Dan il-ktieb jeħodna dritt fuq il-bankijiet tal-iskola. Ġrajja li tagħti ħarsa lejn l-emozzjonijiet li jħossu l-istudenti tal-lum bejniethom. Il-bullying huwa problema soċjali kbira li qed inġarrbu kuljum. Qed naraw b'għajnejna l-impatt tiegħu b'mod akut fl-imġiba ta' ċerti studenti lejn studenti oħra. Issa anke qed ngħixuhom permezz tal-internet ukoll.
Justin u Cedric huma tnejn minn dawn l-istudenti illi jagħmlu l-bullying fuq ħaddieħor minħabba l-ħajja familjari u l-emozzjonijiet suwed tagħhom. Ġimgħa fost l-oħrajn dawn it-tnejn daħlilhom f'rashom li riedu jħarbtu wieħed mill-istudenti tal-klassi tagħhom - Luca. Luca kien ix-xempju tal-istudenti. It-telfa t'ommu f'età ta' seba' snin, ħalliet impatt fuqu u rendietu f'ġuvni sensittiv. L-iċken ħaġa li xtaq dakinhar kien li jaqbdu miegħu dawk it-tnejn!
Kif induna b'dak li kien ġralu Luca u sħabu, indunaw miegħu. Huma ingħaqdu u marru jfittxu lil Justin u Cedric għax kienu ħadulu l-basket. Meta l-istudenti baqgħu ma nstabux, il-ġenituri kif ukoll l-għalliem u s-surmast, tathom rasu b'din l-aħbar.
Il-ktieb kompla u kollox mar għall-aħjar. Justin u Cedric kienu l-isptar u Luca rringrazzja 'l ommu. Dan il-ktieb kont nirrakkomandah lil dawk li għaddejjin mill-bullying.
Emma Bondin (Form 2.1)
----------
Nhar is-Sibt li għadda, minħabba t-temp, bqajna ġewwa. Iddeċidejt li nintefa' fuq is-sufan u naqra ktieb. Bdejt naqra ktieb jismu "L-Istejjer ta' Kendor is-Saħħar." Dan ħallieni bla nifs u tassew għoġobni.
Dan il-ktieb huwa dwar saħħar twajjeb jismu Kendor. Kien żagħżugħ, sabiħ u dħuli. Għamel ħbieb ma' żewġ aħwa jisimhom Sylvan u Tracy. Sylvan huwa tifel fuq ruħu ħafna, imqareb, imma mhux l-ewwel darba li sab ruħu fil-għawġ. Għandu għaxar snin u nofs. Oħtu hija iżgħar minnu sena biss u allura sikwit ikollhom xi jgħidu. Tracey mhix imqarba daqs ħuha, imma lanqas ma tħalliha lixxa. Kendor kien jgħin lill-aħwa billi jagħtihom pariri bżonnjużi biex jinbidlu fi tfal aħjar.
Dan il-ktieb huwa maqsum fi stejjer żgħar u kollha fihom tagħlima importanti għalina. Meta t-tfal ikunu ser jagħmlu xi ħaġa ħażina, Kendor dejjem jirnexxielu jwaqqafhom milli jagħmluha. It-tfal iħobbuh ħafna lil Kendor u anki hu jħobbhom. Il-ktieb fih ħafna tpinġijiet sbieħ bil-kulur ġo kull storja żgħira. It-tpinġijiet juru dak li jkun qed jiġri fl-istorja u huma mpenġijin minn Frank Schembri, pittur bravu ħafna. Il-ktieb laqatni mill-ewwel darba li rajt il-qoxra tiegħu. Kendor huwa ħabib speċjali għat-tfal. Darba minnhom, Sylvan ipprova jpejjep sigarett minn ta' missieru, imma Kendor qabdu u qallu biex ma jpejjipx. Darb'oħra, Tracey kellha vizzju ikrah u darba minnhom għamlet dan il-wiċċ u baqgħet hekk. Din kienet tagħlima biex tieqaf tagħmel hekk.
Dan il-ktieb huwa miktub minn Carmel G. Cauchi, awtur u poeta fantastiku. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jaqrah.
Nicole Caruana (Form 2.2)
----------
Jiena llum ser inkellimkom fuq "Il-Pulena tad-Deheb" ta Trevor Żahra. Dan huwa ktieb mill-isbaħ u nista' ngħid li ma neħħejtux minn idejja għaliex dejjem kien hemm dak l-element ta' suspans! Dan il-ktieb huwa dwar it-tfittxija ta' pulena li kienet magħmula mid-deheb!
Il-karattru prinċipali u l-aktar interessanti huwa Lino. Lino huwa tifel ta' madwar għaxar snin. Huwa tifel kurjuż għaliex dejjem isaqsi! Nistgħu ngħidu li kien kuraġġuż għall-aħħar għaliex kien dejjem lest li jagħmel dak li hu meħtieġ.
Hemm ukoll Ġorġ li jaħdem id f'id ma' Lino sabiex isolvu dan il-misteru ta' din il-pulena. Huwa kien tampar Lino u kien qatta' s-sajf man-nannu Indrin flimkien ma' Lino. Ġorġ ukoll joqgħod aktar attent minn Lino. Dejjem b'seba' għajnejn.
Wara, kien hemm missier Lino li jismu Manwel. Dan kien hu li ddeċida li jmorru t-torri tan-nannu biex isiru jafu aktar dwar il-pulena, allura kien bniedem kurjuż ukoll.
Kien hemm ukoll in-nanna Indrin. Dan kien jgħix fit-torri, kellu qalbu tajba għax dejjem kien lest li jagħti. In-nannu kellu madwar tmenin sena iżda kien fuq tiegħu daqs farfett.
Hemm ukoll karattru ħażin li jgħidulu żaru l-Għakkar. Dan lit-tfal qatt ma kien iħallihom jagħmlu xejn, dejjem kien jgħajjat magħhom fil-vojt. Iżda fl-aħħar tal-ktieb nindunaw li huwa persuna qalbu tajba u sinċier. Dan il-ktieb huwa ambjentat f'xifer il-Ħondoq. Il-post huwa dak li fih jinstab it-torri tan-nannu Indrin u li fih Lino u Ġorġ iqattgħu s-sajf fih.
Lili l-aktar ħaġa li laqtitni kienet il-fatt li t-tfal kienu lesti li jagħmlu minn kollox sabiex isibu l-pulena tad-deheb, iżda mhux ser ngħidilkom jekk isibihiex jew le. Se nħallikom bil-kurżità sabiex taqrawh intom ukoll. Dan il-ktieb ġie stampat għall-ewwel darba fl-1971 u ġie ppubblikat minn 'Merlin Library.'
Anneka Pace (Form 2.3)
No comments:
Post a Comment