Wednesday, February 29, 2012

L-Istaġuni



     F'kull sena, l-istaġuni jinbidlu. Mhux kull staġun huwa l-istess. Hemm erba' staġuni fis-sena: ix-xitwa, ir-rebbiegħa, is-sajf u l-ħarifa. 
    Ix-xitwa tibda fil-wieħed u għoxrin ta' Diċembru. Hawn ħafna nies li ma jħobbux ix-xitwa. Dan għaliex ikollna x-xita, xi kultant is-sajjetti u kuljum bil-kesħa. Madankollu hawn nies li jħobbuh għax ikollhom aktar ħin biex joqogħdu ġos-sodda jisħnu u jaraw it-televixin. Fix-xitwa, il-ħwejjeġ li nilbsu jkunu bil-kmien twal u nilbsu ħwejjeġ ħoxnin.
    Ir-rebbiegħa tibda fil-wieħed u għoxrin ta' Marzu. Ir-rebbiegħa hija wieħed mill-erba' staġuni. Dan huwa l-perjodu li jifred ix-xitwa u s-sajf. Fil-jiem tar-rebbiegħa jibdew jitwalu l-ġranet. F'dan l-istaġun il-fjuri, is-siġar u l-annimali jibdew jippreparaw biex isebbħu l-ħolqien. 
    Is-sajf huwa l-iktar staġun favorit tiegħi għax inkun nista' ngawdi l-baħar, il-ħbieb u d-dgħajsa u filgħaxija nħobbu nagħmlu BBQ fit-terrazzin jew fuq ix-xtajta tal-baħar. Min-naħa l-oħra s-sajf huwa staġun ta' ħafna sħana u nkunu rrid mmorru l-baħar jew noqogħdu ħdejn xi fann u kif ukoll jibda jkun hemm ħafna dubbien. Is-sajf jibda fil-wieħed u għoxrin ta' Ġunju. 
    Jiena ngawdi l-kuluri tal-weraq tas-siġar, il-weraq li jaqgħu u jinbidlu fil-kulur. Il-kannella, l-isfar, l-aħmar jgħajjat u l-vjola li naraw fil-weraq huma magħmulin l-aktar għall-ħarifa stess. Hija l-kumbinazzjoni ta' dawn l-affarijiet li jagħmlu l-kuluri sbieħ li jien ingawdi ta' kull sena. 
    L-istaġuni huma differenti f'xi pajjiżi oħrajn. Dan jidher għax f'Malta l-Milied niċċelebrawh fil-kesħa u fl-Awstralja jiċċelebrawh fis-sħana. Għalhekk Alla ħalaq l-erba' staġuni biex aħna ma niddejqux fl-istess temp matul is-sena. 

Mariah Bugeja (Form 2.1)
--------------------------------------------------------------------------------------------

     L-istaġuni huma erbgħa. Dawn huma: ix-xitwa, is-sajf, ir-rebbiegħa u l-ħarifa. L-istaġun li ħa nibda nitkellem fuqu huwa s-sajf. 
      L-istaġun favorit tiegħi huwa s-sajf. Dan l-istaġun jogħġobni għax inkunu bil-vaganzi u t-temp dejjem ikun sabiħ. Barra minn hekk il-ħin tal-ġurnata jkun itwal minn tax-xitwa. Peress li t-temp ikun kuljum sabiħ, aħna nkunu nistgħu mmorru ngħumu ta' spiss.
     L-istaġun li jdejjaqni l-iżjed huwa x-xitwa għax it-temp dejjem ikrah u dejjem bix-xita. Għalhekk qatt ma tkun tista' toħroġ minn darek. Il-ħin tal-ġurnata dejjem ikun qasir u dejjem irridu nilbsu ħafna ħwejjeġ. L-eżamijiet ikunu waslu u nkunu rridu nistudjaw. 
    Ir-rebbiegħa huwa staġun qasir għax ma tantx ingawduh. Kulħadd ikun jaf li waslet ir-rebbiegħa għax kull fejn tħares, tara ħafna għelieqi mdawrin bil-fjuri u tisma' ħafna ħsejjes tal-għasafar ipespsu minn ġos-siġar. It-temp ma jkunx imsaħħab daqs ix-xitwa. Fir-rebbiegħa il-ħin ikun itwal. 
      Il-ħarifa ġġib magħha ħafna riħ, temp ikrah u tagħmel ix-xita tal-ħamrija.  Il-ħarifa ma tantx togħġobni għax nistħajjilha qisha x-xitwa, bil-maltemp u ħafna xita li tkun nieżla bil-qliel. 
     Nagħlaq dan il-komponiment billi ngħid li f'Malta l-aktar staġuni li ngawdu huma s-sajf u x-xitwa. Dan għaliex ma tantx ikollna mezzu temp bħal pajjiżi oħra. 

Raisa Cachia (Form 2.2)
--------------------------------------------------------------------------------------------


    L-istaġuni jikkonsistu minn erbgħa, li huma: ix-xitwa, is-sajf, il-ħarifa u kif ukoll ir-rebbiegħa. Kull staġun għandu t-temp differenti tiegħu. 
      Fix-xitwa jkollna ħafna bard u kesħa. Tagħmel ix-xita u ġieli jagħmel is-silġ jew il-borra wkoll. L-iqsar ġranet li jkollna huma fix-xitwa u f'dan l-istaġun jidlam aktar kmieni. F'dan l-istaġun hemm ukoll l-isbaħ festa li hija l-festa tal-Milied. Ix-xitwa huwa l-istaġun favorit tiegħi għax nagħlaq għeluq snini u għax il-kesħa nħobbha ħafna. 
     L-istaġun li jsegwi x-xitwa huwa r-rebbiegħa. Hawn ix-xita tibda tkun aktar skarsa u t-temp jibda jkun aktar sħun. Xi drabi r-rih ikun aktar qawwi. Fil-kampanja nibdew naraw il-fjuri u s-siġar iħaddru l-ambjent ta' madwarna. F'dan l-istaġun min iħobb jgħum jista' jieħu l-ewwel għawma. 
     Wara jiġi s-sajf. Fis-sajf ikollna ħafna sħana. F'dan l-istaġun nilbsu ħwejjeġ ċari u ħfief. It-temperatura titla' ħafna. Fis-sajf ma jkollniex skola u għalhekk hawn ħafna tfal li jħobbuh dan l-istaġun. Fis-sajf ħafna nies jieħdu l-opportunità biex imorru jgħaddu l-ġranet fejn il-baħar u f'dan l-istaġun ħafna nies iħobbu jsiefru. 
     Wara s-sajf tiġi l-ħarifa. F'dan l-istaġun is-siġar iwaqqgħu l-weraq, it-temp jibda jiksaħ u nibdew l-iskola. Tibda l-ewwel xita u nibdew nilbsu ħwejjeġ aktar ħoxnin. F'dan l-istaġun nibdew nippreparaw għax-xitwa. 
     Kull staġun iġib miegħu tibdiliet u xeni differenti, kemm fl-ilbies u kif ukoll fl-affarijiet li nagħmlu. Hekk, il-ħajja tagħna tibqa' tinbidel kontinwament, bħall-arloġġ li qatt ma jieqaf u ma jistenna lil ħadd, hekk ukoll l-istaġuni dejjem għaddejjin minn wieħed għall-ieħor bla waqfien. 


Deborah Saliba (Form 2.3)

1 comment: