Wednesday, April 30, 2014

Komponiment argumentattiv 1

L-iskola, filgħodu jew filgħaxija?

Jiena, personalment nippreferi li l-iskola tkun filgħodu iżda ma nkunx nixtieqha fit-tmienja neqsin ħamsa, għax tibda kmieni wisq. Il-ħin ideali jkun fit-tmienja u nofs. 

Meta l-iskola tkun filgħodu, ikun aħjar għax jekk tkun trid tmur iċ-ċinema jew toħroġ tiekol mal-ħbieb, ikun isbaħ jekk tmur filgħaxija. Mill-banda l-oħra, jekk l-iskola tkun filgħaxija, ix-xogħol għad-dar inkunu nistgħu nagħmluh meta nqumu u moħħna jkun għadu frisk. Tajjeb ukoll għax ma jkunx hemm għalfejn inqumu kmieni u meta tkun trid tistudja, tistudja filgħodu meta tkun għadek ġejja minn raqda twila. 

Ħafna studenti jippreferu l-iskola filgħaxija ħalli ma jkunux nofshom reqdin waqt l-ewwel lezzjoni u oħrajn jippreferuha filgħodu ħalli jeħilsuha. Xi studenti jippreferu li nofs il-ġranet tal-ġimgħa jkunu skola filgħodu u n-nofs l-ieħor ikunu filgħaxija. 

Issa kif qiegħda nikteb dan il-komponiment, qiegħda ninduna li iktar tolqotni l-idea li nofs il-ġranet ikunu filgħodu u n-nofs l-ieħor ikunu filgħaxija, għax pereżempju; it-Tnejn u t-Tlieta jista' jkollna l-iskola filgħodu, u l-Ħamis u l-Ġimgħa jkollna l-iskola filgħaxija. B'hekk ikollna taħlita u mhux dejjem l-istess.

Kulħadd għandu opinjoni differenti iżda fl-aħħar mill-aħħar, mhux l-istudenti jagħżlu l-ġranet u fiex ħin tkun l-iskola. Fl-aħħar mill-aħħar l-iskejjel ta' Malta filgħodu jkunu l-lezzjonijiet.

Valentina Borg (Form 2.1)
----------
L-internet, ħela ta' ħin?

Jekk tuża l-internet bilgħaqal u għal skopijiet ta' bżonn, ma naħsibx li dan ikun ħela ta' ħin. Bħala internet jiena nużah ħafna u ġieli jkolli xi argument ma' ommi  fuq din il-ħaġa. 

L-internet nużah għal xogħol tad-dar, nużah biex inniżżel xi logħob minn fuqu, nużah biex nitkellem fuq affarijiet li jkolli bżonn ma' sħabi, nużah biex nixtri xi affarijiet, insomma nużah għal ħafna affarijiet tal-bżonn u tajbin. Imbagħad narah ħela ta' ħin avolja nużah meta nkun qed nilgħab xi logħba minn fuqu jew noqgħod indoqq xi diski. Hawn min jużah għal skopijiet ħżiena u dak żgur li hu ħela ta' ħin. 

Jiena naħseb li mhux kulħadd jaħsibha l-istess, min jgħid li huwa ħela ta' ħin u min jgħid li huwa tal-bżonn. Min jgħid li mingħajru ma jgħaddix u min jgħid li m'għandux xi jridu. Jien kull opinjoni nirrispetta għaliex kulħadd jgħid dak li jħoss hu.

Insomma, kif ġiet id-dinja llum jiena nibqa' ngħid li mhuwiex ħela ta' ħin għaliex illum qed nagħmlu kollox bih; nixtru, inħallsu, naħdmu minn fuqu u ħafna oħrajn. Ma naħsibx li huwa ħela ta' ħin għax ħafna anzjani qegħdin imorru jitgħallmuh, kulħadd irid jitkellem mat-tfal li joqogħdu barra minn Malta u min irid jgħin lit-tfal għax jitgħallmuh l-iskola.

