Wednesday, March 30, 2011

Djar

Djar, djar kullimkien!
Kull fejn tħares tara biss,
kaxex kbar u kaxex żgħar
meta timxi nkiss inkiss.

Tmur l-iskola, tmur mal-ħbieb,
ikunu qed jistennewk ħdejn il-bieb.
Dawn jitkellmu dwar il-bini li qed jifga d-dinja,
għax minflok għalqa sirt tara xi binja.

L-ebda għalqa m’għadha  tidher,
għax kullimkien qegħdin jibnu.
U minflok jgħidu, “miskin l-ambjent tagħna”,
Jaraw kif jagħmlu u jkomplu jibnu ġebliet li min jaf kemm jiżnu.

X’jimpurtahom mill-ambjent tagħna,
li ma nafx kemm ser idum magħna!
                                                                           Rebecca Anne Parnis (Form 2.2)

Tuesday, March 29, 2011

Fuq il-karozza tal-linja

                 Ta' kuljum mijiet ta’ nies jivvjaġġaw minn post għall-ieħor u min m'għandux trasport privat u ma jridx imur bil-mixi, irid juża t-trasport pubbliku jew aħjar il-karozza tal-linja.

                 Hawn Malta, vjaġġ fuq il-karozza tal-linja ma jiħux aktar minn siegħa, imma jaf ikun interessanti għax fuq il-karozza tal-linja, wieħed jiltaqa' ma' diversi nies, fosthom ħaddiema fi triqthom lejn ix-xogħol, studenti sejrin lejn l-iskola u nies oħrajn fuq xi qadja jew biex iżuru lil qrabathom.Mingħajr ma trid ikollok tisma' lil ta' warajk jitkellmu fuq dak li għaddew minnu, fuq il-problemi tagħhom jew l-opinjoni tagħhom dwar dak li jkun qed jigri madwarna.

                Qatt kontu fuq karozza tal-linja f'xi ġurnata kiesħa tax-xitwa bix-xita nieżla qliel? Minn wara l-ħġieġ, fil-kenn u għas-sħana, tara n-nies għadejjin mgħaġġlin fuq il-bankina jew jistkennu taħt xi gallerija jew tinda ta' xi ħanut. Min-naħa l-ohra, fis-sħana tas-sajf, il-karozza tal-linja tkun imballata bin-nies fi triqthom lejn il-bajjiet popolari.Vjaġġ filgħaxija, biż-żiffa ħelwa dieħla minn ġot-tieqa, jaf jagħtik pjacir.

              Niftakru wkoll fis-sewwieqa li jaħdmu għal ħinijiet twal u li għandhom responsabbilità kbira għax wara kollox xi diżgrazzja ta' traffiku tista' tħalli numru ta’ persuni mweġġgħin. Iżda apparti minn hekk finalment, tajjeb li naħsbu ftit, kif vjaġġ fuq il-karozza tal-linja jista' jagħtina dehra tal-ħajja ta' kuljum!

                                                                        Sara Marston (Form 1.3)
------------------------------------------------------------------------------------------

