Triq tas-Salib,
Ħal Għaxaq,
GXQ 2040
Il-15 ta' Jannar, 2014
Skola Santa Dorotea,
Triq l-Imdina,
Ħaż-Żebbuġ,
ŻBĠ 9013
Sor Doreen Cuschieri,
Nispera li tinsab tajba. Jien qed niktiblek din l-ittra biex nirringrazzjak għal kull ħaġa li tagħmel għall-iskola tagħna. Min jaf kemm tbati biex iżżomm l-iskola fuq saqajha.
Nisma' ħafna nies li jfaħħru 'l-iskola tagħna u jien naf li kollox bis-saħħa tiegħek isir. L-iktar li jogħġbuni huma l-attivitajiet li tagħmlilna. Dawn ikunu interessanti ħafna. L-iktar waħda li togħġobni dik il-ġurnata fejn jippreżentaw iċ-ċertifikati lil dawk it-tfal li jkunu marru tajjeb fis-sena skolastika ta' qabel. Dakinhar, aħna t-tfal inkunu nistgħu naqsmu t-talenti tagħna mal-ħbieb u mal-ġenituri. Jogħġobni wkoll jum l-isport, l-iktar meta jiġu xi nies minn xi stazzjon tar-radju bħal '8.97 Bay' biex jagħmlulna xi ftit diski. B'hekk il-ġurnata ma tkunx monotona.
Biex nagħlaq nixtieq nerġa' nirringrazzjak ta' kull ħaġa li tagħmel għall-iskola, napprezza ħafna u nittama li Alla jipprovdilek iktar saħħa biex tibqa' l-kap tal-iskola tagħna.
Tislijiet,
(Firma)
Kersty-Jo Zammit.
----------
30, "Il-Panorama,"
Triq Wenzu Dyer,
Il-Ħamrun,
ĦMR 1234
Is-17 ta' Jannar, 2014
Lill-kap tal-iskola,
Skola Santa Dorotea,
Triq l-Imdina,
Ħaż-Żebbuġ,
ŻBĠ 1908
Għażiża kap tal-iskola,
Qed niktiblek din l-ittra biex nirringrazzjak ta' dawn l-attivitajiet li qed isiru fl-iskola. Kemm jien u kif ukoll sħabi, qed nieħdu gost immorru l-attivitajiet waqt il-brejk. L-aktar attività li nħobb immur hija dik tal-Eko Skola u d-drama għax fihom nitgħallem fuq in-natura u nesprimi lili nnifsi aħjar, fid-drama.
Nirringrazzjak ukoll għal dik il-ġurnata ddedikata lill-isports. Tgħidx kemm inkun ħerqana biex tasal għax nagħmlu ħafna attivitajiet li ma nagħmlux waqt il-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika. F'din l-attività anki l-ġenituri jkunu mistednin jiġu, għalhekk tkun aktar interessanti. Nammirak ukoll għax irnexxilek iddaħħal il-laqgħa tat-talb li jiena darba f'ġimgħa nkun qed nistennieha biex nitgħallem aktar dwar Sidna Ġesù. Attività oħra li nixtieq nibda nattendi hija dik taż-żfin għax jinteressani. L-aħħar ħaġa li xtaqt insemmilek hija dik tal-Klabb tal-Kotba. Attività interessanti ħafna għax barra li tippromwovi l-qari jiġu anki kittieba magħrufa Maltin, biex ikellmuna.
Ħa nagħlaq din l-ittra billi nirringrazzja lilek u lill-kumplament tal-għalliema għax bis-saħħa tagħkom jien qed ingawdi minn ħafna attivitajiet sbieħ!
Tislijiet,
(Firma)
Kyra Demanuele.
----------
10, Triq ix-Xemx,
Ħal Qormi,
QRM 2480
L-14 ta' Jannar, 2014
Sor D. Cuschieri,
Skola Santa Dorotea,
Triq l-Imdina,
Ħaż-Żebbuġ,
ŻBĠ 3012
Għażiża Sor Doreen Cuschieri,
Nispera li tinsab tajba. Jien jisimni Rouen Virgo u jiena studenta tat-tieni sena fis-sekondarja fl-iskola tiegħek. Ninsab kuntenta li għandi lilek bħala l-kap tal-iskola. Qed niktiblek din l-ittra biex nirringrazzjak ta' dak kollu li tagħmel fl-iskola.
Nixtieq nibda billi ngħidlek li napprezza ħafna l-fatt li inti tiddedika ħafna ħin għalina. Nixtieq ngħid ukoll grazzi għall-attivitajiet li organizzajt għax l-istudenti jieħdu ħafna gost fl-attivitajiet bħall-ħarġiet, Jum il-Matematika, Jum l-Isport u oħrajn. Nixtiequ wkoll li jkollna aktar attivitajiet bħal dawn għax iktar nieħdu pjaċir. Naf li tagħmel ħafna biex tikkuntentana u li tħobbna ħafna biex tagħmel dan kollu għalina.
Jiena u sħabi vera nħobbuha din l-iskola u ma jiddispjaċini xejn li nagħmel parti minnha. Irridek tkun taf li x-xogħol li tagħmel huwa apprezzat minn ħafna studenti u allura nerġa' ngħidlek grazzi ta' kollox.
Tislijiet,
(Firma)
Rouen Virgo.
No comments:
Post a Comment