Ħela ta' ħin meta fuq il-bank tal-iskola dieħel l-internet biex nużawh waqt il-lezzjonijiet? Qed jitgħallmu jagħmlu l-lezzjonijiet minn fuqu biex niffrankaw il-ħin. Il-ġenituri tiegħi igergru miegħi meta nużah għal xi skop ta' rilassament għaliex huma jaħsbu li l-internet qiegħed f'każ ta' bżonn u mhux biex ninħela fuqu. 

Għalhekk bdejt nitgħallem biex nibda nużah għal xi xogħol li jkolli bżonn minn fuqu, xogħol ta' bżonn u mhux naħli l-ħin ninħela mal-internet għalxejn. 

Kimberly Bugeja (Form 2.2)
----------
It-televixin, ġid jew ħsara?

Ħafna nies jistaqsu l-mistoqsija jekk it-televixin jagħmilx il-ġid jew il-ħsara? It-televixin għandu kemm-il vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu.

Ftit mill-vantaġġi tat-televixin huma li jagħtu għajnuna kbira biex titgħallem il-lingwi. Ħafna drabi t-tfal Maltin ikunu jafu kif jitkellmu bit-Taljan minn età żgħira għax jaraw programmi bit-Taljan. Fuq it-televixin tista' tara l-aħbarijiet u r-rapporti tat-temp biex iżommuna informati b'x'inhu jiġri madwarna. Ir-rapport tat-temp huwa importanti ħafna għas-sajjiena jew nies b'xogħlijiet li jinvolvu t-temp. L-iktar raġuni li n-nies jieħdu gost jaraw it-televixin hija biex tirrilassa wara ġurnata xogħol. Il-programmi li jiġbru l-flus għall-morda jew għall-foqra huma tajbin ħafna għax kull ma trid tagħmel huwa li ċċempel in-numru li jagħtuk. 

Hemm ukoll l-iżvantaġġi tat-televixin bħall-programmi mhux xierqa jew tal-biża'. L-iktar ħaġa ħażina li jagħmlu n-nies hija li jaħlu kull ħin u kull mument quddiem it-televixin minflok jistudjaw, jaqraw jew jagħmlu xi tip ta' xogħol. Min iqatta' ħafna ħin jara t-televixin, tibda tuġgħu rasu jew anki għajnejh. Jekk jibdew jaraw it-televixin, ikun hemm nuqqas ta' moviment, in-nies jeħxienu u bil-ħxuna jiġi l-mard.

Dawn huma biss ftit mill-vantaġġi u l-iżvantaġġi tat-televixin. Wara kollox, it-televixin bħal kull ħaġa oħra tajjeb, skont kif tużah.

Krysta Falzon (Form 2.3)

Monday, April 7, 2014

Rapport

Jitressaq il-Qorti s-Suspettat tat-Tislib tal-Qtates fil-Mosta.

Wara ħdax-il każ ta' moħqrija tal-qtates, jitressaq suspettat il-qorti. 

L-20 ta' Marzu, 2012

Bernardette Vassallo. 

Għall-ħabta tas-sitta u nofs tal-bieraħ filgħaxija, tressaq il-qorti Nicholas Grech ta' sebgħa u tletin sena, raġel mill-Mosta akkużat bit-tislib tal-qtates fil-Mosta. Grech wieġeb mhux ħati, iżda nżamm arrestat fl-isptar Monte Carmeli.

Fil-qorti nqraw id-dettalji tal-ħdax-il każ li fihom annimali mejta nstabu msallba. Il-pulizija ppreżentat fil-qorti ħmistax-il muftieħ. Bihom kellu aċċess għal diversi kappelli u knejjes. 

Hekk kif kien dieħel il-qorti bil-karozza tal-pulizija, xi persuni qali xi kliem mhux xieraq kontra l-akkużat. Il-pulizija qalet li kienet ilha erbatax-il xahar tinvestiga u tissuspetta lir-raġel. Grech qed jiġi magħruf bħala l-"qattiel tal-annimali."

