Wednesday, April 30, 2014

Komponiment argumentattiv 1

L-iskola, filgħodu jew filgħaxija?

Jiena, personalment nippreferi li l-iskola tkun filgħodu iżda ma nkunx nixtieqha fit-tmienja neqsin ħamsa, għax tibda kmieni wisq. Il-ħin ideali jkun fit-tmienja u nofs. 

Meta l-iskola tkun filgħodu, ikun aħjar għax jekk tkun trid tmur iċ-ċinema jew toħroġ tiekol mal-ħbieb, ikun isbaħ jekk tmur filgħaxija. Mill-banda l-oħra, jekk l-iskola tkun filgħaxija, ix-xogħol għad-dar inkunu nistgħu nagħmluh meta nqumu u moħħna jkun għadu frisk. Tajjeb ukoll għax ma jkunx hemm għalfejn inqumu kmieni u meta tkun trid tistudja, tistudja filgħodu meta tkun għadek ġejja minn raqda twila. 

Ħafna studenti jippreferu l-iskola filgħaxija ħalli ma jkunux nofshom reqdin waqt l-ewwel lezzjoni u oħrajn jippreferuha filgħodu ħalli jeħilsuha. Xi studenti jippreferu li nofs il-ġranet tal-ġimgħa jkunu skola filgħodu u n-nofs l-ieħor ikunu filgħaxija. 

Issa kif qiegħda nikteb dan il-komponiment, qiegħda ninduna li iktar tolqotni l-idea li nofs il-ġranet ikunu filgħodu u n-nofs l-ieħor ikunu filgħaxija, għax pereżempju; it-Tnejn u t-Tlieta jista' jkollna l-iskola filgħodu, u l-Ħamis u l-Ġimgħa jkollna l-iskola filgħaxija. B'hekk ikollna taħlita u mhux dejjem l-istess.

Kulħadd għandu opinjoni differenti iżda fl-aħħar mill-aħħar, mhux l-istudenti jagħżlu l-ġranet u fiex ħin tkun l-iskola. Fl-aħħar mill-aħħar l-iskejjel ta' Malta filgħodu jkunu l-lezzjonijiet.

Valentina Borg (Form 2.1)
----------
L-internet, ħela ta' ħin?

Jekk tuża l-internet bilgħaqal u għal skopijiet ta' bżonn, ma naħsibx li dan ikun ħela ta' ħin. Bħala internet jiena nużah ħafna u ġieli jkolli xi argument ma' ommi  fuq din il-ħaġa. 

L-internet nużah għal xogħol tad-dar, nużah biex inniżżel xi logħob minn fuqu, nużah biex nitkellem fuq affarijiet li jkolli bżonn ma' sħabi, nużah biex nixtri xi affarijiet, insomma nużah għal ħafna affarijiet tal-bżonn u tajbin. Imbagħad narah ħela ta' ħin avolja nużah meta nkun qed nilgħab xi logħba minn fuqu jew noqgħod indoqq xi diski. Hawn min jużah għal skopijiet ħżiena u dak żgur li hu ħela ta' ħin. 

Jiena naħseb li mhux kulħadd jaħsibha l-istess, min jgħid li huwa ħela ta' ħin u min jgħid li huwa tal-bżonn. Min jgħid li mingħajru ma jgħaddix u min jgħid li m'għandux xi jridu. Jien kull opinjoni nirrispetta għaliex kulħadd jgħid dak li jħoss hu.

Insomma, kif ġiet id-dinja llum jiena nibqa' ngħid li mhuwiex ħela ta' ħin għaliex illum qed nagħmlu kollox bih; nixtru, inħallsu, naħdmu minn fuqu u ħafna oħrajn. Ma naħsibx li huwa ħela ta' ħin għax ħafna anzjani qegħdin imorru jitgħallmuh, kulħadd irid jitkellem mat-tfal li joqogħdu barra minn Malta u min irid jgħin lit-tfal għax jitgħallmuh l-iskola.

Ħela ta' ħin meta fuq il-bank tal-iskola dieħel l-internet biex nużawh waqt il-lezzjonijiet? Qed jitgħallmu jagħmlu l-lezzjonijiet minn fuqu biex niffrankaw il-ħin. Il-ġenituri tiegħi igergru miegħi meta nużah għal xi skop ta' rilassament għaliex huma jaħsbu li l-internet qiegħed f'każ ta' bżonn u mhux biex ninħela fuqu. 

Għalhekk bdejt nitgħallem biex nibda nużah għal xi xogħol li jkolli bżonn minn fuqu, xogħol ta' bżonn u mhux naħli l-ħin ninħela mal-internet għalxejn. 

Kimberly Bugeja (Form 2.2)
----------
It-televixin, ġid jew ħsara?

Ħafna nies jistaqsu l-mistoqsija jekk it-televixin jagħmilx il-ġid jew il-ħsara? It-televixin għandu kemm-il vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu.

Ftit mill-vantaġġi tat-televixin huma li jagħtu għajnuna kbira biex titgħallem il-lingwi. Ħafna drabi t-tfal Maltin ikunu jafu kif jitkellmu bit-Taljan minn età żgħira għax jaraw programmi bit-Taljan. Fuq it-televixin tista' tara l-aħbarijiet u r-rapporti tat-temp biex iżommuna informati b'x'inhu jiġri madwarna. Ir-rapport tat-temp huwa importanti ħafna għas-sajjiena jew nies b'xogħlijiet li jinvolvu t-temp. L-iktar raġuni li n-nies jieħdu gost jaraw it-televixin hija biex tirrilassa wara ġurnata xogħol. Il-programmi li jiġbru l-flus għall-morda jew għall-foqra huma tajbin ħafna għax kull ma trid tagħmel huwa li ċċempel in-numru li jagħtuk. 

Hemm ukoll l-iżvantaġġi tat-televixin bħall-programmi mhux xierqa jew tal-biża'. L-iktar ħaġa ħażina li jagħmlu n-nies hija li jaħlu kull ħin u kull mument quddiem it-televixin minflok jistudjaw, jaqraw jew jagħmlu xi tip ta' xogħol. Min iqatta' ħafna ħin jara t-televixin, tibda tuġgħu rasu jew anki għajnejh. Jekk jibdew jaraw it-televixin, ikun hemm nuqqas ta' moviment, in-nies jeħxienu u bil-ħxuna jiġi l-mard.

Dawn huma biss ftit mill-vantaġġi u l-iżvantaġġi tat-televixin. Wara kollox, it-televixin bħal kull ħaġa oħra tajjeb, skont kif tużah.

Krysta Falzon (Form 2.3)

1 comment:

  1. JOIN THE ILLUMINATI TODAY AND BECOME RICH AND FAMOUS. Are you a business Man or woman, Pastor, politician, musician, doctor, footballer, student? Do you want to be famous, rich and powerful? Join the Illuminat🔺 brotherhood today and let your dreams come through, become a member today and receive the sum of $600,000 immediately and $300,000 every week: contact us today via WhatsApp:  1 (513) 795 8209 Gmail:@ ( garciasofia373@yahoo.com )

    ReplyDelete