Thursday, April 23, 2015

Deskrizzjoni ta' post

Qatt ma nista' ninsa meta mort fid-dinja tal-fantasija tiegħi, fil-ħolm. Ħlomt li kont qiegħda l-ġenna fejn Ġesù, fil-Ġnien tal-Eden, ġnien impitter, perfett, mhux mittifes mill-bnedmin u mpinġi b'id Alla.

Ir-raġġi tax-xemx niżlu b'kalmezza u trankwillità liema bħalha biex isaħħnu 'l-għadira. Xmara mdaqqsa kienet qed titkaxkar mal-blat f'għoli ta' madwar sitt metri. Il-blat ħadrani għall-bidu ħsibt li kien miżbugħ imma xħin ħarist u qgħadt niflih, rajt li kien miksi b'ħażiż jiżloq. 

Il-qawsalla li kienet qed issebbaħ din id-dinja tal-fantasija tiegħi, stħajjiltha mpenġija. Smajt dak l-ilma nieżel, stħajjiltu xita nieżla bil-qliel. Fl-ilma safi kien hemm bosta ħut ikkulurit tal-ilma ħelu. Xelta kbira ta' pjanti tal-ilma kemm bil-fjuri u kemm bla fjuri, filwaqt li rajt ukoll żewġ ċinji bojod jgħumu fil-kwiet, u bla ebda ħjiel ta' għaġġla, qisu bħal li kieku waqaf l-arloġġ. 

Il-weraq tas-siġar kienu qed jiċċaqalqu bl-istess żiffa ħelwa li kien qed joħloq iċaqlaq l-ilma jitgerbeb fil-ġenna li ħlomt dwarha, bla toroq u allura bla karozzi. Post trankwill, bla ebda ħsejjes bojod, tisfir u tpespis tal-għasafar u tħaxwix tal-ilma. Arja safja u mingħajr ebda sinjali ta' duħħan. L-istess żiffa kienet iġġorr magħha riħa ħelwa ta' fjuri ta' kull tip. Riħa ta' għasel.

Kif tista' tqum u tħalli din il-ħolma warajk?
Kif tista' ma tqumx tard? 

Hailey Ciantar (Form 1.2)
----------

Darba waħda kont waħdi d-dar. Jien kelli n-ngħas u allura mort norqod. Kont qed noħlom illi jien kont ġo dinja ta' paċi. Kien hemm ħafna siġar u pjanti.

Kien hemm ħafna kwiet u kif ukoll paċi. Bdejt inxomm riħa ta' siġar. Hemm kien hemm ukoll ix-xmara sabiħa u nadifa, u kien hemm ukoll il-papri u ż-żrinġijiet ġox-xmara. F'dan il-post ta' paċi kien hemm ħafna annimali sbieħ u kbar. Kien hemm ukoll ħafna frott li kien kbir u kien tajjeb ħafna. Hemm tista' tisma' l-ħoss tal-kaskata nieżla wkoll. Meta inti tkun qed tisma' dan il-ħoss, inti tikkalma u meta l-ilma tal-kaskata jinstabat mal-blat u jittajjar it-taqtir għal fuq wiċċek, inti tħoss dik in-naqra ilma fuq wiċċek. F'dan il-post ta' paċi, it-temp kważi l-ħin kollu jkun dak ta' xemx u l-pjanti ma jmutu qatt. 

Hemm ħafna insetti sbieħ u kbar. Hemm ħafna tipi ta' annimali pereżempju ġiraffi, iljuni, tigri, iljunfantim qtates u klieb. Dawn huma ħafna tipi ta' annimali li huma verament sbieħ. Hemmhekk insibu wkoll dar li hi vera sabiħa, kbira, nadifa u għandha ħafna maġija. Ġo din id-dar isir l-ikel, minn fejn ikunu jistgħu jieklu l-annimali u n-nies li jgħixu hemm. 

Jien kieku mmur hemm għax vera sabiħ il-post speċjalment peress li jien inħobb il-paċi. 

Joanna Gauci (Form 1.1)
----------

Iċ-'Chadwick Lakes' jinsab fil-limit tar-Rabat, eżattament f'Wied il-Qlejgħa. Dan il-post huwa wieħed mill-ftit postijiet ta' Malta li għadu fl-ambjent naturali tiegħu. 

F'dan l-ambjent, tista' xxomm arja friska u r-riħa tfuħ tal-fjuri. F'dan il-post tista' tisma' 'l-għasafar jgħannu u tisma' l-ilma nieżel li jkun ġej minn ġol-widien. Dan il-post mhux biss għandu l-ambjent sabiħ imma għandu sens ta' ġabra għax fl-aħħar tal-ġimgħa jilqa' ħafna familji. 

