Darba waħda kien hemm omm jisimha Adriana. Adriana kellha tifla ta' sentejn. It-tifla kien jisimha Martina u kienet il-mimmi t'għajnejha.
Ġurnata minnhom, Adriana marret tixtri x-xirja normali tal-ġimgħa. X'ħin waslet id-dar ċemplilha r-raġel u qalilha li dalwaqt ġej jiekol għax kien mgħaġġel. Adriana ma kellhiex ċans terfa' x-xirja u allura ħalliet kollox jiġri. Il-kċina kienet żgħira u ma tantx kien hemm fejn iddur. Martina kienet ġol-push chair u ppruvat tinżel imma ma setgħetx għax kienet marbuta. L-omm ratha u ndunat li kienet qed tipprova tinżel. Bl-għaġla hi niżlitha u qiegħditha fuq siġġu. Hi kompliet issajjar waqt li Martina lagħbet bil-ġugarelli.
Għadda ftit ħin u Adriana kienet kważi lesta biex taqleb l-ikel, Martina kellha l-għatx. Hi bdiet tgħajjat u tgħid: "Ħalib, ħalib!" Ommha qaltilha biex tistenna minuta peress li kienet qed taqleb. Martina ndunat li l-ħalib kien ftit 'il bogħod minnha fuq in-naħa l-oħra tal-mejda. Hi ppruvat tixxabbat għalih imma ma setgħetx tilħqu. Ippruvat titla' naqra fuq il-mejda, imma eżatt kif kienet ħa tilħqu sieqha żelqet u waqgħet għal wiċċha mal-art. Adriana kienet eżatt ħa ddur meta ratha taqa'. Hi ppruvat taqbadha imma ma laħqitx. Hi waqgħat mal-art b'sabta kbira u ommha marret tiġri tara fejn weġġgħat. Martina bdiet tibki u tgħoxa.
Hi ċemple lir-raġel u qaltli b'dak li kien ġara u li kienet sejra l-isptar. Bl-għaġla daħlitha ġol-karozza u waslitha l-isptar. Fit-triq beda ħiereġ ħafna demm u Martina dehret muġugħa. X'ħin waslu l-isptar ma damux jistennew u mill-ewwel rahom tabib. Wasal il-missier u t-tabib qalilhom li għandha bżonn il-punti. Waqt li kienet qed jagħmluhomlha hi bdiet tibki imma wara ftit għaddielha kollox. L-omm u t-tifla din l-esperjenza dejjem baqgħu jiftakruha.
Sara M. Scicluna (Form 1.1)
----------------------------------------------------------------------------------------------
Illum hija l-ewwel ġurnata tax-xogħol għal Ċettina. Ċettina sabet xogħol ta' nanny. Hija kienet eċitata ħafna, tant li mal-ħamsa ta' filgħodu qamet biex tipprepara ruħha. Fis-sitta u nofs waslet fuq il-post tax-xogħol fejn il-familja kollha laqgħuha u ttrattawha sew.
Xogħol Ċettina kien li tieħu ħsieb it-tarbija t'għaxar xhur u tagħmel dak kollu li hemm bżonn, waqt li l-ġenituri tat-tarbija kellhom imorru x-xogħol. Filwaqt li l-ġenituri telqu għax-xogħol, Ċettina kellha tipprepara l-kolazzjon għat-tarbija. Imma x'ħin daħlet fil-kċina, ma kinitx taf minn fejn ser taqbad tibda. Il-kċina kienet diżorganizzata għax kien hemm ħafna affarijiet fuq xulxin. Anki l-art kienet mimlija u lanqas spazju fuq il-bank ma kien hemm fejn taħdem. Ċettina kienet ser tagħtiha rasha u ma kinitx taf minn fejn ser taqbad tibda. Ma kellhiex ħin biex taħseb għax it-tarbija bdiet tibki għax kienet bil-ġuħ. Minn hemm u minn hawn, Ċettina kienet ippreparata u malajr temgħat lit-tarbija.