Kif nistgħu nieħdu ħsieb l-ambjent

       Hemm ħafna affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna.
                Ħaġa komuni ħafna li ħafna nies jagħmlu dan iż-żmien hu li jisseparaw l-iskart tagħhom. L-affarijiet li jirreċiklaw ruħhom, nirreċiklawhom fil-kontenitur tar-reċiklaġġ. Il-kontenituri tar-reċiklaġġ huma maqsumin f’erba’ materjali. Dawn huma ħġieġ, plastik, karti u metall. Dawn ikunu b’kuluri differenti.
                Ħaġa li n-nies ta’ din id-dinja mhux kollha jagħmluha hi li ma jarmux l-iskart tagħhom mal-art. Biex tevita din il-problema, tista’ tarmi l-iskart tiegħek ġo barmil taż-żibel. Post li jkun mimli skart ikun maħmuġ u ikrah. Meta tmur ġo ġnien pubbliku, għaddi mill-passaġġi li jkun hemm, mhux toqgħod tgħaffeġ fuq il-ħamrija mimlija ħaxix maħdum. Meta tmur fil-kampanja, taqtax il-fjuri. Dawn isebbħu l-ambjent. Trid tiftakar li warajk, ikun hemm nies oħra li jkunu jridu jaraw il-fjuri.
                L-ambjent jinkludi wkoll l-annimali. Qabel ma ġġib annimal f’darek, ara li għandek fejn tqiegħdu, mhux ma jkollokx fejn tqiegħdu u tħallih barra. Annimal domestiku trid ukoll tagħtih l-attenzjoni meħtieġa, pereżempju billi taħslu, timxi mixja miegħu kuljum, tilgħab miegħu u ħafna eżempji oħrajn. Meta tmur xi mixja mal-annimal tiegħek, ħu borża tal-plastik miegħek biex tnaddaf il-ħmieġ li jħalli warajh. Meta tmur ‘barbeque’ ħdejn il-baħar, tħallix l-iskart mal-art għax jista jinżel ġol-baħar u l-baħar jispiċċa biex jitħammeġ ukoll.
                Kieku naħdmu flimkien u nagħmlu l-eżempji li semmejt u ħafna oħrajn, id-dinja tkun ħafna iktar nadifa u sabiħa.
                                                                Maria Elena Galea (Form 2.2)
-----------------------------------------------------------------------------------------
                L-ambjent huwa kull m’hemm madwarna. L-ambjent tagħna jista’ jkun l-iskola, id-dar, il-baħar u l-postijiet l-oħrajn li nsibu ruħna fihom. Huwa importanti li nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna, kemm fid-dar u kif ukoll f’postijiet pubbliċi. Hemm bosta modi kif nagħmlu dan, u jekk kulħadd jagħmel l-almu tiegħu, nistgħu nagħmlu d-dinja post aħjar.
                L-ewwel ħaġa li nistgħu nagħmlu hija li nisseparaw l-iskart. F’kull raħal u belt f’Malta hemm dawk li jgħidulhom il-‘bring-in-sites’. Dawn huma landi taż-żibel kbar fejn wieħed jista’ jissepara l-iskart tiegħu u b’hekk, inkunu nistgħu nirreċiklaw. Importanti wkoll li meta mmorru l-baħar jew xi piknik, nieħdu borża biex nitfgħu ż-żibel fiha u ma narmux fl-art. Jekk naraw lil xi ħadd jarmi ħafna żibel mal-art, nistgħu nirrapurtawh bħala twissija. L-aqwa li ma nirrapurtawhx għal xejn!
                Għandna wkoll nieħdu ħsieb l-arja ta’ madwarna, għaliex il-bniedem għandu bżonn arja friska u nadifa biex jieħu nifs sew. Minflok nużaw il-karozza, nistgħu nimxu fejn hu possibbli jew anki nużaw ir-rota. Nistgħu naqbdu tal-linja biex b’hekk ikun hemm inqas karozzi jniġġsu l-arja. Illum il-ġurnata qegħdin jivvintaw ukoll karozzi tal-batteriji, li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.
                Hawn ħafna modi kif nistgħu nieħdu ħsieb l-ambjent u d-dinja tagħna. Kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu u jgħin fejn hu possibbli biex id-dinja tagħna ssir iktar nadifa. Wara kollox, aħna rridu nqattgħu ħajjitna  ġo fiha!
                                                                    Jessica Bonnici (Form 2.2)
-----------------------------------------------------------------------------------------
                Meta nsemmu l-ambjent malajr tiġik f’moħħok xi xena rilassanti u pjaċevoli. Xi għalqa kollha fjuri, jiżfnu maż-żiffa ħelwa jew xi kaskata t’ilma nieżla qalb il-ħdura. Ma tantx tiġina f’rasna iżda bin-nuqqas ta’ ħsieb tagħna nistgħu nirrovinaw dan kollu.
