Thursday, April 23, 2015

Deskrizzjoni ta' post

Qatt ma nista' ninsa meta mort fid-dinja tal-fantasija tiegħi, fil-ħolm. Ħlomt li kont qiegħda l-ġenna fejn Ġesù, fil-Ġnien tal-Eden, ġnien impitter, perfett, mhux mittifes mill-bnedmin u mpinġi b'id Alla.

Ir-raġġi tax-xemx niżlu b'kalmezza u trankwillità liema bħalha biex isaħħnu 'l-għadira. Xmara mdaqqsa kienet qed titkaxkar mal-blat f'għoli ta' madwar sitt metri. Il-blat ħadrani għall-bidu ħsibt li kien miżbugħ imma xħin ħarist u qgħadt niflih, rajt li kien miksi b'ħażiż jiżloq. 

Il-qawsalla li kienet qed issebbaħ din id-dinja tal-fantasija tiegħi, stħajjiltha mpenġija. Smajt dak l-ilma nieżel, stħajjiltu xita nieżla bil-qliel. Fl-ilma safi kien hemm bosta ħut ikkulurit tal-ilma ħelu. Xelta kbira ta' pjanti tal-ilma kemm bil-fjuri u kemm bla fjuri, filwaqt li rajt ukoll żewġ ċinji bojod jgħumu fil-kwiet, u bla ebda ħjiel ta' għaġġla, qisu bħal li kieku waqaf l-arloġġ. 

Il-weraq tas-siġar kienu qed jiċċaqalqu bl-istess żiffa ħelwa li kien qed joħloq iċaqlaq l-ilma jitgerbeb fil-ġenna li ħlomt dwarha, bla toroq u allura bla karozzi. Post trankwill, bla ebda ħsejjes bojod, tisfir u tpespis tal-għasafar u tħaxwix tal-ilma. Arja safja u mingħajr ebda sinjali ta' duħħan. L-istess żiffa kienet iġġorr magħha riħa ħelwa ta' fjuri ta' kull tip. Riħa ta' għasel.

Kif tista' tqum u tħalli din il-ħolma warajk?
Kif tista' ma tqumx tard? 

Hailey Ciantar (Form 1.2)
----------

Darba waħda kont waħdi d-dar. Jien kelli n-ngħas u allura mort norqod. Kont qed noħlom illi jien kont ġo dinja ta' paċi. Kien hemm ħafna siġar u pjanti.

Kien hemm ħafna kwiet u kif ukoll paċi. Bdejt inxomm riħa ta' siġar. Hemm kien hemm ukoll ix-xmara sabiħa u nadifa, u kien hemm ukoll il-papri u ż-żrinġijiet ġox-xmara. F'dan il-post ta' paċi kien hemm ħafna annimali sbieħ u kbar. Kien hemm ukoll ħafna frott li kien kbir u kien tajjeb ħafna. Hemm tista' tisma' l-ħoss tal-kaskata nieżla wkoll. Meta inti tkun qed tisma' dan il-ħoss, inti tikkalma u meta l-ilma tal-kaskata jinstabat mal-blat u jittajjar it-taqtir għal fuq wiċċek, inti tħoss dik in-naqra ilma fuq wiċċek. F'dan il-post ta' paċi, it-temp kważi l-ħin kollu jkun dak ta' xemx u l-pjanti ma jmutu qatt. 

Hemm ħafna insetti sbieħ u kbar. Hemm ħafna tipi ta' annimali pereżempju ġiraffi, iljuni, tigri, iljunfantim qtates u klieb. Dawn huma ħafna tipi ta' annimali li huma verament sbieħ. Hemmhekk insibu wkoll dar li hi vera sabiħa, kbira, nadifa u għandha ħafna maġija. Ġo din id-dar isir l-ikel, minn fejn ikunu jistgħu jieklu l-annimali u n-nies li jgħixu hemm. 

Jien kieku mmur hemm għax vera sabiħ il-post speċjalment peress li jien inħobb il-paċi. 

Joanna Gauci (Form 1.1)
----------

Iċ-'Chadwick Lakes' jinsab fil-limit tar-Rabat, eżattament f'Wied il-Qlejgħa. Dan il-post huwa wieħed mill-ftit postijiet ta' Malta li għadu fl-ambjent naturali tiegħu. 

F'dan l-ambjent, tista' xxomm arja friska u r-riħa tfuħ tal-fjuri. F'dan il-post tista' tisma' 'l-għasafar jgħannu u tisma' l-ilma nieżel li jkun ġej minn ġol-widien. Dan il-post mhux biss għandu l-ambjent sabiħ imma għandu sens ta' ġabra għax fl-aħħar tal-ġimgħa jilqa' ħafna familji. 

L-unika ħaġa li ddejjaqni hi meta mmur f'dan il-post u jkun hemm xi vandaliżmu, bħas-siġar maqtugħin. Il-ħitan ħafna minnhom impinġijin bl-'ispray' u mwaqqgħin. Xi nies imorru jfittx l-bebbux u meta jċaqalqu l-ġebel kbir ma jpoġġuhx f'postu. Ħaġa oħra li ddejjaqni hi meta n-nies joħorġu bil-kelb tagħhom u ma jnaddfux wara li l-kelb jagħmel il-bżonnijiet tiegħu. Dan kollu mhux talli jagħmel ħsara lill-ambjent imma wkoll lill-annimali jew 'l-insetti li jgħixu f'dan il-post. 

Malta huwa pajjiż żgħir u ma tantx għandna postijiet ta' ġmiel bħal dawn. Din hija r-responsabbiltà tagħna ċ-ċittadini biex nieħdu ħsieb 'l-ambjent biex postijiet bħal dawn ingawduhom aħna u dawk li jiġu warajna. 

Martina Micallef (Form 1.3)

No comments:

Post a Comment