F'dan ir-ritratt, bħala karattru ewlieni nsibu tifla ta' madwar għaxar snin. Din għandha xagħarha iswed tuta miġbur b'żewġ malji żgħar, u frenża qasira li tasal sa nofs moħħha. Wiċċha għandu dehra ta' tifla mqarqċa u għandha par wardiet ħomor peprin. Liebsa libsa ta' lewn vjola u minn taħt għandha flokk irrigat, abjad bl-iswed. Għandha kalzetti twal u ħoxnin ta' lewn iswed, u żarbun tad-ditta "Uggs" kulur vjola ċar, bil-fur abjad.
Din it-tifla kienet qiegħda taqra ktieb, imma mid-dehra marret għajnha biha għaliex tinsab rieqda raqda fil-fond, fuq siġra partikolari. Fuq iz-zokk ta' din is-siġra, wieħed isib fjuri kkuluriti b'ħafna lwien differenti. Fost dawn l-ilwien kien hemm l-aħmar, iċ-ċelesti, l-iswed u l-aħdar. Dawn il-fjuri jidhru li huma mpinġijin fuq iz-zokk. Din is-siġra għandha weraq lewn roża jixgħel. Għandha wkoll l-ispag nieżel bil-qlub żgħar bi lwien differenti mwaħħlin magħhom. Id-dawra ta' dawn il-qlub hija ta' kulur blu skur. Din is-siġra tinsab fis-sħab fejn hemm ukoll spirali tondi ta' kulur roża.
Jiena naħseb li din l-istampa hija ambjentata fid-dinja tal-ħolm, fejn kollox huwa perfett u trankwill. Nispera li ħadt gost taqra din id-deskrizzjoni ta' dan ir-ritratt li tant għoġobni.
Cherise Cauchi (Form 2.1)
----------
Minn Ottubru li għadda, jiena bdejt immur il-librerija tal-iskola kull nhar ta' Ġimgħa fil-ħin tal-brejk. Dan għaliex bdejt ngħin lill-għalliema li tieħu ħsieb il-librerija.
Darba minnhom waqt li kont qiegħda nirranġa l-kotba fuq l-ixkafef, waqa' ktieb mal-art u minnu ħarġet paġna li fuqha kellha stampa ta' tifla rieqda fuq zokk ta' siġra kbira li kienet taqbeż is-sħab. Mal-friegħi tas-siġra kien hemm imdendlin għadd kbir ta' qlub żgħar taċ-ċikkulata. Din l-istampa qatt ma kont rajtha sa dakinhar u għalhekk warrabt il-ktieb biex nisselfu u naqrah. Waħħalt il-paġna f'postha u dakinhar stess wara li lestejt ix-xogħol għad-dar tal-iskola, bdejt naqrah b'interess kbir.
L-istorja kienet dwar tifla ta' sitt snin li jisimha Katrina li darba minnhom waqt li kienet qed taqra l-ktieb Jack and the Beanstalk, marret għandha biha u ħolmot li kienet hi li kienet titla' mas-siġra għolja sa fuq is-sħab, kif kien jagħmel Jack. Il-qlub taċ-ċikkulata li kien hemm mas-siġra ġabrithom biex tqassamhom lil sħabha tal-istitut lejlet il-Milied. Lit-tfal orfni qatt ma kienu jagħtuhom ħelu jew ċikkulatini u l-ħolma ta' Katrina kienet li xi darba hi jkollha biżżejjed flus biex tixtrilhom u tqassmilhom ħelu u ċikkulatini għall-Milied.
Meta Katrina stenbħet mir-raqda, sabet li fuq il-gradenza fil-kamra tagħha kien hemm borża kbira li meta fetħitha sabet li kienet mimlija sa fuq bi qlub taċ-ċikkulata li jien kont rajt fl-istampa tal-ktieb li ssellift mill-iskola. Tgħid kienet il-qalb tajba ta' Katrina li kienet bidlet ix-xewqa tagħha f'realtà?
Michela B. Soler (Form 2.2)
----------
Lara kienet qed taqra ktieb tal-fantasija dwar tifla normali li kienet qed taqra ktieb u f'ħakka t'għajn spiċċat f'dinja oħra. Kienet ilha taqra, għajjiet u raqdet.
Meta qamet mir-raqda sabet ruħha f'dinja oħra kompletament differenti. Kienet liebsa libsa roża u vjola tleqq. Kienet bilqiegħda fuq zokk mimli fjuri bojod u sofor ifuħu ħafna iktar mis-soltu. Miz-zkuk kien hemm il-qlub imdendlin kollha kuluri differenti; aħmar, blu, isfar, oranġjo - minn kollox! Is-siġra kienet qisha qed tistrieħ fuq dak il-ħelu li qisu tajjar, imma minflok f'forma ta' qawsalla u bil-kuluri kollha tal-qawsalla.
Lara qamet minn fejn kienet bilqiegħda u bdiet tipprova tiskopri fejn kienet waslet għax l-aħħar li kienet taf kienet qiegħda fis-salott tan-nanna. Wara ftit iddur u tara x'hemm, ħarġet bil-konklużjoni li kienet qed toħlom ħolma li vera ħassitha reali. Sabet li l-qlub kienu ħelu b'togħmiet differenti! Ma kien hemm ħadd ieħor - kienet waħedha f'dinja għaliha, litteralment! Skopriet li kien hemm ħafna postijiet fejn tmur - allura qgħadet iddur ftit.
Skopriet li kien hemm funtana taċ-ċikkulata u bdiet tiekol minn hemm. Iċ-ċikkulata kellha togħma tajba wisq! Kien hemm minn kull tip ta' ċikkulata, anki ċikkulata vjola kont issib. Il-funtana kienet enormi - kellha titla' fuq ħelwa ħadra u roża biex tilħaqha.
Il-ħin beda għaddej u bejnha u bejn ruħha kienet qed tħossha għajjiena. Rat bieb kbir iktar mis-soltu u daħlet fih. Bdiet tisma' ħoss ta' mużika klassika ġej minn kullimkien. Sabet ruħha f'teatru u kien hemm ballerini libsin kostumi sbieħ ħafna. Kienet qed tarahom jiżfnu perfett.
F'daqqa waħda, Lara ħassha ħażin u waqgħet mal-art. Bdiet tara kollox idur u f'daqqa waħda sabet li kienet id-dar tagħha. X'kien ġara? Fejn kienet marret? Għadha ma tafx sal-lum!
Alicia Schembri (Form 2.3)
No comments:
Post a Comment