                L-ambjent hu importanti u bżonnjuż u hija r-responsabbiltà tagħna li nieħdu ħsiebu. Minbarra li nieħdu ħsieb l-ambjent fuq l-art, ma rridux ninsew nieħdu ħsieb il-baħar u l-ilma ta’ madwarna. Mingħajr ilma xejn ma jgħix. L-arja hija parti importanti mill-ambjent tagħna wkoll. Arja mniġġsa tikkawża ħafna mard u allerġiji u hija perikoluża għas-saħħa.
                Hemm diversi modi kif nistgħu nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ fuq l-art, eżempju, billi nixtru prodotti b’inqas ippakkjar b’hekk nevitaw plastik żejjed. Għandna nixtru frott u ħaxix frisk u li m’huwiex ippakkjat u meta mmorru nixtru għandna nieħdu basktijiet tal-materjal minflok li nużaw tal-plastik. B’dawn il-miżuri nkunu qegħdin innaqqsu l-iskart. Ħwejjeġ u affarijiet li m’għandniex bżonn għandna nagħtuhom lill-karità, nużaw iktar minn darba l-boroż tal-plastik u nużaw il-karti minn wara u quddiem. B’hekk inkunu qegħdin nerġgħu nużaw l-affarijiet, minflok narmuhom. Għandna nisseparaw l-iskart u m’għandniex narmu żibel fil-kampanja u barra.
                Minbarra l-ambjent ta’ fuq l-art għandna nieħdu ħsieb ukoll il-baħar. Il-baħar huwa post fejn jgħixu ħafna annimali u pjanti, u huwa importanti li nieħdu ħsiebu, billi ma narmux affarijiet fil-baħar. Huwa importanti li meta mmorru xi BBQ ma nħallux iż-żibel hemm jew narmuh fil-baħar iżda għandna niġbruh u narmuh f’borża fejn suppost. Sfortunatament ħafna skart u kimika jintremew il-baħar u dan huwa ħażin ħafna għall-pjanti u l-annimali li jgħixu fih.
                Għandna nkunu aktar konxji tal-indafa u tal-ambjent. Bin-naqra n-naqra tintela’ l-ġarra u jekk kulħadd jgħin ftit, jirnexxilna nżommu l-ambjent nadif.
                                                                                Nicola Hili (Form 2.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
                   Aħna l-poplu Malti għandna bżonn nieħdu iktar ħsieb tal-ambjent. Irridu ndaħħluha f’moħħna li l-ambjent huwa ta’ kulħadd!
                Illum il-ġurnata, m’għadniex ngħixu fl-istess ambjent li trabbew fih il-ġenituri jew in-nanniet tagħna. Dawn gawdew ambjent iktar nadif u naturali. Aħna qegħdin ngħixu ħajja artifiċjali u tant qegħdin nikkunsmaw li qed inżidu wisq fl-ammont tal-iskart.
                Għalmenu issa qed insiru konxji ta’ dan u sirna nirreċiklaw. Kemm fid-djar u kemm fuq il-postijiet tax-xogħol qed nidraw nisseparaw l-iskart domestiku minn dak reċiklabbli, jiġifieri l-plastik, il-karti, il-metall u l-l-ħġieġ nisseparawhom mill-iskart li mhux reċiklabbli.
                U xi ngħidu għan-numru ta’ karozzi li hawn fit-toroq? Lanqas tista’ toħroġ barra li ma tiblax xi partita duħħan. Tkun ħaġa tajba li kieku nibdew nużaw ir-roti kif jagħmlu ċertu pajjiżi bħall-Olanda u l-Italja ta’ fuq.
                F’Malta għandna riżors naturali li hija x-xemx. Il-parti l-kbira tas-sena, t-temp tagħna jkun xemxi u b’hekk nistgħu nużaw dan ir-riżors biex nipprovdu l-enerġija fid-djar u l-postijiet tax-xogħol. Ħafna djar u issa anke skejjel qed jadottaw is-sistema u b’hekk innaqqsu mill-konsum tal-elettriku. Ħaġa oħra li tnaqqas il-konsum tal-elettriku huma l-bozoz li ma jaħlux. Aħna fid-dar lilhom biss nużaw. Hemm ukoll il-ħsieb li fil-futur jibdew jużaw il-mitħna tar-riħ biex jiġġeneraw l-enerġija.
                Mod ieħor kif nistgħu nibżgħu għall-ambjent huwa billi ma nħammġux barra minn djarna. Tara ħafna nies jarmu fl-art u dan ikerraħ ħafna l-ambjent. Mhux daqshekk diffiċli li kieku wieħed jarmi fejn suppost biex b’hekk it-toroq, il-ġonna u x-xita jibqgħu nodfa.
                Wara kollox mhux aħna biss ingawduh l-ambjent nadif. Pero rridu noqogħdu daqxejn attenti!
                                                               Rebecca Mulvaney (Form 2.3)


