Monday, March 28, 2011

Ġita f’Pajjiż Ieħor

                 Jiena u familti nsiefru bosta drabi. Daqqa Sqallija, daqqa Franza, daqqa l-Ġermanja, daqqa Londra u ħafna postijiet oħra. Iżda ġita li tibqa’ miegħi għal dejjem hija d-darba li morna l-Italja. Morna ma’ familja oħra u flimkien gawdejna l-postijiet li toffri l-Italja.  
                Minn Malta, qbadna l-vapur għal Sqallija fejn domna ġimgħa sħiħa. Soqna minn filgħodu sa filgħaxija u konna nieqfu biss biex nixtru l-ikel jew biex nagħtu l-petrol lill-karozzi. Għaddejna minn postijiet bħal Sirakuża, Katanja u Palermo. Qattajna l-iljieli fil-kampijiet f’kampeġġaturi differenti. Qatt ma qattajna lejl fl-istess post.
                Wara ġimgħa nduru Sqallija, qbadna vapur żgħir li ħadna l-Italja. Fil-vjaġġ, jiena kont irqadt minħabba li l-lejl ta’ qabel ma kontx irqadt ħafna. Wasalna l-Italja u soqna sakemm wasalna f’Bari. Waqt dan il-vjaġġ twil immens, bqajna nikkomunikaw mal-familja l-oħra permezz ta’ radju attapposta. Waqt li dorna din il-parti tal-Italja, doqna ikel bnin u dixxijiet kulturali li xtaqna u li qatt ma stajna nieklu hawn Malta.
                Wara dan il-vjaġġ sabiħ li għamilna ma’ sħabna, irritornajna lejn Malta fejn laqagħtna familtna bi tbissima kbira. Nispera li nerġgħu nsiefru malajr daqs kemm ħadt gost!
                                                                 Mariah Farrugia (Form 1.1)
----------------------------------------------------------------------------------------

