Thursday, March 13, 2014

Komponiment deskrittiv dwar persuna.

Illum jiena ser nikteb dwar xi ħadd fil-klassi tiegħi. Din il-persuna partikolari hija tassew interessanti!

Din it-tifla hija daqsxejn twila. Xagħarha kważi iswed u għajnejha kannella u ħodor. Tħobb tagħmel xagħarha toppu. Din kienet tgħix l-Ingilterra u għandha ġilda ċara. Għandha ħdax-il sena, bħali, u ħa tagħlaq tnax-il sena f'April. Xi kultant, tħobb iċċaqlaq idejha filwaqt li tkun qed titkellem u verament tħobb tiċċaqlaq fil-lezzjonijiet tal-P.E. Hija tassew irqiqa!

Din hija tifla li hija kapaċi ddawwal il-ġurnata tiegħek! Hija ġentili ħelwa, qalbha tajba u taf kif għandha ddaħħak lil kulħadd. Tant hija ferriħija dit-tifla li kważi qatt ma taraha mdejqa. Din tifla intelliġenti ħafna, u bħali temmen li anki jekk tkun ġibt marka ħażina f'xi ħaġa, jekk ippruvajt, daqslikieku mort tajjeb ħafna. Hija tassew tixbaħni għax aħna nħobbu u nemmnu fl-istess affarijiet. Hija l-akbar ħabiba tiegħi. Tħobb l-annimali, it-tpinġija, il-kant u kif ukoll il-mużika. Għandha ħafna annimali d-dar, minnhom nista' nsemmi Jayjay l-amorin, Poppu u Johnny l-hamsters u Lily l-fekruna tal-ilma. Għandha oħtha u ħuha. Oħtha jisimha Angela u ħuha jismu Max. 

Naħseb li għandek biżżejjed informazzjoni biex ikollok idea għal min qed nirreferi. Taf min hi din? Din hija Nicola Warr!

Maya Mallia (Form 1.2)
----------

Ċensa, mara ta' tnejn u tmenin sena li toqgħod ħdejja. Tgħix flimkien mar-raġel tagħha, tgħix ġo dar antika. Għandhom tifel u mhux miżżewweġ. 

Wiċċha qisu rħama għax ma tarahiex tidħaq, minn banda oħra wiċċha mimli bil-ponot, b'farrett fuq xofftejha. Xagħarha bajdani fil-griż u magħqud. Għajnejha suwed u jleqqu, qishom stilel f'sema sewda. Hija qasira u niexfa għuda. Rari toħroġ, iżda meta toħroġ issaqqi l-pjanti, darba f'ġimgħa, in-nies tar-raħal jibbumbardjawha bil-mistoqsijiet.

Jaħsbu li hi misterjuża u veru! Ma tgħidlekx bonġu jew ċaw! Fl-opinjoni tiegħi naħseb li tħossha waħedha, avolja għandha raġel tagħha. Tħossha mitluqa għax it-tifel tagħha, ilu ma jżurha xi sena. Inħoss li għandha bżonn titħallat iktar fis-soċjetà.

Ma tantx nista' niddeskrivi l-karattru tagħha, għax ma titkellimx man-nies, iżda xi drabi tismagħha titkellem waħedha. Tkun trid tgħin lin-nies iżda qisu xi ħaġa tkun qed iżommha lura. 

Wiċċha qisu qed jgħid xi esperjenzi li għaddiet minnhom hi. Tħobb ħafna l-ornitoloġija. Għandha passatemp stramb, iġġemma' l-kaxxi kbar, żgħar, insomma, ta' kull tip. Ħadd ma jaf x'fihom dawn il-kaxxi, min jgħid li fihom xi ritratti, min ħwejjeġ u min jgħid li f'dawn il-kaxxi hemm affarijiet li kienet tgħożż meta kienet żgħira. 

Il-familja tagħha mhi xejn bħalha, il-familja tagħha hija leali, ir-raġel tagħha affermattiv u pożittiv ħafna. Ma tistax tgħidlu le għax jgħidlek iva! Qisu babbu, il-ħin kollu jdaħħak. It-tifel meta kien adoloxxenti, kien jgħid li jrid isir qassis u hekk ġara. In-nies jgħajtulu 'Jobni'. Mentri Ċensa, hija oġġettiva, tara kollox iswed, iżda huwa importanti li nitrattaw lil kulħadd b'mod ugwali!

Janice Baldacchino (Form 1.3)
----------

Bertu huwa raġel anzjan li għandu madwar sebgħin sena u jgħix fit-triq tagħna. Huwa twil u rqiq qisu s-seba' snin tal-għaks. Għalkemm imdaħħal fiż-żmien, għandu xagħru ffullat, jitfgħu laġemba u l-kulur tiegħu huwa griż b'ħafna abjad. Ta' min jgħid li Bertu, għalkemm huwa raġel anzjan, huwa attiv ħafna u ma jaqta' qalbu qatt.

Xi ftit xhur ilu, Bertu kellu jaqla' snienu kollha u tgħidx kemm ħadha bi kbira. Infatti, għamel xi ftit ġranet ma jidhirx barra għax beda jistħi. Ma damx biex għamel dawk foloz. Nista' ngħidilkom li fit-triq kulħadd kien jaf bihom għax tgħidx kemm kien ferħan li kellu lura s-snien li tilef. Kull darba li jara lil xi ħadd jirrakkontalu xi ġralu, kemm ġewh flus u kemm dam biex dehra jiekol bihom. 

Bertu mwieled Għawdex u għalkemm issa ilu s-snin joqgħod Malta, xorta xi kultant jitfa xi kelma bid-djalett Għawdxi u jkun pront jgħidha sw kif nifhmuha aħna. 

Bertu jirrakkonta spiss fuq ix-xogħol li kien jagħmel. Bertu jgħid li għamel għomru u żmienu jbiegħ il-ħaxix. Ħanut ma kellux, għalhekk kien juża l-vann tiegħu u jdur xi tliet irħula jbiegħ il-ħaxix u l-frott li kien ikollu, frisk u bnin. Ma kienx xogħol faċli, speċjalemtn l-eqqel tax-xitwa jew l-eqqel tas-sajf. Dan kollu jidher fuq wiċċ Bertu għax wiċċu ismar u mkemmex mhux ftit. Żgur li qatt ma dellek xi tip ta' krema kontra x-xemx...

Illum il-ġurnata, Bertu jqatta' l-ġurnata tiegħu billi jqum kmieni ħafna biex jieħu l-kelb tiegħu dawra fil-ġnien kbir li jinsab qrib id-dar fejn joqgħod. Bertu jħobb jirkeb ir-rota wkoll u mhux l-ewwel darba li tarah tiela' t-telgħa għarqan xraba wara xi dawra twila għax Bertu huwa bniedem kuraġġuż u xejn ma jaqtagħlu qalbu. Bertu huwa organizzat għax il-garaxx tiegħu dejjem pulit u kollox f'postu. Huwa jħobb l-indafa, tant li l-karozza tiegħu dejjem nadifa xummiema. Bertu huwa ġentili u qalbu tajba għax dejjem ifittex li jgħin lil ħaddieħor, saħansitra 'l-annimali tat-triq. Dejjem jitma' l-qtates tat-triq u l-għasafar tal-bejt. Huwa edukat u dejjem lest biex jagħti pariri tajbin lil min jitolbu xi parir. 

Bertu għandu karattru sabiħ ħafna. Ma jdejjaq lil ħadd u dejjem ferħan!

Martina DeMarco (Form 1.1)

No comments:

Post a Comment