----------

Ġrajja mhux tas-soltu fl-ajruport il-ġdid ta' Londra.

L-aħbar dwar żewġ għasafar li jisparaw lin-nies bil-'water guns' u ġiraffa tilgħaq it-twieqi.

L-20 ta' Marzu, 2014

Katrina Portelli.

Aktar informazzjoni ħarġet il-bieraħ dwar l-ajruport il-ġdid li fetaħ f'Londra. It-turisti ħadu qatgħa kbira meta ġara xi ħaġa li ħadd ma kien qiegħed jistenna. Waqt li kulħadd kien qiegħed jieħu l-bagalja tiegħu, daħlu żewġ għasafar jisparaw lin-nies bil-'water guns' u daħlet ġiraffa tilgħaq it-twieqi. Intervistajna lil Hannah Store, turista, fuq din l-istorja.

Store qaltilna, "It-twieqi kienu nodfa ħafna, ma kellux bżonn inaddafhom. Waqt li kien qiegħed inaddaf it-twieqi, daħal żiemel jiġri u beda jkanta! It-tfal tiegħi baqgħu iċċassati lejn dawn l-annimali. It-turisti kienu qegħdin jidħku u jibżgħu fl-istess ħin. It-tfal poġġew mal-art u baqgħu jistagħbu." Kellimna lill-ajruport dwar dan li seħħ fl-ewwel t'April u qalulna li din kienet ippjanata bħala ċajta tal-ewwel t'April. 

----------

Kelb attakka mara.

Kelb attakka mara ta' erbgħa u tletin sena fit-tmienja ta' filgħodu.

L-14 ta' Marzu, 2014

Kylie Grech.

Mara ta' erbgħa u tletin sena tiġi attakkata mill-kelb li kien fit-triq ta' Pinu, f'Ħal Għaxaq. 

Kienu t-tmienja ta' filgħodu meta mara, Carmela Gauci, ġiet attakkata minn kelb goff. Il-mara kienet ħierġa mid-dar u kienet miexja lejn ħanut, daħlet ġol-ħanut u rat kelb kbir jistennieha barra l-bieb. Hekk kif ħarġet mill-bieb, il-kelb qabeż fuqha bis-saħħa u gidimha f'saqajha. Din il-mara telqet tiġri u l-kelb beda jiġri warajha biex jaqbadha. Il-mara kienet iffortunata għax il-kelb kien intlaqgħat mill-karozza u miet. 

Wara dik it-traġedja, ġiet l-ambulanza u ħaduha l-isptar. Fortunatament il-mara ma tinsabx fil-periklu tal-mewt. 

Wednesday, April 2, 2014

Deskrizzjoni ta' post.

Darba waħda, mort f'post mill-isbaħ mimli bin-natura. Dan il-post kien kbir ħafna u kien fih pjanti ta' kull tip, annimali żgħar u kbar, mimlijin kuluri u kull tip ta' siġra. Dan kellu temp xemxi li qatt ma tara sħaba waħda. Dan il-post semmejtu 'Nixxiegħa' għax kellu nixxiegħa sabiħa fin-nofs.

Dan kien post tropikali b'ħafna annimali fosthom ħut tropikali b'ħafna kuluri bħall-aħmar u l-griż. Iċ-ċinji sbieħ u kienu bojod karti. Il-fjuri kienu mill-isbaħ b'kull tip ta' kulur. Kien hemm ukoll qawsalla sabiħa fin-nofs tal-post. 

Kien hemm riħa ta' fjuri ta' filgħodu, tal-arja pura u tal-ħaxix niedi ma' kullimkien. Meta kont hemm, f'dan il-post ħassejtni ferħana ħafna u kont inħossni rrilassata ħafna bis-sbuħija tan-natura ta' madwari. Stajt nisma' wkoll it-tpespis tal-għasafar ħelwin minn fuq is-siġar għoli li kien hemm. Kien hemm atmosfera tal-ferħ, sbuħija u tan-natura. 