L-unika ħaġa li ddejjaqni hi meta mmur f'dan il-post u jkun hemm xi vandaliżmu, bħas-siġar maqtugħin. Il-ħitan ħafna minnhom impinġijin bl-'ispray' u mwaqqgħin. Xi nies imorru jfittx l-bebbux u meta jċaqalqu l-ġebel kbir ma jpoġġuhx f'postu. Ħaġa oħra li ddejjaqni hi meta n-nies joħorġu bil-kelb tagħhom u ma jnaddfux wara li l-kelb jagħmel il-bżonnijiet tiegħu. Dan kollu mhux talli jagħmel ħsara lill-ambjent imma wkoll lill-annimali jew 'l-insetti li jgħixu f'dan il-post. 

Malta huwa pajjiż żgħir u ma tantx għandna postijiet ta' ġmiel bħal dawn. Din hija r-responsabbiltà tagħna ċ-ċittadini biex nieħdu ħsieb 'l-ambjent biex postijiet bħal dawn ingawduhom aħna u dawk li jiġu warajna. 

Martina Micallef (Form 1.3)

Wednesday, April 15, 2015

Rapport

Il-Belt Valletta, Il-15 t'April, 2015

Inċident tat-traffiku traġiku
It-traġedja li ħalliet persuna mejta.

Il-Ħamis, id-9 t'April, għall-ħabta tas-sitta u nofs ta' filgħaxija, seħħ inċident f'Wied f'Ħal Qormi. F'dan l-inċident li kien bil-karozza, kien hemm mara ta' tletin sena li issa tinsab fil-periklu tal-mewt. Is-sewwieqa kienet qiegħda ssuq b'veloċità qawwija. Hija tilfet il-kontroll tal-karozza tagħha u baqgħet dieħla f'siġra. Xi nies li kienu f'dawk l-inħawi ppruvaw jagħtu l-ewwel għajnuna imma kine kollu ta' xejn. Wara dik it-traġedja, waslet l-ambulanza u ttieħdet l-isptar. Hija kienet qed issofri ġrieħi gravi u sfortunatament mietet l-għada stess.

Kelsey Azzopardi (Form 2.3)
----------
Is-Siġġiewi, It-2 t'April, 2015

Tfal Jisirqu u Jaqilbu Karozza ġol-Parapett ta' Żewġ Anzjani

Tliet subien serqu karozza li nqalbet u spiċċat ġo parapett ta' żewġ anzjani. Is-subien, li isimhom ma jistax jissemma' peress li huma taħt l-età, serqu l-karozza ta' Silvian Cassar ta' ħamsa u erbgħin sena. Saqu l-karozza mir-Raħal Ġdid sa Santa Luċija, iżda fi Triq iż-Żnuber tilfu l-kontroll tal-karozza u baqgħu deħlin ġol-parapett ta' Victor u Marthese Titley ta' tlieta u sittin u sittin sena. Marthese Titley qaltilna, "Meta wasalt id-dar u sibt karozza maqluba ġol-parapett, ħadt qatgħa kbira. Ċempilt 'il-pulizija li waslu f'leħħa ta' berqa. It-tfal ippruvaw jaħarbu iżda l-pulizija rnexxielhom jaqbduhom." Wieħed mis-subien qalilna, "Konna biss qed nisselfu l-karozza biex immorru dawra biha, u wara konna se nirritornawha." Il-ġimgħa d-dieħla l-każ ser jitressaq il-qorti. 

Nicole Riolo (Form 2.1)
---------
Ħaż-Żebbuġ, L-Erbgħa, il-11 ta' Mejju, 2015

Waqa' Ajruplan
Ajruplan tal-'Germanwings' waqa' fl-Alpi

Kulħadd tkexkex kif sema' bl-aħbar li l-ajruplan tal-'Germanwings' kien waqa' fl-Alpi Franċiżi. Intqalu ħafna affarijiet, ħafna minnhom veri u oħrajn qlajjiet, kif jiġri dejjem. Fuq l-ajruplan kien hemm mija u ħamsin persuna, żewġ trabi u kien hemm ftit tfal tal-iskola. Il-ko-pilota kien qed ibati minn dipressjoni u t-tabib kien qallu biex ma jmurx xogħol. Sfortunatament ħadd ma salva u nstabet il-kaxxa s-sewda li din turi x'ġara. Fi tmien minuti l-ajruplan waqa'. Huwa nstab f'biċċiet. Min jaf kif ħassewhom il-familji li tilfu lil xi ħadd speċjali. 

Corinne Zammit (Form 2.2)

Thursday, April 2, 2015

Komponiment deskrittiv dwar persuna

Jien ħa nitkellem dwar oħti ż-żgħira li jisimha Aimee. Aimee għandha tmien snin u għalhekk iżgħar minni sentejn. Hija tagħlaq sninha fis-sitta ta' Mejju, għalhekk din is-sena ser tagħlaq disa' snin. 

Aimee għandha xagħarha kannella skur bi ftit strixxi ta' kannella ċar. Hi għandha għajnejha kannella. Oħti hija rqiqa u għandha wiċċha bi ftit wardiet roża. Aimee tħobb ħafna ikel differenti, però dak favorit tagħha huwa l-ispagetti biz-zalza ħamra. Hi tħobb tixrob l-ilma u tħobb tiekol il-frott frisk, speċjalment il-frawli. 

