Mimlija sa ruħ ommha bil-kurżità, Ella qabdet dan il-ktieb u ħallietu fil-kamra tagħha biex tara x'kien fih. Kif kienet qiegħda tqalleb il-paġni, rat li dan il-ktieb kien ktieb t'avventura sħiħa li darba l-bużnanna Lara kienet esperjenzat ħafna snin ilu.
F'daqqa waħda, filwaqt li Ella kienet qiegħda tħares lejn stampa ta' foresta, rat dawl qawwi ħiereġ mill-ktieb u Ella, mistgħaġba għall-aħħar, ħassitha dieħla fil-ktieb. Għalqet għajnejha għax bdiet tibża'. Kif fetħet għajnejha, ma riditx temmen għax kienet sabet ruħha fl-istess foresta li kien hemm fil-ktieb.
Kif ħassitha aħjar, Ella bdiet miexja fis-silġ għax kienet ix-xitwa. Fil-bogħod rat kastell fuq għolja u bdiet miexja 'l hemm. Taħt siġra rat prinċipessa li qaltilha li fil-kastell kien hemm saħħara li kienet ser tibdilha f'kelba jekk ma tiżżewwiġx lit-tifel tagħha li kien krudil. Il-prinċipessa li kien jisimha Sabrina, talbitha tgħinha.
Ella telqitilha lejn il-kastell. Ella sabitu msakkar imma f'daqqa waħda l-kanċell iswed u ppuntat beda jinfetaħ waħdu. Ella daħlet u mxiet tul is-swali tal-kastell imma f'daqqa waħda, dehru għexieren ta' suldati bil-lanza f'idejhom li mxew magħha fuq kull naħa. Għaddew minn ħafna swali twal u mżejnin b'għamara u tapiti.
Fl-aħħar waslu ġo sala kbira u fuq kien tad-deheb u l-fidda. Kien hemm mara mill-isbaħ, liebsa lbies fin magħmul mill-ħarir. Din kienet is-saħħara. Hija sejħet lil Ella b'isimha u Ella, kważi tirtogħod, resqet bil-mod lejha. X'ġara wara, hu s-suġġett ta' storja oħra...
Emma C. Gatt (Form 1.3)
-----
Marta kien imissha tmur tgħin lin-nanna fit-tindif tad-dar. Kif daħlet mill-bieb ta' barra nannitha għamlitilha kikkra te u newlitilha biċċa biex tnaddaf biha. Wara li xorbot it-te, Marta ddeċidiet li tibda tfarfar il-librerija.
Wara li kienet qed tfarfar, Marta bdiet tara xi kotba li kienu jidhru antiki. Waqfet ħdejn vetrina enormi li kienet tgħatti l-ħajt. Bdiet tirranġa xi kotba li kienu mgħawġin.
Marta ndunat li kien hemm ktieb 'il barra aktar mill-oħrajn. Hi mbuttatu 'l ġewwa u l-ixkaffa bdiet tiċċaqlaq. Marta resqet lura bil-biża'. Din l-ixkaffa resqet waħedha u feġġ passaġġ.
Bdiet timxi ġol-passaġġ u daħlet ġo għar. F'daqqa waħda waqgħet il-kesħa xxoqq il-għadam. Kien hemm dlam ċappa u skiet taqtgħu b'sikkina. Ma kien hemm l-ebda sinjal ta' ħajja.
Fid-distanza, Marta rat dawl ħiereġ minn vażun il-ġmiel tiegħu. Bil-mod il-mod, Marta resqet aktar viċin tal-vażun. Marta qabditu u ċekċkitu sabiex tipprova tiskopri x'kien hemm fih. F'daqqa waħda ħareġ spirtu minn ġol-vażun u ħa l-forma ta' raġel.
L-ispirtu qal, "Jien nista' naqtagħlek tliet xewqiet kull darba li tiġi tarani." Marta veru ħadet pjaċir meta semgħet dan. Ma damitx ma bdiet issemmilu x'riedet.
La mmur id-dar nixtieq li nsib xadina fil-kamra tiegħi lesta biex tilgħab miegħi. Malli noħroġ minn hawn nixtieq li n-nanna tatini l-ħelu u nixtieq li fit-triq xi ħadd jagħtini l-flus."
L-ispirtu xejjer idejh u sparixxa. Marta reġgħet lura għal-librerija. Hemmhekk sabet lin-nanna b'ħafna ħelu f'idejha u meta kienet fit-triq mara tatha ħamsin ewro. Malli waslet id-dar, telgħet tiġri għall-kamra tagħha u sabet xadina fuq is-sodda mdawra bil-ġugarelli.
Marta għoġobha wisq ix-xogħol u bdiet tmur iktar ta' spiss biex tfarfar għand in-nanna u kull darba kienet tagħti titwila lill-ġenju ta' ġol-vażun.
Tereża Zammit (Form 1.1)
-----
Il-Ħadd li għadda filgħodu, jien u l-familja tiegħi morna piknik. Peress li kienet ġurnata sabiħa, il-papà ħadna sal-Ġnejna fejn għandna garaxx. Billi r-riħ kien frisk, il-ftit nies li kien hemm stajt tgħoddhom fuq subgħajk.
Wara li kilna, jien u oħti tlabna lill-ġenituri biex immorru passiġġata n-naħa tal-blat. Ġara li waqt li konna mixjin, rajna vapur antik tal-qlugħ riesaq fuq ix-xatt. Meta wasal naqra viċin sibna li fuqu kellu ħafna pirati. Dak il-ħin, immaġinajt li kienu ġejjin għall-ġlied. Bil-qatgħa li kelli fuqi, għedt lil oħti biex nistaħbew għax it-tnejn konna mwerwrin. Ma stajniex immorru lura għax konna mxejna biċċa sewwa. Meta l-vapur ġie max-xatt, bdew niżlin minnu ħafna pirati armati bil-pistoli u x-xwabel. Bdew tilgħin 'il fuq inkiss inkiss biex jattakkaw razzett fil-quċċata ta' għolja. F'daqqa waħda, smajna leħen jgħajjat 'cut' bl-Ingliż; kien id-direttur tal-film. Xħin jien u oħti ħriġna mill-moħba, stajna naraw kameras, dwal u grupp ta' nies li kienu qed jgħinu. Ħadna r-ruħ meta ndunajna li kienu qed jiġbu film u ma kinux vera pirati.
Billi kellna seba' mitt sena biex ngħidu kollox lill-ġenituri, tlaqna minn hemm. Ħaffifna kemm stajna, imma qgħadna attenti minħabba li l-art kienet imħarbta. Tant kienet avventura stamba, li l-ġenituri lanqas riedu jemmnuna għall-ewwel.
Mariah Farrugia (Form 1.2)
Mariah Farrugia (Form 1.2)
No comments:
Post a Comment