Wednesday, January 28, 2015

Ittra informali

35, "Il-Girna,"
Triq il-Kappar,
Ħ'Attard,
ATD 2283

Il-21 ta' Jannar, 2015


Għażiża Hanna, 


Kif int? Nispera li tinsab tajba. Jiena ninsab tajba iżda qed nibża' ftit għax l-eżamijiet se jibdew ġimagħtejn oħra u minħabba f'hekk irrid nistudja ħafna. 



Kif diġà taf, jien kelli għeluq snini l-ġimgħa l-oħra u issa għandi tnax-il sena. Meta kont wasalt mill-iskola, id-dar kienet dlam ċappa u meta ftaħt il-bieb biċ-, f'daqqa waħda rajt 'il-familja kollha quddiemi bid-dekorazzjonijiet fid-dar. Tgħidx kemm fraħt u din kienet l-akbar sorpriża tiegħi f'ħajti! Ftit wara, il-ġenituri tawni biljett tal-ajru għal Pariġi, fejn toqgħod inti. 


Jien għannaqt lill-ġenituri tiegħi u issa fis-sajf se niġu narawkom. Dan ir-rigal kien sorpriża oħra! Iġri jiġi s-sajf ħalli niltaqgħu!


Dejjem tiegħek,

Lara.

Lara Agius - Form 1.3

----------

8, Triq l-Iskola,
Ħaż-Żebbuġ,
ŻBĠ 3210

L-20 ta' Lulju, 2015

Għażiża Christianne,

Kemm għandi xi ngħidlek! Ilbieraħ naħseb li kienet l-isbaħ ġurnata ta' ħajti! Ma stajtx ma niktiblekx fuq dak kollu li ġara.

Ilbieraħ, bejn is-siegħa u s-sagħtejn ta' waranofsinhar, wasalt id-dar mil-lezzjoni tal-pjanu u sibt kaxxa daqxejn kbira tistennieni fuq il-mejda tal-kċina. Fuqha kien hemm miktub il-kliem 'Għal Thea'. Mimlija eċitament, ftaħt il-kaxxa u ġewwa kien hemm ġeru rieqed ġol-kaxxa b'ċoff aħmar imdawwar m'għonqu. 

Dak il-ħin kont ser intir bil-ferħ! Bdejt nipprova nsiblu isem u peress li l-ġeru kien abjad silġ, iddeċidejt li nsemmih Silġa. Bħalissa, waqt li qiegħda niktiblek, Silġa qiegħed jieħu nagħsa fuq is-sufan. Nispera li nerġa' nisma' mingħandek!

Dejjem tiegħek,
Thea. 

Thea Bugeja - Form 1.2
----------

9, Triq ix-Xemx, 
Ħal Muxi,
ĦMX 1234

Il-11 ta' Jannar, 2015

Għażiża Darelle, 

Kif inti? Jien kollox sew. Bħalissa għaddejja bir-reviżjoni għall-eżamijiet.

Għandi aħbar sabiħa għalik. Għal għeluq snin l-ġenituri tiegħi tawni ġeru tar-razza husky. Taf kemm dejjem xtaqt wieħed u tgħidx kemm fraħt meta rajtu. 

Il-kelba għandha xahar u semmejtha Tikka għax għandha ħafna tikek. Għandha għajnejha blu u hija sewda bl-abjad. Diġà qiegħda titgħallem xi affarijiet. Dejjem tkun qiegħda tistennieni ġejja lura mill-iskola u wara li niekol neħodha dawra żgħira. Ommi tlesti l-ikel għaliha.

Meta nerġgħu niltaqgħu tkun tista' toqgħod tilgħab magħha u mmorru passiġġata ma' Tikka flimkien. Sellili għall-familja tiegħek,

Dejjem tiegħek, 
Abby. 

Abby-Gayle Magrin - Form 1.1

No comments:

Post a Comment