Wednesday, April 2, 2014

Deskrizzjoni ta' post.

Darba waħda, mort f'post mill-isbaħ mimli bin-natura. Dan il-post kien kbir ħafna u kien fih pjanti ta' kull tip, annimali żgħar u kbar, mimlijin kuluri u kull tip ta' siġra. Dan kellu temp xemxi li qatt ma tara sħaba waħda. Dan il-post semmejtu 'Nixxiegħa' għax kellu nixxiegħa sabiħa fin-nofs.

Dan kien post tropikali b'ħafna annimali fosthom ħut tropikali b'ħafna kuluri bħall-aħmar u l-griż. Iċ-ċinji sbieħ u kienu bojod karti. Il-fjuri kienu mill-isbaħ b'kull tip ta' kulur. Kien hemm ukoll qawsalla sabiħa fin-nofs tal-post. 

Kien hemm riħa ta' fjuri ta' filgħodu, tal-arja pura u tal-ħaxix niedi ma' kullimkien. Meta kont hemm, f'dan il-post ħassejtni ferħana ħafna u kont inħossni rrilassata ħafna bis-sbuħija tan-natura ta' madwari. Stajt nisma' wkoll it-tpespis tal-għasafar ħelwin minn fuq is-siġar għoli li kien hemm. Kien hemm atmosfera tal-ferħ, sbuħija u tan-natura. 

Dan il-post ma nqabblu ma' xejn għax m'hemmx post isbaħ minn dan. F'daqqa waħda ħassejtni imdejqa ħafna għax bdejt nisma' d-daqq tal-arloġġ biex iqajjimni għall-iskola. Kemm nixtieq li għadni f'dak il-post mill-isbaħ!

Sarah Attard (Form 1.3) 
----------

F'dan il-post issib ħafna ħajja. Tħossok irrilassata u mingħajr bżonn ta' mezzi elettroniċi, għax f'dan il-post tkun qisek fis-sħab jew fis-seba' sema. Hawn ma tarax karozzi, ajruplani jew magni, imma siġar, pjanti, annimali ta' kull tip u ambjent sabiħ u nadif. 

Jien qiegħda nħares lejn għadira kbira b'ħafna ċinji sbieħ u eleganti. Fl-ilma tara ħut ta' kull tip u kulur, waħda ikbar minn oħra. Hawnhekk ġġib ktieb miegħek u taqrah bil-kwiet jew inkella tirrilassa u tara s-sbuħija t'ambjent madwarek. 

F'dan il-post tant sabiħ tista' xxomm ir-riħa tal-fjuri sbieħ, kbar u żgħar. Il-fjuri li jikbru f'dan il-post, b'mod speċjali huma l-ġilju tal-ilma. Ħafna drabi tara xi qawsalla sabiħa. Hemm ukoll kaskata hawn, ma tantx hi għolja imma sabiħa immens kif inhi. 

L-għasafar ipespsu u jittajru dejjem hija xi ħaġa ħelwa li tara jew tisma'. Is-siġar huma mimlijin weraq sbieħ u ma nsemmix il-fjuri sbieħ, li jagħmlu riħa tfuħ ħafna. Imma l-isbaħ żminijiet huma r-rebbiegħa u l-ħarifa, għax fir-rebbiegħa ċ-ċinji jkollhom iż-żgħar. Fil-ħarifa l-weraq tas-siġar ikunu kollha kuluri bħall-aħmar, isfar, oranġjo u xi drabi ftit vjola. 

Aimee Sciberras (Form 1.1)
----------

Fl-istampa li qed nara, nimmaġina li hemm il-kampanja sabiħa ħafna. Dan ir-ritratt żgur li ġie meħud fi żmien ir-rebbiegħa, allura iktar u iktar ikun sabiħ iktar mis-soltu. Hemm ukoll atmosfera sabiħa u naturali ħafna. 

B'kollox hemm tlettax-il fjura. Hemm tlieta minnhom li għandhom petali bojod imma fin-nofs hemm ir-roża ċar. Sitta minnhom ħomor bl-aħdar fil-ġenb tal-petali. Hemm ukoll erba' fjuriet bojod silġ. Hemm weraq kannella wkoll, imma l-kannella mhux normali imma isbaħ minn tas-soltu. Hemm ukoll weraq aħdar. 

'Il-bogħod bil-kemm tidher, hemm kaskata bit-taraġ u ħdejha hemm is-siġriet li huma twal ħafna, bl-ilma abjad silġ taħthom. Il-kaskata hemm il-pjanti fuqha. Quddiem il-kaskata hemm qawsalla, kbira u sabiħa. Jekk tħares ġol-ilma sew issib żewġ ħutiet li qegħdin iduru fit-tond. Il-kulur tal-ħut huwa abjad imma rasu oranġjo. Fejn il-kaskata hemm żewġ papri bojod. 

Ir-riħa li tinxtamm f'dan il-post hi inkredibbli. Kieku noħodha kullimkien miegħi. Meta nxomm dik ir-riħa nkun qed inxomm il-fjuri, ir-riħa tas-siġar u tal-ilma nadif. 

Kylie Vella (Form 1.2)

No comments:

Post a Comment