Ħal Balzan,
BZN 9483
It-3 ta' Jannar, 2014
Għażiża Annalisa,
Kif int? Nittama li tinsab tajba bħali. Jiena ferħana bħalissa, għaliex għadni kif irċivejt sorpriża meraviljuża! Għalkemm ninsab imħabbta bl-istudju, xorta waħda qed inħossni ser intir!
Din is-sorpriża tagħthieli ommi lbieraħ minħabba l-fatt li għalaq tnax-il sena. Missieri huwa msiefer fuq xogħol, u allura iktar ħadtha bi kbira! Din is-sorpriża kienet ġiżirana tad-deheb, li ser nilbisha għall-Ġriżma. Hija teżor għalija għax il-bużnanna tiegħi libsitha fil-gwerra u meta laqtitha bomba, ma mititx, u allura jiena naħseb li għandha xi fortuna.
Kif ġietni x-xoqqa f'moxtha! Issa nilbisha għall-eżamijiet u żgur ngħaddi! Insomma, issa narak il-ġimgħa d-dieħla u nurihielek, u nħallik tmissha ukoll! Sellili għall-familja kollha.
Dejjem tiegħek,
Rachel.
Miktuba minn Rachel Zammit (Form 1.3)
----------
86, Triq ix-Xitwa,
Il-Mosta,
MST 1448
Id-29 ta' Jannar, 2014
Għażiża Elisa,
Kif int? Nispera li tinsab qawwija u sħiħa. F'din l-ittra ħa ngħidlek dwar sorpriża li kelli f'ħajti.
Kelli għeluq snini u kont ħa nagħlaq tnax-il sena. Kien it-tletin ta' April u kien is-Sibt. Kif taf inti, l-iskola diġà kont qlajt ħafna rigali l-ġurnata ta' qabel u l-ġenituri tawni libsa li tista' tintlibes fir-rebbiegħa jew fis-sajf; par xorts, flokk u kartolina. Iz-zijiet, il-kuġini u n-nanniet flimkien xtrawli mowbajl. Sa fejn kont naf jien, dak kien kollox, imma sirt naf wara, li kien hemm iżjed. Il-ġenituri qaluli li kienu ser joħduni xi mkien speċjali għal għeluq snini. F'xi nofsinhar, wasalna r-restorant favorit tiegħi jismu 'Mamma Mia'. Eżatt kif dħalt, rajt lill-familja kollha tiegħi (iz-zijiet, il-kuġini u n-nanniet kollha) kienet hemm, u bdew ikantawli 'Ferħ u Awguri' flimkien! Tgħidx kemm ħadt gost u apprezzajt dak kollu li kienu organizzawli l-membri tal-familja tiegħi. Wara dan kollu, kilna ikla u wara qsamna l-kejk. Tgħidx kemm kien tajjeb l-ikel, speċjalment il-kejk! Dan kollu kien veru sorpriża għalija, u vera ħadt pjaċir!
Nispera li ħadt gost taqra din l-ittra. U bilħaqq, grazzi tar-rigal sabiħ li tajtni!
Dejjem tiegħek,
Alicia.
Miktuba minn Alicia Schembri (Form 1.1)
----------
9, Triq Isouard Xuereb,
Iż-Żurrieq,
ŻRQ 3122
Id-29 ta' Jannar, 2014
Għażiża Anna,
Kif int? Ilni naqra ma niktiblek. Taf xi ġrali? Il-ġenituri ġabuli kelba. Kienet sorpriża li qatt ma stennejtha u kemm fraħt meta rajt il-kelba għax vera kont ilni nixtieq waħda.
Dan kollu ġara xahar ilu meta kont id-dar tan-nanniet ma' ommi u missieri. Meta ommi u missieri telqu, in-nannu mar magħhom. Kienu qaluli li kienu ħa jmorru jixtru żewġ pastizzi. Sakemm marru, mort naqra ktieb u rajt naqra televiżjoni. Wara siegħa, bdejt ngħid kemm ħa jdumu dawn biex jiġu għax kien qed jaqbadni l-ġuħ.
Wara ftit, infetaħ il-bieb u bdejt nisma' passi strambi. Ommi bdiet tgħajjatli biex ninżel. Meta nżilt rajt kelba ħelwa, bajda u kannella. Mort ħdejha u bdiet tifraħ bija. In-nannu qalli li l-isem tagħha kien Nelly. Wara morna għand tal-ħanut tal-annimali u xtrajnielha l-ġugarelli għall-klieb u ikel tal-klieb.
Kemm ħadt pjaċir nilgħab magħha. Jekk tista' erġa' iktibli lura malajr.
Dejjem tiegħek,
Emily.
Miktuba minn Emily Farrugia (Form 1.2)
No comments:
Post a Comment