Aimee hija persuna kuntenta u ferriħija. Ma' nies oħra, hija simpatika u kwieta. Hi tħobb tgħin lil kulħadd. Il-passatempi tagħha huma li taqra, tiżfen il-'ballet,' toħroġ mal-familja u tilgħab miegħi. L-istaġun li Aimee tieħu gost fih huwa s-sajf. Dan għaliex tkun tista' tmur il-baħar, ikollha aktar ħin liberu biex tipprattika l-passatempi tagħha, kif ukoll tkun tista' tiekol xi ġelat tajjeb. Peress li oħti tħobb ħafna l-qtates sufin, fis-sajf hi tkun tista' tqatta' aktar ħin tilgħab mat-tlett iqtates sufin li għandha. Meta tinzerta tkun ġurnata sabiħa, anki fl-istaġun tar-rebbiegħa, ommi u missieri kemm-il darba joħduna 'horse riding.' Dan jgħina biex inqattgħu aktar ħin bħala familja. 

Għalkemm xi kultant jiena u oħti niġġieldu qisna kelb u qattus, dejjem nerġgħu nagħmlu ħbieb. Aħna nħobbu ħafna lil xulxin u mingħajr xulxin m'aħna xejn. 

Kylie Agius (Form 1.1)
----------

Thea hija tifla ta' ħdax-il sena. Din hi waħda mill-akbar ħbieb tiegħi u se niddeskrivi l-karattru tagħha. 

Thea dejjem ferħana u kuntenta b'dak kollu li jkun għaddej madwarha. Meta titkellem tħobb iċċaqlaq idejha. Dejjem simpatika mal-ħbieb tal-klassi u meta ġieli tgħidilha xi ċajta ma nkunux nistgħu nieqfu bid-daħk.

Hija dejjem lesta li tgħin lil kull min ikollu bżonn fil-klassi. Għandha ħafna passatempi sbieħ, imma l-aktar favoriti tagħha huma l-qari, iż-żfin, il-logħob bil-kompjuter u l-għawm. Kull nhar ta' Erbgħa tmur tistudja l-pjanu wkoll. Thea tħobb ħafna l-annimali. Darba minnhom rat kelb jiġri fuq il-ħaxix u daħħal xi xewka ġo jdejh. Malli semgħat il-kelb jibki, marret tiġri biex tara x'kien ġralu u rnexxielha toħroġhielu. 

Thea hija tifla simpatika u intelliġenti. Fl-eżamijiet dejjem tmur tajjeb u tiġi minn ta' quddiem. Hija samra b'xagħarha u għajnejha kannella. Għandha xagħarha twil u lixx iżda ta' spiss tiġbru f'toppu jew tagħmlu malju fil-ġenb. Għalkemm Thea għad għandha biss ħdax-il sena, ġabet ruħha għax għandha figura sabiħa ta' tfajla ġmielha. Għall-età tagħha, twila mhux ħażin. Għandha wiċċha bil-wardiet roża wkoll.

Lil Thea nħobbha ħafna għax dejjem ġabitli rispett u jien nirrispettaha lura. Nispera li nibqgħu ħbieb u nkabbru l-ħbiberija tagħna filwaqt li nkomplu nitgħallmu minn xulxin.

Nicole Schembri (Form 1.2)
----------

Il-persuna li għażilt jisimha Lilia. Hi għandha tmintax-il sena u toqgħod fil-blokka tal-appartament tiegħi. Lilia tinsab fl-ewwel sena tal-Università tistudja ż-żfin. Lilia hija twila u għandha figura perfetta għal żeffiena.

Lilia kienet għamlet żmien toqgħod l-Italja. Meta ġiet lura Malta, jien kelli biss sena u fil-ħin liberu tagħha kienet toqgħod tilgħab miegħi. Konna nqattgħu ħafna ħin flimkien nilagħbu bil-pupi jew ta' parsi qed nagħmlu xi kikkra te, naraw xi film tat-tfal. Ġieli kienet toqgħod taqrali xi storja wkoll. Meta kienet tiġi hi, il-ħin kien itir. 

Meta bdiet tikber u l-ħin liberu tagħha naqas u jien bdejt immur l-iskola, bdejna niltaqgħu inqas imma Lilia kienet tiġi fil-vaganzi biss. Peress li t-tnejn li aħna żeffiena, konna noqogħdu niżfnu u nipprattikaw iż-żfin flimkien. Naħseb ta' taħtna ma tantx kien jieħu gost bina imma kont inkun fis-seba' sema. Issa li t-tnejn għandna ħafna x'nagħmlu, ma bqajniex niltaqgħu, imma meta naraha fit-triq, dejjem nieqfu u ngħidu xi kelma. 

Jien nixtieq li nibqgħu ħbieb għal dejjem. Jien nixtieq ukoll li nsir ballerina tajba bħalha. Avolja diffiċli, peress li hi ballerina ddedikata. Nixtieq nirringrazzjaha ta' kemm qratli kotba għax bis-saħħa tagħha sirt inħobbhom. 

Sara Caruana (Form 1.3)