Dan il-post ma nqabblu ma' xejn għax m'hemmx post isbaħ minn dan. F'daqqa waħda ħassejtni imdejqa ħafna għax bdejt nisma' d-daqq tal-arloġġ biex iqajjimni għall-iskola. Kemm nixtieq li għadni f'dak il-post mill-isbaħ!

Sarah Attard (Form 1.3) 
----------

F'dan il-post issib ħafna ħajja. Tħossok irrilassata u mingħajr bżonn ta' mezzi elettroniċi, għax f'dan il-post tkun qisek fis-sħab jew fis-seba' sema. Hawn ma tarax karozzi, ajruplani jew magni, imma siġar, pjanti, annimali ta' kull tip u ambjent sabiħ u nadif. 

Jien qiegħda nħares lejn għadira kbira b'ħafna ċinji sbieħ u eleganti. Fl-ilma tara ħut ta' kull tip u kulur, waħda ikbar minn oħra. Hawnhekk ġġib ktieb miegħek u taqrah bil-kwiet jew inkella tirrilassa u tara s-sbuħija t'ambjent madwarek. 

F'dan il-post tant sabiħ tista' xxomm ir-riħa tal-fjuri sbieħ, kbar u żgħar. Il-fjuri li jikbru f'dan il-post, b'mod speċjali huma l-ġilju tal-ilma. Ħafna drabi tara xi qawsalla sabiħa. Hemm ukoll kaskata hawn, ma tantx hi għolja imma sabiħa immens kif inhi. 

L-għasafar ipespsu u jittajru dejjem hija xi ħaġa ħelwa li tara jew tisma'. Is-siġar huma mimlijin weraq sbieħ u ma nsemmix il-fjuri sbieħ, li jagħmlu riħa tfuħ ħafna. Imma l-isbaħ żminijiet huma r-rebbiegħa u l-ħarifa, għax fir-rebbiegħa ċ-ċinji jkollhom iż-żgħar. Fil-ħarifa l-weraq tas-siġar ikunu kollha kuluri bħall-aħmar, isfar, oranġjo u xi drabi ftit vjola. 

Aimee Sciberras (Form 1.1)
----------

Fl-istampa li qed nara, nimmaġina li hemm il-kampanja sabiħa ħafna. Dan ir-ritratt żgur li ġie meħud fi żmien ir-rebbiegħa, allura iktar u iktar ikun sabiħ iktar mis-soltu. Hemm ukoll atmosfera sabiħa u naturali ħafna. 

B'kollox hemm tlettax-il fjura. Hemm tlieta minnhom li għandhom petali bojod imma fin-nofs hemm ir-roża ċar. Sitta minnhom ħomor bl-aħdar fil-ġenb tal-petali. Hemm ukoll erba' fjuriet bojod silġ. Hemm weraq kannella wkoll, imma l-kannella mhux normali imma isbaħ minn tas-soltu. Hemm ukoll weraq aħdar. 

'Il-bogħod bil-kemm tidher, hemm kaskata bit-taraġ u ħdejha hemm is-siġriet li huma twal ħafna, bl-ilma abjad silġ taħthom. Il-kaskata hemm il-pjanti fuqha. Quddiem il-kaskata hemm qawsalla, kbira u sabiħa. Jekk tħares ġol-ilma sew issib żewġ ħutiet li qegħdin iduru fit-tond. Il-kulur tal-ħut huwa abjad imma rasu oranġjo. Fejn il-kaskata hemm żewġ papri bojod. 

Ir-riħa li tinxtamm f'dan il-post hi inkredibbli. Kieku noħodha kullimkien miegħi. Meta nxomm dik ir-riħa nkun qed inxomm il-fjuri, ir-riħa tas-siġar u tal-ilma nadif. 

Kylie Vella (Form 1.2)