Thursday, April 2, 2015

Komponiment deskrittiv dwar persuna

Jien ħa nitkellem dwar oħti ż-żgħira li jisimha Aimee. Aimee għandha tmien snin u għalhekk iżgħar minni sentejn. Hija tagħlaq sninha fis-sitta ta' Mejju, għalhekk din is-sena ser tagħlaq disa' snin. 

Aimee għandha xagħarha kannella skur bi ftit strixxi ta' kannella ċar. Hi għandha għajnejha kannella. Oħti hija rqiqa u għandha wiċċha bi ftit wardiet roża. Aimee tħobb ħafna ikel differenti, però dak favorit tagħha huwa l-ispagetti biz-zalza ħamra. Hi tħobb tixrob l-ilma u tħobb tiekol il-frott frisk, speċjalment il-frawli. 

Aimee hija persuna kuntenta u ferriħija. Ma' nies oħra, hija simpatika u kwieta. Hi tħobb tgħin lil kulħadd. Il-passatempi tagħha huma li taqra, tiżfen il-'ballet,' toħroġ mal-familja u tilgħab miegħi. L-istaġun li Aimee tieħu gost fih huwa s-sajf. Dan għaliex tkun tista' tmur il-baħar, ikollha aktar ħin liberu biex tipprattika l-passatempi tagħha, kif ukoll tkun tista' tiekol xi ġelat tajjeb. Peress li oħti tħobb ħafna l-qtates sufin, fis-sajf hi tkun tista' tqatta' aktar ħin tilgħab mat-tlett iqtates sufin li għandha. Meta tinzerta tkun ġurnata sabiħa, anki fl-istaġun tar-rebbiegħa, ommi u missieri kemm-il darba joħduna 'horse riding.' Dan jgħina biex inqattgħu aktar ħin bħala familja. 

Għalkemm xi kultant jiena u oħti niġġieldu qisna kelb u qattus, dejjem nerġgħu nagħmlu ħbieb. Aħna nħobbu ħafna lil xulxin u mingħajr xulxin m'aħna xejn. 

Kylie Agius (Form 1.1)
----------

Thea hija tifla ta' ħdax-il sena. Din hi waħda mill-akbar ħbieb tiegħi u se niddeskrivi l-karattru tagħha. 

Thea dejjem ferħana u kuntenta b'dak kollu li jkun għaddej madwarha. Meta titkellem tħobb iċċaqlaq idejha. Dejjem simpatika mal-ħbieb tal-klassi u meta ġieli tgħidilha xi ċajta ma nkunux nistgħu nieqfu bid-daħk.

Hija dejjem lesta li tgħin lil kull min ikollu bżonn fil-klassi. Għandha ħafna passatempi sbieħ, imma l-aktar favoriti tagħha huma l-qari, iż-żfin, il-logħob bil-kompjuter u l-għawm. Kull nhar ta' Erbgħa tmur tistudja l-pjanu wkoll. Thea tħobb ħafna l-annimali. Darba minnhom rat kelb jiġri fuq il-ħaxix u daħħal xi xewka ġo jdejh. Malli semgħat il-kelb jibki, marret tiġri biex tara x'kien ġralu u rnexxielha toħroġhielu. 

Thea hija tifla simpatika u intelliġenti. Fl-eżamijiet dejjem tmur tajjeb u tiġi minn ta' quddiem. Hija samra b'xagħarha u għajnejha kannella. Għandha xagħarha twil u lixx iżda ta' spiss tiġbru f'toppu jew tagħmlu malju fil-ġenb. Għalkemm Thea għad għandha biss ħdax-il sena, ġabet ruħha għax għandha figura sabiħa ta' tfajla ġmielha. Għall-età tagħha, twila mhux ħażin. Għandha wiċċha bil-wardiet roża wkoll.

Lil Thea nħobbha ħafna għax dejjem ġabitli rispett u jien nirrispettaha lura. Nispera li nibqgħu ħbieb u nkabbru l-ħbiberija tagħna filwaqt li nkomplu nitgħallmu minn xulxin.

Nicole Schembri (Form 1.2)
----------

Il-persuna li għażilt jisimha Lilia. Hi għandha tmintax-il sena u toqgħod fil-blokka tal-appartament tiegħi. Lilia tinsab fl-ewwel sena tal-Università tistudja ż-żfin. Lilia hija twila u għandha figura perfetta għal żeffiena.

Lilia kienet għamlet żmien toqgħod l-Italja. Meta ġiet lura Malta, jien kelli biss sena u fil-ħin liberu tagħha kienet toqgħod tilgħab miegħi. Konna nqattgħu ħafna ħin flimkien nilagħbu bil-pupi jew ta' parsi qed nagħmlu xi kikkra te, naraw xi film tat-tfal. Ġieli kienet toqgħod taqrali xi storja wkoll. Meta kienet tiġi hi, il-ħin kien itir. 

Meta bdiet tikber u l-ħin liberu tagħha naqas u jien bdejt immur l-iskola, bdejna niltaqgħu inqas imma Lilia kienet tiġi fil-vaganzi biss. Peress li t-tnejn li aħna żeffiena, konna noqogħdu niżfnu u nipprattikaw iż-żfin flimkien. Naħseb ta' taħtna ma tantx kien jieħu gost bina imma kont inkun fis-seba' sema. Issa li t-tnejn għandna ħafna x'nagħmlu, ma bqajniex niltaqgħu, imma meta naraha fit-triq, dejjem nieqfu u ngħidu xi kelma. 

Jien nixtieq li nibqgħu ħbieb għal dejjem. Jien nixtieq ukoll li nsir ballerina tajba bħalha. Avolja diffiċli, peress li hi ballerina ddedikata. Nixtieq nirringrazzjaha ta' kemm qratli kotba għax bis-saħħa tagħha sirt inħobbhom. 

Sara Caruana (Form 1.3)

No comments:

Post a Comment