Wednesday, January 8, 2014

Komponiment deskrittiv

Kienu d-disgħa neqsin kwart ta' filgħaxija u għalhekk dħalt norqod fis-sodda għax kont għajjiena wara ġurnata skola. Dak il-lejl stess ħlomt ħolma sabiħa. Ħolma li qatt mhu ser ninsieha. 

Ħlomt li qiegħda ġo ġnien kbir u li qed nara tifla ċkejka rieqda fuq siġra maġika. Is-siġra kienet għolja b'zokk wiesgħa li tilħaq 'il fuq mis-sema u ħelu b'forma ta' qlub imdendlin magħha. It-tifla kellha xagħarha iswed tuta marbut, wiċċha aħmar peprin bix-xemx, libsa roża qasira kollha fosos ileqqu u bwiez suwed u qosra. It-tifla ċ-ċkejkna kienet qiegħda żżomm ktieb żgħir u oħxon f'idha. 

F'dan il-ġnien xammejt riħa tfuħ li taqsamlek qalbek. Riħa ta' fjuri differenti bħal ward, ġiżimin, qronfol u peprin. Smajt l-għasafar jgħannu u jkantaw, li ħadt ħafna gost bihom. Ħassejtni li qiegħda fil-ġenna tal-art. Missejt il-pjanti u l-fjuri kollha li kien hemm fil-ġnien. Kilt kull tip ta' ħelu b'togħma differenti ta' frawli, banana, larinġ, tuffieħ u ħawħ frisk. Kienu tajbin manna. Sadanittant it-tifla ċkejkna baqgħet rieqda qisha Bambin fil-maxtura. Għalxejn bdejt nipprova nqajjimha biex nilagħbu flimkien għax kien kollu ta' xejn. Rieqda kienet u rieqda baqgħet. 

Din il-ħolma hija l-isbaħ ħolma li qatt ħlomt. Kull darba li niftakar fiha ġġibli ferħ u tbissima fuq fommi. Naħseb li se nibqa' niftakarha tul ħajtu kollha. 

Naomi Zammit (Form 2.1) 


----------

Ħafna żgħażagħ jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom billi jitkellmu ma' xi ħadd jew jiktbu fi djarju. Jien nippreferi npinġi l-emozzjonijiet tiegħi biex nesprimihom, bħal pittur li għamel stampa mill-isbaħ fi Franza, u li ma stajtx nieqaf nammiraha.

L-ewwel ħaġa li ġibditni lejn din il-pittura kienet is-sens ta' ferħ u trankwillita' li kienet tittrażmetti. Ma stajtx ma ninnotax is-siġra kbira, f'forma ta' benniena li kien hemm fin-nofs. Fuq iz-zokk kellha disinn sabiħ ta' fjuri kbar qishom ġirasoli. Il-friegħi kienu partikolari immens b'kull waħda qisha nokla tax-xagħar. Qatt ma kont rajt siġra hekk speċjali. Il-weraq tagħha kienu kollha tondi, donnhom blalen ta' daqsijiet differenti u mdendlin mal-friegħi kien hemm numru ta' qlub suwed u griżi 

Fuq din is-siġra maġika kien hemm tifla ħelwa bi tbissima fuq wiċċha. Kellha għajnejha magħluqin u b'par wardiet fuq ħaddejha. Xagħarha kien magħmul f'malji żgħar, suwed dlam u ma' moħħha kellha frenza qasira. Donnha kellha għal qalbha l-ktieb li kien miftuħ fuq sidirha għax fil-fehma tiegħi kienet qiegħda tgħannqu. Naħseb li l-emozzjoni li ried jittrażmettilna l-pittur kien wieħed ta' sigurta' u paċi. Dak il-ħin xtaqt li nkun dik it-tifla rrilassata. 

L-isfond tal-pittura kien wieħed li juri sema u s-sħab tajjar li kompla jagħmel din it-tpinġija xi ħaġa tal-ħolm. It-tidwir irqiq kompla jsebbaħ dan l-isfond b'mod kreattiv.

Il-pożittivita' li tqanqal din il-pittura kompliet tispirani biex nesprimi l-emozzjonijiet tiegħi bit-tpinġija. Kemm nixtieq li għandi din l-istampa fil-kamra tiegħi!

Leah Camilleri (Form 2.2)

----------

Liża hija tifla ta' għaxar snin. Hija magħmula żgħira, wiċċha tond u bajdani filwaqt li xagħarha huwa iswed tuta u kemxejn twil. Ħaddejha huma ħomor nar u għajnejha żgħar, ta' kulur blu ċar bħas-sema. Il-passatemp tagħha hu l-qari u dejjem issibha bi ktieb f'idejha. 

Liża qiegħda taqra ktieb interessanti u romantiku fuq prinċep u prinċipessa. Qiegħda mimduda fuq zokk oħxon ta' siġra xiħa. Kemm tħobb taqra fuq dan iz-zokk imdawra b'ħafna ħaxix. Il-ħemda ta' madwarha tgħinha biex tikkonċentra fuq l-istorja li qiegħda taqra. Ir-riħa tal-fjuri kkuluriti u daħkana tħeddilha. Madwarha z-zkuk żgħar huma kollha ttundjati u minnhom qed jiddendlu ħafna qlub żgħar ta' kull lewn. Hi tħoss il-fjuri qed jiżfnu madwarha hekk kif qed tieħu gost taqra din l-istorja. Hi mdawra b'sema kaħlana mimlija disinni u taħtha s-sħab abjad li jdur madwarha qisu ħajt li jaqtagħha mid-dinja mgħaġġla u jeħodha f'dinja ta' paċi u ta' mistrieħ. Minflok weraq, is-siġra tinsab imdawra bi bżieżaq żgħar ta' lwien differenti u permezz tagħhom tħossha qed titla' iktar u iktar fl-għoli u 'l bogħod minn kulħadd. 

It-tpespis tal-għasafar u ż-żiffa ħelwa li tmelsilha wiċċha malajr ikaxkruha bil-mod il-mod f'ħolma romantika. Tibda tara kollox idur madwarha. Għajnejha jingħalqu qishom purtiera u hekk tidħol f'dinja oħra ta' fantasija u avventura. 

F'daqqa waħda Liża ddur u l-ktieb tagħha jaqa' mal-art. Fil-pront tistenbaħ u tinduna li sfortunatament dik id-dinja trankwilla mimlija bżieżaq, qlub u fjuri hija biss ħolma sabiħa. 

Louisa Camilleri Naudi (Form 2.3) 

1 comment: