Wednesday, April 18, 2012

Deskrizzjoni ta' post

     Minn dejjem xtaqt immur fejn joqgħod in-nannu tiegħi, ġol-gżira misterjuża! Nagħmel sigħat twal infittex fuq il-kotba, u darba minnhom irnexxieli nsibha. Jien u missieri qbadna vapur u tlaqna lejn din il-gżira. 

     Wasalna hemmhekk u bqajna skantati bis-sbuħija li kien hemm. Kollox ikkulurit, temp sabiħ immens. Il-ħut jiġri jaqdef kullimkien, ċinji jixorbu l-ilma tax-xmara. Hemmhekk bilkemm tara lil xi bniedem, ma tismax għajjat tan-nies, ħlief l-ilma nieżel mix-xmara. Jiena dak il-ħin bqajt iċċassata u ma ċċaqlaqtx. Kull ma bdejt nagħmel kien li nitpaxxa. Ħsejjes bojod ma tantx tisma', imma tisma' żgur xi għasfur ipespes u l-atmosfera relassanti aktar tibda żżid. Nista' nara wkoll xi weraq aħmar u l-qawsalla wkoll. Hemm xi fjuri tal-ilma u xi ġebel. Ix-xmara wisq sabiħa u dik il-qawsalla tista' tintelaq fuqha. Hemm riħa ta' baħar u fjuri. Meta nkun f'dan il-post, tgħidx kemm nibda naħseb fuq kemm hu intelliġenti Alla li ħalaq dan il-post tant meraviljuż. Iġiegħlni nħoss il-paċi fid-dinja daqs kemm hemm sbuħija u kwiet. Dan kollu jfakkarni f'meta kont żgħira, konna mmorru Ta' Qali nilagħbu bil-ballun fuq il-ħaxix, sabiħ u nadif. Dan il-post nassoċjah ħafna ma' 'Chadwick Lakes'. 

     Jiena xtaqt li nibqa' hemmhekk għal dejjem imma missieri ma jħallinix nibqa' hemm. Post tal-ġenn u meraviljuż. Nibqa' niftakar f'dak il-jum għal dejjem. 

Yana Vella (Form 1.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     F'din l-istampa qegħdin naraw għadira sabiħa kollha lwien. Mill-blat forma ta' taraġ, nieżla nixxiegħa tal-ilma. Madwarha l-blat mimli ħaxix aħdar u siġar. 

     Il-blat innifsu miksi b'likeni. Id-dawl tax-xemx qiegħed jirrifletti kuluri tal-qawsalla fuq l-ilma nieżel igelgel mal-blat. L-ilma kalm fl-għadira miksi b'ġilhi minn kull lewn, roża, sofor, oranġjo u bil-weraq tond u kbir tagħhom. Fl-ilma jidher il-ħut tal-ilma ħelu jdur. Anke dawn għandhom kuluri sbieħ, rashom oranġjo u l-kumplament fl-isfar. Fit-tarf qrib in-nixxiegħa hemm żewġ ċinji bojod, il-ġmiel tagħhom ikompli jsebbaħ l-istampa. 
     L-art madwar l-għadira mdawra ħaxix u b'weraq ħodor u hemm minnhom li jagħtu fl-aħmar. Din l-istampa tagħtini sens ta' kalma, ta' paċi, ta' ġmiel imsaħħar. Hija dehra li nimmaġina f'xi ħrafa ta' fatati żgħar. Kważi kważi nimmaġinahom itiru minn fuq werqa għall-oħra. 

     Post li jfakkarni f'din l-istampa huwa ċ-'Chadwick Lakes', li jinsab qrib ir-raħal fejn noqgħod jien - ir-Rabat. Fir-rebbiegħa u x-xitwa, dan il-post jimtela' bix-xita mill-għelieqi jħaddru ta' madwaru u l-ilma bil-weraq u ġieli anke jikbru ġilji tal-ilma ħelu. Ċinji qatt ma rajt iżda naraw ħafna żrinġijiet jaqbżu u jistaħbew fil-ħaxix. Kemm ġranet sbieħ qattajna hawnhekk nimxu u aħna nilagħbu ma' xulxin. Ommi u missieri 'l quddiem, b'xi ġewlaq mimli ikel u b'basket b'kutra, sakemm insibu xi għalqa mimlija ħaxix u hemm nagħmlu ikla u nqattgħu nofs ta' nhar nitbasktu bix-xemx, nitgħażżnu u ngawdu l-ġmiel tan-natura. 

Alessia Tonna (Form 1.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Dan il-ġnien mimli kuluri, bħall-aħdar, aħmar, vjola, u l-blu. Fl-istampa nista' nara ħut, fjuri u xi tipi oħra t'annimali.
     F'din l-istampa nista' nara qawsalla li għandha ħafna kuluri sbieħ. Nista' nara kaskata li minnha qed jinżel ħafna ilma. L-aktar kulur li tista' tara f'din l-istampa huwa l-kulur aħdar. L-ilma kollu aħdar, sal-ħuta li hemm taħt l-ilma. Nista' nara pjanti bħal dawk li jsejħulhom 'water lilies' li fuqhom joqogħdu ż-żrinġijiet. Il-kuluri huma mħaltin ma' xulxin, pereżempju l-ilma mhux kollu aħdar iżda għandu ftit isfar imħallat miegħu. Nista' nara wkoll żewġ ċinji bojod fil-wiċċ tal-ilma. 
     Dan il-ġnien ifakkarni f'xi ħaġa partikolari. Ifakkarni fil-mużika. Il-mużika tista' tesprimi ruħha b'dan il-mod, fil-kwiet. Jekk xi darba jkolli mmur f'post hekk, inħossni kwieta u paċifika. Inħossni libera li ħadd ma jista' jgħidli x'għandi nagħmel, qisu l-post fejn wiehed jista' joqgħod bilqiegħda u jaħseb fil-kwiet mingħajr storbju. Naħseb li anki l-annimali jkunu qegħdin fil-kwiet hemmhekk!
     Meta nkun qiegħda ndoqq il-pjanu nipprova nsib post fejn nieħu gost indoqq l-aktar. Minn dejjem kien jiġini f'moħħi ġnien mimli kuluri. Meta darba kont qiegħda naħseb, għidt "Iva, dan il-ġnien insemmih 'Il-Ġnien tal-Kuluri!'"


Mariam Grima (Form 1.3)

1 comment: