Wednesday, November 16, 2011

Avventura f'dinja oħra.

     Kevin u Maria kienu tewmin u kellhom tlettax-il sena. Ommhom kienet għalliema u missierhom avukat. 
     Darba waħda Kevin u Maria kienu qegħdin jilagħbu fuq il-kompjuter. Meta semgħu ħoss ġej mill-kantina, il-kurżità għelbithom u niżlu biex jaraw x'kien dak il-ħoss. Hekk kif fetħu l-bieb, ġiet tromba tal-arja li ġibdithom 'il ġewwa fid-dlam. Imwerwrin u sturduti sabu ruħhom fi pjazza mdawra b'nies libsin bħal mostri u sħaħar. 
     F'daqqa waħda dehret mara liebsa normali u staqsiethom minn fejn kienu ġew. It-tfal qalulha li kienu minn Malta u staqsewha fejn kienu jinstabu. Il-mara li kien jisimha Mardie u li kienet saħħara qaltilhom li kienu jinstabu f'Martaw. Mardie ħadet lit-tfal id-dar tagħha u spjegatilhom li hi fil-verità kienet zijithom u li ommhom kienet ukoll saħħara, imma għażlet li tmur tgħix fid-dinja tal-umani. Maria u Kevin baqgħu mistagħġba hekk kif skoprew li huma wkoll kienu sħaħar. 
     Iz-zija qaltilhom biex jgħinuha għax kien hemm min ried jeqred id-dinja ta' Martaw. It-tfal aċċettaw. Flimkein maz-zija marru jixtru l-ingredjenti li kellhom bżonn biex jagħmlu t-taħlita maġika. 
     Meta waslu d-dar ħawdu l-ingredjenti ġo borma fuq in-nar u z-zija bdiet tgħid xi kliem maġiku. Meta t-taħlita kesħet, iz-zija qabdet żewġ stikek tal-maġija u tathom lit-tfal. Tefgħat it-taħlita ġol-istikek. Kellhom kollox lest ħlief li jitgħallmu s-sentenza maġika qabel ma jattakka l-għadu. 
     F'daqqa waħda nstema' ħafna twerżiq u għajjat. Tgħid kien wasal l-għadu? It-tfal laħqu tgħallmu kliem maġiku? Irnexxilhom isalva lil Martew? U t-tfal marru lura d-dar tal-ġenituri tagħhom? 

Mattea Maresca (Form 1.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Darba minnhom sebaħ jum sabiħ bis-sema ikħal nir. Is-sħab kien qisu numru t'anġli jittajru u l-għasafar ipespsu melodiji sbieħ. Kien jum ta' sħana wkoll u għalhekk Jade u l-familja tagħha marru sal-Miżieb fejn kien hemm it-trankwilità. 
      Il-kuġini ta' Jade kienu kollha żgħar. Jade ma kellhiex aptit tilgħab noli jew dawra-durella għaliex kienet kbira għal dal-logħob. Minflok marret passiġġata. Rat siġra li kienet differenti mill-oħrajn għax kellha forma ta' wiċċ fuqha. Jade resqet lejha, ħadet nifs u nfetaħ il-bieb. Ovvjament Jade daħlet. Rat kullimkien silġ! Kien hemm ukoll xadini bl-ingravajjet u n-nuċċalijiet! Kien hemm bettiegħ mas-siġar, fniek u qtates jixxemxu!
        Min jaf xi bdiet taħseb Jade! F'daqqa waħda ġiet xadina tkellimha bil-lingwa Maltija u b'aċċent Franċiż. Bdiet tgħidilha li Jade qiegħda f'periklu u li trid titlaq minn hemm. Ix-xadina sparixxiet u Jade ma kinitx taf x'ser taqbad tagħmel. Jade qagħdet taħseb fuqha, imbagħad gie iljun b'kuruna fuq rasu u staqsieha x'qed tagħmel fid-dinja tiegħu. Jade spjegatlu kollox iżda l-iljun m'emminiex u ħadha l-ħabs. Il-ħabs kien normali, iżda minflok kollox kien griż u vjola!
       Kienet diġà niżlet ix-xemx u Jade bdiet tinkwieta. Ħarset lejn it-tieqa l-vjola taċ-ċella u rat kokka fuqha. Din il-kokka kellha miktub 'Għaref' fuq moħħha. Il-kokka tagħtha gallettina u qaltilha, "Kulha meta toħroġ. Biex toħroġ tini jdejk!" Jade qabżet u ħadet idha meta f'ħabta u sabta spiċċat barra mill-ħabs. Kielet il-gallettina, għalqet għajnejha, u bla ma taf kif spiċċat quddiem is-siġra fejn bdiet l-avventura. 
      Indunat li l-ħin ma ċċaqlaqx minn meta telqet. Ma qalet 'il ħadd b'din l-avventura. Kollox spiċċa b'wiċċ il-ġid u kompliet il-ħajja normali tagħha. 


