Wednesday, April 25, 2012

Kompetizzjoni EkoSkola

Jum fost l-oħrajn, ma' tlugħ ix-xemx, Ċetta u Ġanna kienu għand tal-ħaxix jixtru l-ħaxix frisk li kellhom bżonn. Waqt li kienu qegħdin jistennew fil-kju flimkien, kellhom diskussjoni ferm interessanti. 

"Reġa' ġieni l-kont tad-dawl u l-ilma," gergret Ċetta, "U donnu kull darba jiżdied."

Tiegħi ġie ukoll, imma din id-darba naqas ftit għax bdejt noqgħod iktar attenta li ma naħlix iż-żejjed dawl u ilma," qalet Ġanna. 

"X'qiegħda tagħmel Ġann mela biex ma taħlix?" staqsiet Ċetta mimlija kurżità.

"L-ewwel ma bdejt nagħmel huwa li wara li jinħasel kulħadd, nitfi l-giżer u mbagħad nerġa' nixegħlu daqs nofs siegħa jew tliet kwarti qabel ma jerġa' jinħasel xi ħadd minna. Hekk ma tħallihx jixgħel għalxejn," spjegat Ġanna. 

B'attenzjoni kbira, Ċetta qalet, "Iva! Idea tajba ħafna u verament sempliċi."

"Tista' wkoll tixtri forn tal-gass minflok tal-elettriku biex ma tużax ħafna enerġija. Meta tuża xi plakka kun ċerta li titfi s-swiċċ u wara li taħsel idejk, għalaq il-vit sewwa biex ma jqattarx l-ilma," kompliet tispjega Ġanna. 

"Qatt ma bsart li dawn l-affarijiet żgħar jistgħu jgħinuni niffranka d-dawl u l-ilma!" stagħġbet Ċetta. 

"Jekk trid li verament tiffranka, nissuġġerilek li tixtri l-pannelli solari. Dawn rajthom jgħinu ħafna. Dawn jgħinuk biex minflok il-magni tħaddimhom bl-elettriku, tħaddimhom bix-xemx," ikkummentat Ġanna. 

"Illum imnalla kellimtek Ġann!" Issa nisma' minnek u nagħmel kif għidtli forsi niffranka xi ftit tal-flus," qalet Ċetta. 

"Meta trid u meta jogħġbok," wieġbet Ġanna, "Fuq kollox m'aħniex ġirien għalxejn!"

"Grazzi ħafna. Urejtni kemm hu faċli tiffranka d-dawl u l-ilma mingħajr ħafna spejjeż u fuq kollox ma nagħmlux ħsara lill-ambjent!" tenniet Ċetta. 

Diane Cutajar (Form 2.3)
--------------------------------------------------------------------------------------

Gerita u Ċensina kienu fi triqthom lejn il-Belt. Huma bdew jitkellmu fuq kemm kienu ilhom ma jiltaqgħu.

Gerita qalet lil Ċensina, “Fejn hi rasek?”

“Veru kemm ilna ma naraw lil xulxin,” weġbitha Ċensina, “Kif aħna?”

Gerita weġbitha, “Jien mhux ħażin. Int kif int? U kif inhi ż-żgħira tiegħek?”

“Jiena tajba u anki Marija tinsab tajba. Sejra tajjeb ħafna fl-iskola u qed nitgħallem jien magħha,” qalet Ċensina.

Gerita qalet, “Tassew? X’qegħdin titgallmu mela? Interessanti din!”

“Bħalissa qed nitgħallmu dwar l-enerġija u kemm hi prezzjuża. Imnalla li qed jippreparawhom minn issa. Taf kemm għolew il-kontijiet tad-dawl u l-ilma?” gergret Ċensina.

“Naf, naf,” qablet magħha Gerita, “iżda għidli x’suġġerimenti tagħthom l-għalliema sabiex ma jaħlux wisq dawl u ilma. Naħseb li niġi bżonnhom.”

Ċensina wieġbet, “Milli qaltli Marija, fil-vaganzi tal-Għid li għaddew, ġew in-nies apposta sabiex ibiddlu l-bozoz kollha tal-iskola għal bozoz ġodda li għidulhom ‘energy saving’. Din il-bozza taħli inqas enerġija mill-bozoz li aħna mdorrijin bihom u sservi aktar,” stqarret Ċensina.

“Iva, smajt bihom dawn il-bozoz. Mistgħaġbin x’differenza jagħmlu!” stqarret Gerita. “Inti smajt bis-‘solar water heaters’ li vvintaw issa? Dawn jużaw ir-raġġi tax-xemx biex isaħħnu l-ilma.”

Ċensina qaltilha, “Dażgur li smajt bihom! Marija qaltli li ser jitgħallmu dwarhom illum stess. Kos! Marija kważi spiċċat mill-iskola! Ħa jkolli mmur niġborha mill-iskola. Narak Gerita! Ħadt gost li ltqajt miegħek. Il-ġurnata t-tajba!”

“Lilek ukoll, Ċens! Narak!” wieġbet Gerita.

Mariah Farrugia (Form 2.2)
--------------------------------------------------------------------------------------

Ġuża ltaqgħet mal-ġara tagħha Marija li kienet ġejja mix-xirja ta’ kuljum. Ġuża kienet ilha ma taraha u għalhekk għajtitilha.

“Bonġu Marija. Kif int?” qaltilha Ġuża.

“Tajba grazzi,” irrispondietha Marija.

Sadanittant wasal il-pustier u newlilhom il-posta.

“Dan hu l-kont tad-dawl u l-ilma,” kemmxet xofftejha Marija, “X’waħda din, dan kif ġie daqshekk għoli?”  stagħġbet Marija.

“Jien m’għadux jiġini għoli,” qabżet pronta pronta Ġuża. “Minn mindu segwejt il-miżuri li kienu ħabbru, il-kont m’għadux jiġi għoli u ħadna r-ruħ.”

Marija staqsiet, “X’inhuma dawn il-miżuri?”

“Hemm ħafna x’wieħed jista’ jagħmel,” weġbitha Ġuża. “L-ewwel ħaġa li għamilt fid-dar tiegħi kienet li biddilt il-bozoz kollha u għamilthom minn dawk li jgħidulhom ‘energy savers’. Investejt f’pannelli tax-xemx biex permezz tax-xemx insaħħan l-ilma minflok ma nuża l-giżer.”

“Ġewk xejn għoljin dawn il-pannelli?” staqsiet Marija.

“U le, Mari, kien hemm l-iskema tal-Gvern li ssusidja parti mill-ispiża,” weġbitha Ġuża. “Hemm affarijiet oħra x’tista’ tagħmel, pereżempju tevita li tixgħel id-dawl matul il-ġurnata u titfi kompletament l-apparat elettroniku kollu u mhux tħallih ‘stand by’. Biex tiffranka l-ilma ħeġġeġ lill-familja tiegħek jieħdu doċċa u mhux jimlew il-banju,” temmet tgħid Ġuża.

“Dawn ideat tassew utli u bi ħsiebni nużahom kemm jista’ jkun,” qalet Marija. “Saħħa Ġuż,” u dlonk telqet u marret lura f’darha.

Davinia Agius (Form 2.1)

No comments:

Post a Comment