Ċettina xejn ma kienet kuntenta b'din is-sitwazzjnoni. Allura iddeċidiet li tgħid lill-ġenituri li mhux se tkompli tmur għax-xogħol jekk il-kċina ma tkunx organizzata. Ma tantx ġietha tajba l-ewwel ġurnata tax-xogħol!
Emily Lang (Form 1.1)
----------------------------------------------------------------------------------------------
Salvina u Peppi huma koppja anzjana imma fuq ruħhom. Huma jgħixu ġo dar żgħira mdawra b'razzett b'ħafna annimali, fil-kampanja.
Salvina u Peppi kienu jqumu mas-serduk biex ilaħħqu jlestu x-xogħol li kellhom jagħmlu fir-razzett. Madanakollu, għodwa waħda, meta Peppi daħal fil-kċina biex jieħu belgħa kafè, imsarnu niżlu f'saqajh u b'ħanġra daqsiex beda jgħajjat lil Salvina. Il-kċina kienet imqallba ta' taħt fuq, diżordni, ħmieġ u rwejjaħ jintnu. F'moħħhom ħasbu li daħlulhom il-ħallelin imma ma sabu xejn misruq. Huma sabu fliexken mal-art, żibel imxerred mal-art u fuq it-tapit, tidlik ma' kullimkien u xkafef imqallbin.
Salvina u Peppi mħassbin u nkwetati, ma setgħux jifhmu x'seta' ġara. Peppi ntebaħ li l-bieb tal-kċina li kien jagħti għal ġor-razzett kien miftuħ, kif ukoll il-kanċell tar-razzett. Salvina mill-ewwel indunat x'kien ġara. Ġara li Peppi nesa jagħlaq il-kanċell tar-razzett, kif ukoll il-bieb tal-kċina. Dan l-aħħar, Peppi kien qed jinsa, mhux ftit, miskin povru Peppi! Salvina riedet toqtlu bir-rabja li kellha għalih! L-annimali kienu daħlu fil-kċina u għamlu ħerba sħiħa.
X'biċċa xogħol kellhom Salvina u Peppi. Issa kellhom joqogħdu jaħslu, inaddfu u jiżbarazzaw il-kċina. Għalihom din kienet esperjenza kerha li mhu ser jinsewha qatt.
Kathryn Ellul (Form 1.2)
----------------------------------------------------------------------------------------------
Pawlu u Marija kienu ilhom għoxrin sena miżżewġin u qatt ma ħarġu minn xtut pajjiżhom. Għall-anniversarju tħajru jagħmlu ġita ġol-Italja waħedhom. Iż-żewġt itfal tagħhom, Peter ta' dsatax u Rita ta' sbatax, kellhom jieħdu ħsieb id-dar u l-kelb Nunu. Telqu b'moħħhm mistrieħ li ħallew kollox f'idejn tajba.
Wara safra ta' ħmistax stennew lit-tifel biex jiġborhom mill-ajruport, però kellhom jieħdu karozza tal-kiri biex jaslu d-dar għax ħallihom l-art. Malli fetħu l-bieb ta' barra laqgħathom riħa stramba u tinten seba' pesti.
Lil Pawlu u Marija kienet qed tistenniehom dehra tat-tkexkix. Lemħu lit-tfal tagħhom u nies oħra barranin li ma jafuhomx, reqdin mal-art. Ħadu ħasda ikbar meta waslu fil-kċina. Kien hemm fliexken tax-xorb ma' kullimkien, platti, borom, taġnijiet u kzazel maħmuġin u maħruqin. Il-ħajt ta' fuq il-kuker kien iswed tuta li dbiel u beda jinten. Anki l-povru kelb kien sar għadma u ġilda għaliex milli jidher lanqas kien hemm ħadd li temgħu. Kien hemm ħmieġ tal-kelb kull fejn tħares.
L-imsejknin Pawlu u Marija kienet ser tagħtihom rashom meta raw din ix-xena. Ħasbu li kienu fi ħmar il-lejl. Malajr indunaw kemm ġiethom għolja dik l-imbierka safra!
Tereża Bianco (Form 1.3)
Prosit!!
ReplyDeleteTajjeb hafna!
ReplyDelete