Thursday, November 24, 2016

Storja tad-daħk

Meta ntilef in-nannu

X'jagħmillek iż-żmien la tixjieħ! Miskin in-nannu li jaf x'jiġifieri. L-istorja kollha bdiet meta jien kelli biss seba' snin.

Darba waħda, il-Ħadd, jien u l-familja tiegħi konna ddeċidejna li mmorru dawra sa Sant'Anton. Missieri ċempel lill-ġenituri anzjani tiegħu biex iħajjarhom jiġu magħna. It-tnejn li huma ma qalux le u f'ħakka t'għajn rajthom wara l-bieb. Malli kulħadd lesta, qbadna t-triq għal San Anton.

Wara xi nofs siegħa, wasalna u kulħadd niżel mill-karozza. Dħalna ġewwa u jien u ħija kellna seba' mitt sena biex immorru niġru u nduru ġol-labirint. Malli dħalna ġo fih, jien u ħija qgħadna flimkien għax ma ridniex nintilfu. In-nannu ddeċieda li jiġi magħna wkoll, imma billi jien u ħija bdejna niġru 'l quddiem, in-nannu ma bediex ilaħħaq magħna u f'kemm ilni ngħidlek, ma baqax jidher wara dawk il-ħitan għoljin tal-ħaxix aħdar.

F'daqqa waħda bdejna nisimgħu l-għajjat tiegħu hu u jipprova jfittixna, imma jiena u ħija ma konniex nafu x'ħa naqbdu nagħmlu. Wara ftit, smajna lil ommna tipprova tgħidlu minn fejn għandu jgħaddi biex forsi jsibna. Aħna ma ċċaqlaqniex minn fejn konna, biex forsi xi darba, jasal in-nannu u jarana. Fl-isfond, stajt tisma' lin-nanna tgħajjat u tippanikja. Fl-istess ħin, jien u ħija konna ħa ninfaqgħu bid-daħk!

Fl-aħħar tfaċċa n-nannu, b'nifsu maqtugħ u aħmar nar. Wara dik il-battikata kbira, it-tlieta li aħna bdejna mexjin lura lejn l-entratura bl-għajnuna t'ommi. Wara din, in-nannu qatt ma' reġa' daħal magħna ġol-labirint!

Martina Vella (Form 2.1)
-----
Meta ssakkart barra

F'ġurnata bellezza tas-sajf, wara li kont ilni neqred li rrid li nagħmlu t-twieqi 'double glazed,' kienu ġejjin il-'Window Brothers' sabiex iwettqu xewqti għax bħal ma jgħid il-Malti, ejta li tgħajjex fiha, delliha u sewwiha. Fid-disgħa waslu u kaxkru l-apparat tqil kollu li kellhom bżonn. Fil-ħdax bdew it-tieqa tal-bejt u hawn ġratli waħda tinkiteb.

Mario, wieħed mill-ħaddiema, qalli biex noħroġ fuq il-bejt sabiex ngħinu billi ngħidlu kif tidher minn barra, bl-użu tas-sinjali. Hekk kif ħriġt, Mario sakkar il-bieb tal-bejt, niżel isfel u xorob kikkra te sħuna, paċpaċ ftit u għen lill-oħrajn, iżda lili nesieni hemm barra. B'kumbinazzjoni tal-akbar kumbinazzjonijiet, il-ġara ħaslet il-gallarija tagħha u l-ilma kollu li użat waqa' fuqi mill-pajp li jiġi fuq il-bejt tiegħi. Ippruvajt inwerżaq kemm niflaħ iżda fl-aħħar qtajt qalbi! Sirt qisni fellus li kien għadu kemm qasam l-Imsida wara ħalba xita qawwija. Ix-xemx tikwi bdiet taħraqli l-ġilda u ħassejtni qisni ħanżir li qiegħed jinxtewa, issa stajt nifhem eżatt x'ikun qed iħoss dak il-povru annimal!

Fl-aħħar, wara tliet sigħat u nofs fuq il-bejt, waħdi, imxarrba u fix-xemx, ġie lura u xħin dħalt ġewwa ħassejt il-frisk tad-dell ma' ġildti u ħassejtni fis-seba' sema. Xħin rani Marjo jidħak kemm jifħal u xħin rajtu jidħak bija aktar inħraqt, ħassejt id-duħħan ħiereġ minn widnejja u kelli aptit inwaddablu xi ħaġa għal wiċċu iżda bħal ma jgħid il-qawl Malti, bil-kwiet u bil-kalma tirbaħ l-arma u kelma żejda fuq ġieħ issir mitħna tar-riħ.

Qabel ma telqu, skużaw ruħhom ta' dak li ġara u għallinqas tawni skont ta' għaxra fil-mija. Anzi ggwadanjajt xi ħaġa minn dik it-trawma! 

Kaya Camilleri (Form 2.2)
-----
Iċ-ċajta li għamilna lill-għalliema tal-Malti

Ma nafx jekk qattx kellna ħarġa bħal tal-lum. Bħal ma jagħmlu kull sena fi żmien il-Milied, l-għalliema joħduna ċ-ċinema. Jiena u sħabi Martina, Mikela, Gabriella u Kerrie ċempilna lil xulxin biex niftehmu dwar l-ikel li ħa nieħdu magħna.

L-għalliema tal-Malti kienet responsabbli tal-istudenti tat-tieni sena ma' għalliema oħra. Fit-tmienja u nofs ġiet għalina x-xarabank biex naraw il-film tad-disgħa u nofs. Kulħadd kien ferħan ħafna. Fit-triq bdejna niftehmu fuq iċ-ċajta li konna ħa nagħmlu. Kien hemm min ma bediex jaqbel ma' din iċ-ċajta għax qalu li ħa naqalgħuha. Kważi kulħadd beda jaqbel u ftehmna li ċ-ċajta ħa ssir xorta waħda.

Kif wasalna, l-għalliema tal-Malti bdiet tgħoddna biex tara li kulħadd kien qiegħed hemm. Madankollu sabet ħamsa neqsin. Minn dak il-ħin, kull għalliema bdiet tgħodd l-istudenti għal diversi drabi. Kien kollu ta' xejn! Wara, l-għalliema kollha bdew jistaqsu lill-istudenti u anki ġewwa ċ-ċinema imma r-risposta kienet dejjem li ħadd ma kien rahom. Imma fejn kienu marru? L-għalliema bdew jgħidu li forsi baqgħu l-iskola għax insejniehom? Wara ħmistax-il minuta tfaċċaw.

F'idejhom kellhom kartuna li kien hemm miktub il-kelma 'ċajta' fuqha. Dawn bdew jgħajtu, "Ċajta!" Qalulna li kienet tad-daħk imma għall-għalliema ma kinitx. Iċ-ċamata qlajnieha kollha kemm aħna! 

Kelsey Schembri (Form 2.3)

No comments:

Post a Comment