Monday, March 28, 2011

Ġita f’Pajjiż Ieħor

                 Jiena u familti nsiefru bosta drabi. Daqqa Sqallija, daqqa Franza, daqqa l-Ġermanja, daqqa Londra u ħafna postijiet oħra. Iżda ġita li tibqa’ miegħi għal dejjem hija d-darba li morna l-Italja. Morna ma’ familja oħra u flimkien gawdejna l-postijiet li toffri l-Italja.  
                Minn Malta, qbadna l-vapur għal Sqallija fejn domna ġimgħa sħiħa. Soqna minn filgħodu sa filgħaxija u konna nieqfu biss biex nixtru l-ikel jew biex nagħtu l-petrol lill-karozzi. Għaddejna minn postijiet bħal Sirakuża, Katanja u Palermo. Qattajna l-iljieli fil-kampijiet f’kampeġġaturi differenti. Qatt ma qattajna lejl fl-istess post.
                Wara ġimgħa nduru Sqallija, qbadna vapur żgħir li ħadna l-Italja. Fil-vjaġġ, jiena kont irqadt minħabba li l-lejl ta’ qabel ma kontx irqadt ħafna. Wasalna l-Italja u soqna sakemm wasalna f’Bari. Waqt dan il-vjaġġ twil immens, bqajna nikkomunikaw mal-familja l-oħra permezz ta’ radju attapposta. Waqt li dorna din il-parti tal-Italja, doqna ikel bnin u dixxijiet kulturali li xtaqna u li qatt ma stajna nieklu hawn Malta.
                Wara dan il-vjaġġ sabiħ li għamilna ma’ sħabna, irritornajna lejn Malta fejn laqagħtna familtna bi tbissima kbira. Nispera li nerġgħu nsiefru malajr daqs kemm ħadt gost!
                                                                 Mariah Farrugia (Form 1.1)
----------------------------------------------------------------------------------------

