. Mal-art kien hemm weraq ta' kull lewn, jiena ġbart tnejn u daħħalthom fil-but. Xammejt riħa ta' ħaxix niedi. Naħseb kienet għadha kif għamlet ix-xita. Xammejt ukoll riħa ħelwa ta' fjuri. Rajt siġra tal-frawli u qtajt waħda u kiltha. Kellha togħma tal-ġenn. M'hemmx kliem biex tiddeskriviha. Bdejt nisma' l-għanja ħelwa tal-għasafar mill-bogħod u l-ilma nieżel mill-kaskata għal ġol-għadira. Għalaqt għajnejja u qgħadt nisma'. Ħassejt xi ħaġa f'xagħri. Kien farfett iswed bl-oranġjo. Kien qisu ried jgħidli xi ħaġa.
Ma ridtx nitlaq imma l-mamà kienet qed tistenna. Xi darba nerġa' niġi. Sigriet bejni u bejn in-natura.
Martina Fleri (Form 1.1)
-----
Dan huwa post verament meraviljuż, mimli fjuri kkuluriti, ilma ġieri u ħut jgħum fl-ilma ċar. In-natura f'din l-istampa hija meraviljuża li ġġiegħlek taħseb is-sbuħija tal-ħolqien.
Ir-riħa ta' fjuri u arja friska tferraħni ħafna. Iċ-ċinji għasafar tassew sbieħ u ħelwin. Din ix-xena tagħmilni kalma u rrilassata timlini bil-ferħ u bil-paċi. Nixtieq ħafna kieku nista' ngħix f'dan il-post, li jfakkarni f'meta kont żgħira u konna mmorru passiġġati f'meta kont żgħira u konna mmorru passiġġati fil-kampanja. L-ilma nieżel bis-saħħa, iqabbadni aptit li mmur ngħum, kif ukoll nixrob xi xarba friska.
Kieku nista' nieħu ritratt ta' dan il-post u nwaħħlu f'kamarti, ħalli nkun nista' nħares lejh meta rrid. B'hekk meta nkun imdejqa, mill-ewwel jgħaddili. Qisu ġenna tal-art! Meta nħares lejn din ix-xena, jiġini aptit li noħroġ il-kuluri u nibda npinġi bħal artista brava. Hawnhekk tinsa t-toqol tal-ħajja u l-istress ta' kuljum. Ifakkarni wkoll fil-mużika klassika li n-nannu jħobb jisma' meta mmur narah nhar ta' Ħadd mal-familja tiegħi.
Nispera li jkolli ċans nara postijiet interessanti bħal dan. Nimmaġina li barra minn Malta, jeżistu xeni li meta wieħed iħares lejhom, jibqa' mistgħaġeb.
Amy Borg Finn (Form 1.2)
-----
Inħossni ffortunata li fir-raħal tiegħi hemm dan il-wied tassew sabiħ, kif inhu magħruf bħala Wied in-Nixxiegħa. Il-ħoss tal-ilma ġieri jċarċar mal-blat, it-tpespis tal-għasafar tal-bejt, ir-riħa tal-ħaxix niedi u l-arja nadifa jagħmlu dan il-post, wied pittoresk jew aħjar ġenna tal-art. Speċjalment f'xi ġurnata sabiħa tar-rebbiegħa.
Meta mmur, inħobb noqgħod bilqiegħda fuq xi bank għal għajn ix-xemx nisma' l-ħsejjes rilassanti, inħoss l-arja friska ma' wiċċi u nxomm ir-riħa tal-fjuri u l-ħamrija mxarrba. Mhux darba jew tnejn li tmur għajni bija u nqum nitbissem niftakar fl-għażiż nannu. Marbuta ma' dan il-post pittoresk għandi memorji wisq sbieħ tan-nannu. Dan il-post nafu sew għax minn ċkuniti, in-nannu kien joħodni nilgħab ġo dan il-wied. Niġri ġol-arja pura qalb is-siġar u l-fjuri kkuluriti, selvaġġi, li dan il-wied hu mdawwar bihom, nipprova naqbad il-friefer u l-insetti.
Illum il-ġurnata mmur waħdi ġol-ġnien nirrilassa fl-ambjent pur, naqra xi ktieb. Minflok naqbad il-friefet, noqgħod nammira s-sbuħija tal-ilma jċarċar mal-blat. Waqt li nitma' ċ-ċinji u ż-żrinġijiet ġol-vaska, inħoss l-istess ferħ u hena ta' meta kont niġi l-wied man-nannu fi tfuliti.
Kiera Sciculuna (Form 1.3)
No comments:
Post a Comment