Darba mort ġita f’pajjiż speċjali ħafna. Kien jissejjaħ ‘Lolaloopsy’.
Meta wasalt, rajt li kien hemm biss tmint idjar u gżira żgħira mdawra b’għadira li kienet iffriżata. Bdejt nimxi lejn id-dar li kienet qrib tiegħi. Kienet qisha skola. It-trejqa żgħira li kienet quddiem id-dar kienet qisha l-gradilja tal-logħba passju u kien hemm ċint magħmul minn lapsijiet kbar quddiem id-dar. Ħabbatt fuq il-bieb u wara ftit fetħitu pupa li kienet daqsi.
Il-pupa kellha xagħarha oranġjo b’ċoff roża. Kienet liebsa uniformi tal-iskola ħelwa. Kellha flokk iswed bi tpinġija ta’ tuffieħa fuqu u dublett roża skur. Kellha wkoll żarbun iswed. Għajnejha kienu buttuni blu ċari. Kif fetħet il-bieb qaltli, “bongu” u staqsietni min kont u kif kont ġejt hemm. Wara, ħallietni nidħol ġo darha li kienet qisha klassi imma mingħajr l-imwejjed u s-siġġijiet. Kellha xkafef kollha kotba, fosthom kotba li hi stess kienet titgħallem minn fuqhom. Wara, qaltli li kien jisimha ‘Bea Spells-a-lot’. Wara ħriġna barra u morna ħdejn il-ġirien kollha tagħha li kienu wkoll pupi. Morna f’darhom u qagħdna ngħinuhom f’xi affarijiet. Wara, erġajna morna fid-dar ta’ Bea u qrajna xi kotba. Morna wkoll fil-ġnien li kien hemm fuq dik il-gżira u morna fuq żurżieqa li ddur u ddur u u morna wkoll fuq trampolin. Wara morna ‘iċe-skating’ u kilna xi kejkijiet.
Jiena ħadt gost f’din il-ġita li ma kinitx vera, imma aħseb u ara li kieku kienet vera tassew kemm kont nieħu aktar pjaċir!
                                                                           Catherine Farrugia (Form 1.2)
----------------------------------------------------------------------------------------
                Kulħadd beda jipprepara biex immorru ġita ġol-Afrika t’isfel. F’dan il-pajjiż hemm ħafna annimali sbieħ.
                Il-familja tiegħi u jien konna eċitati ħafna li sejrin l-Afrika t’isfel. Jien bdejt inpoġġi l-ħwejjeġ ġol-bagalja tiegħi. Meta wasalna l-ajruport stennejna l-ajruplan jasal u imbagħad tlajna fuqu. Kellna titjira twila. 
               Meta wasalna l-Afrika t’isfel morna fil-lukanda jisimha ‘African Sky Hotel’. Kien sar il-ħin u morna nieklu ġo restorant. L-ikel kien differenti ħafna mill-ikel ta’ Malta. Kien hemm ‘Biltong’ li hu laħam nixef, bil-melħ u ħwawar. Għalaqna għajnejna u kilnieh għax konna bil-ġuħ. Imma wara, tgħidx kemm qabadna għatx! Għad-deżerta ħadna ‘beskuits’ li huma biskuttini nixfin u ħelwin. Wara li kilna kollox, morna mixja qasira u wara morna norqdu. 
              L-għada wara l-kolazzjoni, morna sal-monti. Rajna ħafna ħwejjeġ sbieħ b’kuluri differenti. Kien hemm ‘pineberry’ li hija frotta li tikber fl-Afrika biss u għandha forma ta’ frawla imma għandha togħma ta’ ananas u kulurha abjad. Kien hemm ukoll ħafna aċċessorji sbieħ bħal brazzuletti, xalel u kien hemm ħafna aktar. Xtrajna xi ħaġa lil qraba tagħna. Wara li morna l-monti, l-familja tiegħi u jien morna ġo ‘zoo’. Rajna ħafna tipi t’annimali, tigri, iljuni, iljunfanti, xadini u anke kien hemm tigri bojod. Wara, il-gwida ħalliena nitimgħu t-tigri ż-żgħar.
                L-għada morna ġurnata nduru bix-xarabank biex naraw it-toroq twal u sbieħ. Rajna ħafna siġar u muntanji. Rajna l-muntanji ‘Ngaliema’ u ‘Kilimanjaro’. Ġurnata qabel ma rritornajna Malta morna naraw il-mużew ‘CP Nel’. Ħdejn il-mużew sibna restorant u kilna ikla sew.
              L-għada filgħodu bdejna nippakkjaw. Il-familja tiegħi u jien ħadna ħafna gost u nixtiequ nerġgħu mmorru għax kienet esperjenza sabiħa.
                                                                   Doriana Bileci (Form 1.2)
----------------------------------------------------------------------------------------
                Qed niftakar meta mort l-Italja għal ġimgħa sħiħa mal-familja tiegħi. Dak il-lejl ma stajtx nagħlaq għajn m’għajn. Kont wisq eċitata għall-ewwel vjaġġ li kont ser nagħmel. Kif ħassejtni li ser tmur għajni bija, smajt lil ommi ssejjaħli għax kien sar il-ħin biex immorru. Ridt intir bil-ferħ għax il-ħolma li kelli kienet ser issir realtà.
               Is-sagħtejn li għamilna nistennew fl-ajruport rajthom itiru bħal leħħa ta’ berqa għax qadt indur il-ħwienet li hemm ma’ ommi. Missieri ġibdilna l-attenzjoni li x-xiri ma kienx ser jibda minn hemm u għalxejn bdejna deħlin minn ħanut u ħerġin minn ieħor. It-titjira sal-ajruport ta’ Verona ħadet madwar sagħtejn u kienet vera eċitanti. Minn fuq l-ajruplan stajt nara kemm bini, art u baħar taħti li dehru daqs naqra. Wasalna l-lukanda, ippustjajna l-bagalji u l-ħwejjeġ u tlaqna għall-ewwel ħarġa tagħna. Il-gwida li kien veru tal-ġenn qalilna li għal dak in-nofs ta’ nhar, kien ser jeħodna Lago di Garda.
               Dan huwa post ħdejn xmara li fih issib kull tip ta’ ħanut. Lura lejn il-lukanda, il-gwida qagħad ifiehem kif kienet ser tkun imqassma l-ġurnata għal l-għada stess. L-ewwel lejl fil-lukanda irqadt bħal tarbija u filgħodu, wara li ħadna l-kolazzjon sibna l-kowċ li kienet qed tistenniena biex toħodna ‘Movie Land’! Dan huwa park enormi b’rikbiet eċitanti li jħalluk bla nifs. Żorna ‘Gardaland’ fejn għaddejna ġurnata sħiħa tilgħin u niżlin f’rikbiet li mhux l-ewwel darba ħassejt qalbi ser tieqaf fuqhom. ‘Aqua Paradise’ huwa post ieħor fejn konna avżati li ridna nġibu l-malji tal-għawm. Daħka wara l-oħra u tixriba wara l-oħra, għaddejna ġurnata stupenda. Wieħed mill-isbaħ ‘parks’ li żort kien ‘Sea Life’, fejn stajna naraw kull tip ta’ ħut li jeżisti. Spettaklu tad-dniefel li jiżfnu mas-sinfonija tal-mużika ħallieni bla kliem, filwaqt li l-pingwini u s-‘sea lions’ ġibdu s-simpatija ta’ kulħadd.
               Kif jgħidu, kull bidu għandu t-tmien u b’hekk kienet waslet il-ġurnata li niġu lura. Bqajt ġranet twal nitkellem fuqha u fuq kemm ħadna gost. Bħalissa qed nistenna li jasal is-sajf għax din id-darba ser immorru btala ġewwa Orlando.
                                                                  Katrina Vella (Form 1.3)



4 comments:

  1. KOMPOZIZZJONI SABIHA HAFNNA U PROSIT!:):):):):):)


    Sara Marston
    1.3
    Ms.DEANDRA

    ReplyDelete
  2. il kitba tieghek veru tajjba prosit

    ReplyDelete
  3. ogbitni din sabiha prosit!!!!!!!!!

    ReplyDelete