Darba mort ġita f’pajjiż speċjali ħafna. Kien jissejjaħ ‘Lolaloopsy’.
Meta wasalt, rajt li kien hemm biss tmint idjar u gżira żgħira mdawra b’għadira li kienet iffriżata. Bdejt nimxi lejn id-dar li kienet qrib tiegħi. Kienet qisha skola. It-trejqa żgħira li kienet quddiem id-dar kienet qisha l-gradilja tal-logħba passju u kien hemm ċint magħmul minn lapsijiet kbar quddiem id-dar. Ħabbatt fuq il-bieb u wara ftit fetħitu pupa li kienet daqsi.
Il-pupa kellha xagħarha oranġjo b’ċoff roża. Kienet liebsa uniformi tal-iskola ħelwa. Kellha flokk iswed bi tpinġija ta’ tuffieħa fuqu u dublett roża skur. Kellha wkoll żarbun iswed. Għajnejha kienu buttuni blu ċari. Kif fetħet il-bieb qaltli, “bongu” u staqsietni min kont u kif kont ġejt hemm. Wara, ħallietni nidħol ġo darha li kienet qisha klassi imma mingħajr l-imwejjed u s-siġġijiet. Kellha xkafef kollha kotba, fosthom kotba li hi stess kienet titgħallem minn fuqhom. Wara, qaltli li kien jisimha ‘Bea Spells-a-lot’. Wara ħriġna barra u morna ħdejn il-ġirien kollha tagħha li kienu wkoll pupi. Morna f’darhom u qagħdna ngħinuhom f’xi affarijiet. Wara, erġajna morna fid-dar ta’ Bea u qrajna xi kotba. Morna wkoll fil-ġnien li kien hemm fuq dik il-gżira u morna fuq żurżieqa li ddur u ddur u u morna wkoll fuq trampolin. Wara morna ‘iċe-skating’ u kilna xi kejkijiet.
Jiena ħadt gost f’din il-ġita li ma kinitx vera, imma aħseb u ara li kieku kienet vera tassew kemm kont nieħu aktar pjaċir!
                                                                           Catherine Farrugia (Form 1.2)
----------------------------------------------------------------------------------------
                Kulħadd beda jipprepara biex immorru ġita ġol-Afrika t’isfel. F’dan il-pajjiż hemm ħafna annimali sbieħ.
                Il-familja tiegħi u jien konna eċitati ħafna li sejrin l-Afrika t’isfel. Jien bdejt inpoġġi l-ħwejjeġ ġol-bagalja tiegħi. Meta wasalna l-ajruport stennejna l-ajruplan jasal u imbagħad tlajna fuqu. Kellna titjira twila. 
               Meta wasalna l-Afrika t’isfel morna fil-lukanda jisimha ‘African Sky Hotel’. Kien sar il-ħin u morna nieklu ġo restorant. L-ikel kien differenti ħafna mill-ikel ta’ Malta. Kien hemm ‘Biltong’ li hu laħam nixef, bil-melħ u ħwawar. Għalaqna għajnejna u kilnieh għax konna bil-ġuħ. Imma wara, tgħidx kemm qabadna għatx! Għad-deżerta ħadna ‘beskuits’ li huma biskuttini nixfin u ħelwin. Wara li kilna kollox, morna mixja qasira u wara morna norqdu. 
              L-għada wara l-kolazzjoni, morna sal-monti. Rajna ħafna ħwejjeġ sbieħ b’kuluri differenti. Kien hemm ‘pineberry’ li hija frotta li tikber fl-Afrika biss u għandha forma ta’ frawla imma għandha togħma ta’ ananas u kulurha abjad. Kien hemm ukoll ħafna aċċessorji sbieħ bħal brazzuletti, xalel u kien hemm ħafna aktar. Xtrajna xi ħaġa lil qraba tagħna. Wara li morna l-monti, l-familja tiegħi u jien morna ġo ‘zoo’. Rajna ħafna tipi t’annimali, tigri, iljuni, iljunfanti, xadini u anke kien hemm tigri bojod. Wara, il-gwida ħalliena nitimgħu t-tigri ż-żgħar.
                L-għada morna ġurnata nduru bix-xarabank biex naraw it-toroq twal u sbieħ. Rajna ħafna siġar u muntanji. Rajna l-muntanji ‘Ngaliema’ u ‘Kilimanjaro’. Ġurnata qabel ma rritornajna Malta morna naraw il-mużew ‘CP Nel’. Ħdejn il-mużew sibna restorant u kilna ikla sew.
              L-għada filgħodu bdejna nippakkjaw. Il-familja tiegħi u jien ħadna ħafna gost u nixtiequ nerġgħu mmorru għax kienet esperjenza sabiħa.
                                                                   Doriana Bileci (Form 1.2)
----------------------------------------------------------------------------------------
                Qed niftakar meta mort l-Italja għal ġimgħa sħiħa mal-familja tiegħi. Dak il-lejl ma stajtx nagħlaq għajn m’għajn. Kont wisq eċitata għall-ewwel vjaġġ li kont ser nagħmel. Kif ħassejtni li ser tmur għajni bija, smajt lil ommi ssejjaħli għax kien sar il-ħin biex immorru. Ridt intir bil-ferħ għax il-ħolma li kelli kienet ser issir realtà.
               Is-sagħtejn li għamilna nistennew fl-ajruport rajthom itiru bħal leħħa ta’ berqa għax qadt indur il-ħwienet li hemm ma’ ommi. Missieri ġibdilna l-attenzjoni li x-xiri ma kienx ser jibda minn hemm u għalxejn bdejna deħlin minn ħanut u ħerġin minn ieħor. It-titjira sal-ajruport ta’ Verona ħadet madwar sagħtejn u kienet vera eċitanti. Minn fuq l-ajruplan stajt nara kemm bini, art u baħar taħti li dehru daqs naqra. Wasalna l-lukanda, ippustjajna l-bagalji u l-ħwejjeġ u tlaqna għall-ewwel ħarġa tagħna. Il-gwida li kien veru tal-ġenn qalilna li għal dak in-nofs ta’ nhar, kien ser jeħodna Lago di Garda.
               Dan huwa post ħdejn xmara li fih issib kull tip ta’ ħanut. Lura lejn il-lukanda, il-gwida qagħad ifiehem kif kienet ser tkun imqassma l-ġurnata għal l-għada stess. L-ewwel lejl fil-lukanda irqadt bħal tarbija u filgħodu, wara li ħadna l-kolazzjon sibna l-kowċ li kienet qed tistenniena biex toħodna ‘Movie Land’! Dan huwa park enormi b’rikbiet eċitanti li jħalluk bla nifs. Żorna ‘Gardaland’ fejn għaddejna ġurnata sħiħa tilgħin u niżlin f’rikbiet li mhux l-ewwel darba ħassejt qalbi ser tieqaf fuqhom. ‘Aqua Paradise’ huwa post ieħor fejn konna avżati li ridna nġibu l-malji tal-għawm. Daħka wara l-oħra u tixriba wara l-oħra, għaddejna ġurnata stupenda. Wieħed mill-isbaħ ‘parks’ li żort kien ‘Sea Life’, fejn stajna naraw kull tip ta’ ħut li jeżisti. Spettaklu tad-dniefel li jiżfnu mas-sinfonija tal-mużika ħallieni bla kliem, filwaqt li l-pingwini u s-‘sea lions’ ġibdu s-simpatija ta’ kulħadd.
               Kif jgħidu, kull bidu għandu t-tmien u b’hekk kienet waslet il-ġurnata li niġu lura. Bqajt ġranet twal nitkellem fuqha u fuq kemm ħadna gost. Bħalissa qed nistenna li jasal is-sajf għax din id-darba ser immorru btala ġewwa Orlando.
                                                                  Katrina Vella (Form 1.3)