Kyra Fenech (Form 1.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Lizzie, tifla ħelwa ta' ħdax-il sena, kienet tħobb wisq id-dina tal-fantasija. Kienet dejjem tintilef taqra dawn il-kotba tal-fantasija, tant li kienet qisha tinqata' ġo dinja għaliha. 
     Darba fost l-oħrajn, waqt li Lizzie kienet qiegħda taqra ktieb fuq is-sodda, f'tebqa t'għajn il-kamra mtliet b'dawl qawwi b'lewn ħadrani. Lizzie bdiet tibża' imma ma setatx tiċċaqlaq. F'ħakka t'għajn, Lizzie sabet ruħha ġo post li qatt qabel ma kienet rat bħalu. Quddiemha setgħat tara biss meded t'għelieqi, ġonna u annimali ta' kull sura u forma, imżewqin b'ħafna lwien. 
     Lizzie ħassitha tassew beżgħana u konfuża u kellha aptit tinfexx f'bikja, imma x-xenarju pittoresk li kellha quddiema ġabilha tbissima fuq wiċċha. Lizzie ddeċidiet li tibda timxi bil-mod għax il-kurżità bdiet tagħmel tagħha. Barra minn hekk, Lizzie kellha wkoll sens t'avventura u xtaqet tiskopri fejn kienet qiegħda. Hija u miexja, Lizzie bdiet tara wkoll ħafna annimali b'ħafna forom u kuluri strambi. 
     F'ħabta u sabta, ħareġ aljen żgħir minn ġo dar li kienet magħmula mill-kejkijiet. Lizzie ħadet qatgħa kbira, imma l-aljen beda jkellimha b'ħafna ħlewwa u ġentilezza. L-aljen beda jispjega lil Lizzie li hija kienet ġiet f'dinja tal-fantasija, dinja fejn kollox kien perfett u kulħadd kien jgħix f'armonija ma' xulxin. Lizzie ħassitha ħa ttir bil-ferħ għax dejjem kellha x-xewqa li taħrab mid-dinja reali. Sfortunatament, l-aljen li kien jismu Żigiżgiżu qal lil Lizzie li hi kellha terġa' tirritorna lura lejn id-dinja. Lizzie ma riditx titlaq għax kienet qed tieħu pjaċir. 
     Lizzie reġgħet sabet ruħha f'kamritha u bdiet taħseb fuq il-fatt li ma setatx tifhem dwar għaliex kienet ġrat din il-ġrajja. Hija kienet kuntenta ħafna li kienet għaddiet minn esperjenza bħal din. 


Megan Attard (Form 1.3)

3 comments:

  1. Jiena hadt hafna gost naqraha din l-istorja

    ReplyDelete
  2. Tajjeb Abby :) U inti kompli ikteb komponimenti sbieħ bħal ma taf tikteb... għax jista' jkun li darb'oħra tintagħżel tiegħek :)

    ReplyDelete
  3. jien hadd gost naqra dan il-komponiment ghax juri li megan taghna ghamlet dak li setat u uzat mohha ukoll.jien nahseb li wahda ghanda taprezza dan ix-xoghol u taqra l-istorja bil-qalb!prosit tassew megan ghandek ghaliex tkun kburijja bik innifsek!tant hadd gost naqra li ghal mument hassejtni minflok lizzie!prosit megan!

    ReplyDelete