Sunday, March 27, 2011

Merħba!

Nilqgħukom fil-blogg bl-isem Karta u Pinna. Dan il-blogg ser jgħinek tirrealizza kemm hu sabiħ li tesprimi ruħek permezz tal-kitba u li taqsam dan ma’ sħabek jew persuni oħra li jkunu interessati li jaqraw ix-xogħol kreattiv tiegħek! Kif jafu ħafna mill-istudenti tiegħi, il-kitba mhix xi ħaġa li ssir sempliċiment f’forma ta’ komponiment jew bħala xogħol għad-dar, iżda l-kitba tista’ ssir ukoll fil-ħin liberu dwar topiks differenti li huma ta’ interess għalik. F’dan il-blogg kull wieħed u waħda minnkom ser ikollha ċ-ċans li taqsam ma’ sħabha dak li tkun kitbet. Biss, biex ikollok xogħlok ippubblikat f’dan il-blogg, il-kitba trid tkun ġejja mill-qalb! Għal dawk li forsi m’intomx studenti tal-Malti fl-iskola St. Dorothy’s nilqagħkom biex tieħdu gost taqraw ix-xogħlijiet tal-istudenti tagħna. Jekk tkunu tixtiequ tgħaddu xi suġġerimenti ibagħtu fuq dan l-indirizz: karta.u.pinna@gmail.com
Ms Deandra